The President of Malta

Diskors għall-Inawgurazzjoni ta’ Wirja – Emvin Cremona

Webp.net-resizeimage (10)

Onorevoli Ministri

Onorevoli Membri Parlamentari

Sindku Sur Schembri

Arċipriet Joseph Curmi

Sinjuri

Ftit huma dawk li ma semgħux b’Emvin Cremona, l-artist li ħalla legat artistiku daqstant importanti f’pajjiżna, meta ħalla din id-dinja fl-1987 fl-għomor ta’ 68 sena.

Dan għax kien wieħed mill-artisti għalliema tal-ġenerazzjoni tiegħu li għaġnu u sawru l-istorja tal-arti f’pajjiżna.

Lil Emvin Cremona llum niċċelebrawh fil-knejjes, fejn ħadem sa mill-ewwel snin ta’ wara t-Tieni Gwerra Dinjija.

Niċċelebrawh fid-dekorazzjoni – ukoll dik imħejjija għal ġrajjiet storiċi bħalma hu ċ-ċentinarju Pawlin tal-1960.

Niċċelebrawh fil-filatelija fejn għal għexieren ta’ snin sawwar xbihat li għollew il-livell tal-filatelija ta’ pajjiżna, u nfirxu litteralment mal-erbat irjiħat tad-dinja.

Niċċelebrawh illum fil-legat li ħallielna u fil-wirt artistiku li għażla ta’ dan toffrihulna din il-wirja li ser ninawguraw ftit tal-ħin ieħor.

Għal Emvin Cremona dan kollu żgur ma kienx faċli.

Bħal kull min jixpruna ħsieb ġdid, ħtieġlu jistinka, u jibqa’ jemmen li l-lingwaġġ artistiku li ħaddan għad xi darba jinftiehem. Għad ikun apprezzat.

Il-moderniżmu ta’ Cremona ħtieġlu l-kompromess mat-tradizzjoni artistika tal-arti sagra. Kultant ukoll kellu mumenti ta’ konfront ma’ idjoma estetika klassika u tradizzjonali, li baqgħet magħna saħansitra sa żmienna.

Wieħed għalhekk jifhem għaliex Emvin Cremona ħassu aktar ħieles mix-xkiel tat-tradizzjoni fil-produzzjoni filatelika, li nistgħu ngħidu li laħqu livell mingħajr preċedent f’pajjiżna.

Fil-bolli, esperimenta mhux biss b’idjoma ġdida għal pajjiżna.

Fil-filatelija, mhux biss ħaddan ukoll l-astratt, iżda ħaddan ukoll id-dekorazzjoni – linja ta’ ħsieb u xogħol li Cremona eċċella fiha. Fil-kummissjonijiet privati mbagħad sab ħafna aktar spazju biex jimraħ, jesprimi l-ħsieb artistiku tiegħu mingħajr xkiel u jislet idjoma li hi mera tar-ruħ vera u awtentika tal-artist.

Ma nistax ma nsemmix hawnhekk il-“Broken Glass series”, illum ferm apprezzati mill-kollezzjonisti. Minbarra l-fatt li Cremona hawnhekk jesperimenta b’materjali mhux soltu assoċjati mal-pittura, tinħass ukoll l-influwenza tal-awturi kbar ta’ żmienu bħal Alberto Burri u oħrajn.

Din il-wirja, u wirjiet oħra bħalha, tbexxqilna tieqa fuq artist li, bħalma spiss jiġri, jintesa xi ftit jew wisq fir-rutina tal-familjarità.

Tajjeb li nirrevedu u tajjeb li jkollna mumenti u opportunitajiet bħala poplu li napprezzaw.

Tajjeb li wirjiet bħal dawn b’firxa daqstant wiesa’ mir-repertorju artistiku ta’ Emvin Cremona jagħtuna l-opportunità li nifhmu aħjar ħidmet l-artist. Nifhmu aħjar l-istil artistiku tiegħu u kif dan evolva tul iż-żmien.

Iżda aktar minn hekk nifhmu l-uman – il-bniedem wara l-opra tal-arti.

Għaliex wara kull pinzellata hemm artist, li ma huwa xejn ħlief bniedem bħalna.

Wara kull tila hemm ġrajja li kultant tintesa’.

Wara kull opra tal-arti hemm ruħ li qed twasslilna messaġġ.

Il-Ħaġar illum hu wieħed mill-mużewijiet fil-kategorija tiegħu fost l-aktar attivi mhux biss fil-Gżira Għawdxija iżda fil-gżejjer Maltin inġenerali.

F’mument meta l-pandemija laqtet daqshekk ħażin lis-settur kulturali (hawnhekk nixtieq insellem lill-artisti u l-kreattivi ta’ pajjiżna u ntenni, bħalma diġà għamilt, is-sostenn tiegħi fi żminijiet daqstant diffiċli li għaddejna minnhom), f’mument meta erġajna ftit ftit, bil-mod il-mod nerġgħu lura għal normalità ġdida, napprezza u nirrikonoxxi l-isforz kollettiv ta’ tant voluntiera li jmexxu dan il-mużew biex itellgħu din il-wirja, jiksbu l-fiduċja ta’ kollezzjonisti u istituzzjonijiet u jirnexxilhom iressqu għall-attenzjoni tal-pubbliku Għawdxi u Malti l-legat ta’ Emvin Cremona permezz ta’ din l-għażla kkurata.

Kif jingħad f’dan il-qasam – mhix l-istituzzjoni li ssellef lill-istituzzjoni, iżda hu l-persuna li jafda li jsellef lil persuna oħra. Din il-wirja hi xhieda ta’ dan.

Din il-wirja tixhed għall-fatt li dan mhux sempliċi depożitu ta’ opri tal-arti u materjal kulturali.

Tixhed minflok għall-fatt li dan hu mużew ħaj, immexxi b’tant għożża minn volontarjat li jgawdi r-rispett, hemm l-imħabba lejn l-arti, rispett lejn l-artist, u fuq kollox impenn biex jinżamm ħaj l-apprezzament tal-arti.

Bħal kull mużew ieħor, dan il-mużew huwa ċentru edukattiv.

Illum m’aħniex biss niċċelebraw il-legat artistiku ta’ Emvin Cremona iżda wkoll il-ħidma ta’ Il-Ħaġar biex tella’ din il-wirja.

Qegħdin niċċelebraw mużew mixtieq u ffinanzjat mill-komunità.

Mużew impenjat li jwassal għarfien dwar il-wirt kulturali u artistiku ta’ pajjiżna.

Mużew li hu eżempju sabiħ ta’ kif komunità tista’ tixpruna l-għarfien tal-wirt kulturali.

Għalhekk nifraħ u nirringrazzja lil kull min kien involut biex jorganizza wirja bħal din, li tifforma parti mill-24 Edizzjoni tal-“Victoria International Arts Festival”.

Nagħlaq billi nawgura li din il-wirja tħalli l-frott mixtieq, u li titgawda minn ħafna nies.

Nawgura li dan il-mużew u l-volontarjat li jmexxih, ikompli bil-ħidma sfiqa tiegħu.

Ejjew inħarsu ’l quddiem għal aktar inizjattivi ta’ din ix-xorta b’risq l-apprezzament tal-kultura u l-arti f’pajjiżna.

Grazzi għall-attenzjoni tagħkom.

Skip to content