The President of Malta

Search
Close this search box.

Diskors għall-premju tal-MSA, 2 ta’ Diċembru 2021

L-ewwel nett, xtaqt nibda billi nsellem lill-President, lill-kumitat u l-membri tas-Soċjetà Maltija tal-Arti, Manifattura u Kummerċ għall-ħidma li s-Soċjetà dejjem wettqet b’risq il-kamp tal-arti, il-kreattività u l-artiġjanat f’pajjiżna. Din il-ħidma għadha wkoll titwettaq b’tant ħidma u impenn.

Għalkemm is-Soċjetà forsi tibqa’ magħrufa l-aktar għat-tagħlim, b’mod partikolari dak marbut mal-artiġjanat, f’dawn l-aħħar żminijiet għarfet ukoll tibda t-triq ta’ tiġdid. Bdiet tilqa’ hawnhekk f’din il-binja wirjiet ta’ kwalità li jressqu għall-attenzjoni tal-pubbliku dak kollu li l-artist Malti qiegħed jagħraf joħloq u jsawwar. Dan jeħtieġ l-impenn sħiħ ta’ bosta li minn hawn nirringrazzjahom minn qalbi.   

Iżda llum ninsabu hawn biex nirrikonoxxu l-ħidma ta’ dawk kollha li jaħdmu f’dan il-qasam. B’għażla li s-Soċjetà tagħmel ta’ kull sena, tressqilna quddiemna persunaġġ li fil-ħidma tiegħu jew tagħha, li tkun ħidma eżemplari, ma hu xejn għajr il-ħolqa tal-lum mal-persunaġġi l-oħra li ġew qablu jew qabilha, ukoll rikonoxxuti mis-Soċjetà, u li b’ħidmiethom u bl-impenn tagħhom ninsabu fejn aħna llum.

Hawnhekk xtaqt nifraħ, u ningħaqad ma’ min diġà tkellem b’tant kliem sabiħ, lis-Sinjura Pisani Bencini, għal darb’oħra, li llum hi l-aħħar, għalkemm mhux l-anqas, minn din il-lista twila ta’ persunaġġi rikonoxxuti għal ħidmiethom mis-Soċjetà tal-Arti, Manifattura u Kummerċ.

Il-kontribut tas-Sinjura Pisani Bencini hu tabilħaqq estensiv, kif smajna diġà u kif rajna, hekk kif għadu kif ġie muri lilna b’mod pjuttost dettaljat. Smajna dwar il-kontribut storiku artistiku fejn għandu x’jaqsam kemm ma’ pubblikazzjonijiet kif ukoll bħala kuratriċi ta’ wirjiet. Ukoll smajna dwar il-kontribut kritiku u l-apprezzament ta’ ħidmet l-artist Malti tul għexieren ta’ snin. Tabilħaqq, għandna għarfien ta’ karriera ddedikata lejn l-arti, il-kultura u l-apprezzament tagħha.

Aktar minn dan, hu l-kontribut fuq il-mezzi tax-xandir li s-Sinjura Pisani Bencini tibqa’ forsi l-aktar magħrufa għalihom. Tabilħaqq, għal tant snin, jum wara l-ieħor is-Sinjura Pisani Bencini kienet il-wiċċ tas-settur tal-arti u l-kultura fuq il-mezzi tax-xandir għal tant u tant nies.   

Dan hu r-rikonoxximent li llum qegħdin ilkoll niċċelebraw hawnhekk.

Iżda minbarra li hu rikonoxximent tant mistħoqq, il-ħidma u l-impenn li qegħdin nirrikonoxxu għandhom ukoll iservuna ta’ eżempju. 

Il-ħidma b’risq l-għarfien f’kull settur teħtieġ impenn u dedikazzjoni. Ħidmet is-Sinjura Pisani Bencini għandha tkun valur li jsostni l-impenn tagħna favur soċjetà aħjar. Dan hu l-eżempju u l-legat li dan ir-rikonoxximent għandu jiċċelebra.  

Mingħajr il-ħidma ta’ nies bħas-Sinjura Pisani Bencini, il-messaġġ li s-Soċjetà tal-Arti, Manifattura u Kummerċ taħdem tant bis-sħiħ biex twassal, ikun ħafna aktar diffiċli biex jasal u jħalli l-frott tiegħu fis-soċjetà.

Il-possibbiltà u l-potenzjal li dan is-settur jista’ wkoll ikun sors ta’ kif ukoll jgħin għal għajxien aħjar, kemm materjali kif ukoll spiritwali, ma jkunx jista’ jħalli l-frott tant mixtieq u mistenni jekk ma tkunx għall-komunikazzjoni u l-apprezzament imwassla għand il-poplu b’kull mezz possibbli.  

Jiena nagħlaq billi nawgura li l-ħidma tas-Sinjura Pisani Bencini tkun ta’ eżempju u għarfien għall-ħidma tant meħtieġa fost il-poplu tagħna li jkompli jeduka ruħu fl-apprezzament tal-arti u l-kreattività. Nawgura li dan ma jkunx biss b’mod passiv iżda wkoll b’mod attiv u b’impenn.

Din hi l-ħidma b’risq l-arti.

L-arti li tnebbaħ, li thenni wkoll b’mod spiritwali u li tagħmilna bnedmin aħjar.

Prosit u grazzi.

Skip to content