The President of Malta

President Myriam Spiteri Debono

Search

Diskors fl-okkażjoni tas-Serata tal-Jum Dinji Donaturi tad-Demm 2024

Ħajr għad-Donaturi tad-Demm

Fl-Okkażjoni tal-Jum Dinji Donaturi tad-Demm 2024

mill-E.T. Myriam Spiteri Debono

President ta’ Malta

Din il-laqgħa tal-llejla kellha ssir nhar Il-Ġimgħa 14 ta’ Ġunju, il-Jum Dinji tad-Donaturi tad-Demm, u tlabt jiena stess illi tiġi posposta għal-llum peress illi kelli safar uffiċjali li ma kienx previst.

Ridt li nkun preżenti magħkom għaliex xtaqt illi l-Presidenża tirrikonoxxi l-kontribut tad-donaturi tad-demm li bis-saħħa tad-donazzjoni tagħhom isalvaw ħajjet in-nies u jgħinu l-fejqan tan-nies.

Ħafna nies għadhom ħajjin, għadhom magħna, bis-saħħa tagħkom.

Id-donazzjonijiet tad-demm f’pajjiżna dejjem saru b’mod volontarju, b’mod gratuit mingħajr ma d-donatur jippretendi xi ħaġa lura – ġest altruist u disinteressat mija fil-mija.  Ġest nobbli, li għal ħafna donaturi mhuwiex ġest ta’ darba, iżda ġest li minn jeddhom jirrepetu b’mod regolari.

Grazzi talli dejjem bqajtu leali lejn dawk li għandhom bżonnkom.  Grazzi wkoll talli huma qed jipprovdu l-aqwa eżempju ta’ solidarjetà mal-oħrajn lis-soċjetà kollha.

Jalla mill-eżempju tagħkom jitħajru oħrajn li jkunu donaturi, u b’hekk tikber il-kultura tal-għoti tad-demm f’pajjiżna.

L-aqwa mod biex dan iseħħ u tikber din il-kultura huwa billi f’pajjiżna jkollna promozzjoni kontinwa biex il-ħażna tad-demm tkun dejjem adegwata, ta’ kwalità kif stabbilita mill-Għaqda Dinjija tas-Saħħa, u jonqos il-bżonn illi minn żmien għal żmien ikun hemm sejħiet għal għoti ta’ demm b’urġenza.

Nixtieq naċċena għal fatt illi fl-opinjoni tiegħi għandha ssir promozzjoni li tkun immirata b’mod speċjali lejn iż-żagħzagħ.  Dan biex titnissel kultura ta’ l-għoti tad-demm fihom, bħala parti regolari mill-ħajja tagħhom, u d-donazzjoni tad-demm tkun appuntament regolari u stabbilit fl-appuntamenti tagħhom.

Id-donazzjoni tad-demm issalva l-ħajjiet. Kun tassew eroj u agħti d-demm.

Qabel nagħlaq ma nistax ma nsemmix lil dawk kollha li jaħdmu fis-Servizz Nazzjonali tat-Trasfuzzjoni tad-Demm, inkluż dawk li jaħdmu fil-Bank tad-Demm sew fl-isptar Mater Dei kif ukoll fl-isptar ta’ Għawdex.

Il-ħidma tagħhom hija kruċjali għas-servizz tal-saħħa f’pajjiżna.

Grazzi għall-kura, gwida, assistenza u fuq kollox inkoraġġiment li tipprovdu sabiex s-servizz ta’ donaturi regolari jkompli dejjem jikber.

Grazzi minn qalbi tal-ġenerosità bla qies tagħkom lkoll.

Skip to content