The President of Malta

Search
Close this search box.

Diskors inawgurali mill-E.T. il-President ta’ Malta Dr George Vella, 4 t’ April 2019

Onorevoli Prim Ministru

Onorevoli Speaker

Is-Sinjurija Tiegħu l-Onorevoli Prim Imħallef

L-Eċċellenza Tiegħu Mons. Arċisqof

Onorevoli Ministri

Kollegi, Presidenti Emeriti

Eċċellenzi

Sinjuri,

Diffiċli nispjega u nesprimi l-emozzjonijiet li qed inħoss bħalissa.

Nistqarr illi l-akbar sentiment huwa dak ta’ umiltà profonda quddiem l-inkarigu għoli li għoġobkom tagħżluni għalih, u r-responsabbiltajiet kbar li jġorr miegħu.

Nixtieq nirringrazzja lill-Onor. Prim Ministru li għoġbu jinnominani, u nwassal il-gratitudni tiegħi lill-Parlament li għoġbu jaċċettani u jagħtini fiduċja, u dan b’kunsens, f’isem il-poplu Malti kollu.

Inħossni tassew onorat li ser inkun parti minn lista ta’ persunaġġi illustri li nħatru s’issa f’dan l-inkarigu ta’ President ta’ pajjiżna, u wettqu ħidma straordinarja għall-ġid tal-poplu Malti u Għawdxi.

Hawnhekk ma nistax nonqos milli nsellem il-memorja ta’ dawk minnhom li ħallewna, u nawgura ħafna barka u saħħa lil dawk li għadhom magħna.

Inwiegħed li nwieżen it-tajjeb kollu li wettqu u nipprova fejn nista’, nibni u nżid fuqu.

Ippermettuli nsellem f’dan il-mument il-memorja tal-ġenituri tiegħi, u ta’ dawk kollha li edukawni u ggwidawni matul ħajti, u li żergħu fija valuri etiċi u morali sodi li fuqhom bnejt ħajti.

Ringrazzjament speċjali jmur għall-mara tiegħi, Miriam, u wliedi li mlewli ħajti u tawni daqstant sodisfazzjon.

Fuq kollox irrid nirringrazzja lil ħanin Alla li wassalni s’hawn, u nitolbu jżomm idejh fuqi u fuq pajjiżna.

Huma bosta l-għanijiet li għalihom aċċettajt li nokkupa din il-kariga.

Dak ewlieni huwa li niksbu l-aqwa ġid għall-pajjiżna u għall-Maltin u l-Għawdxin kollha.  

Aktar minn dan, irridu naraw li jkun hemm tqassim ekwu ta’ dan il-ġid, bl-aktar mod ġust u li l-piż tat-tmexxija u l-ħarsien soċjali jintrefa’ minn kullħadd, skond kemm jiflaħ kull wieħed minna.

Il-kunċett ta’ karità bilkemm għad  fadal żmienu fis-soċjetà tagħna. Ninsab konvint li min għandu bżonn l-għajnuna għandu jirċieviha bi dritt u mhux bħala karità jew favur.

Fl-istess ħin, ma nistgħux inħallu qagħda ekonomika tajba f’pajjiżna, tilludina li m’għandniex faqar materjali fost iċ-ċittadini tagħna.

Din hija sfida, u nwiegħed li, safejn nista’, ma nnaqqas xejn mill-impenn soċjali lejn min jinsab fil-bżonn, li wriet mingħand l-Eċċ. Tagħha l-President Emeritu Marie-Louise Coleiro Preca.

Nemmen li l-ewwel u qabel kollox jiġi l-interess tal-individwu, il-ħarsien tad-drittijiet soċjali, u l-kwalità tal-ħajja – kemm għaċ-ċittadin Malti, għall-ħaddiem barrani, u kif ukoll għall-immigranti li obbligati naċċettaw f’pajjiżna.

Il-presidenza se tkompli tagħti widen għall-karba ta’ min għaddej minn xi għawġ, u tkompli tkun ta’ kenn għal min ikollu bżonn.

Bħala President  li ġej mill-qasam mediku, se ninteressa ruħi bis-sħiħ fl-iżvilupp tal-qasam tas-saħħa f’pajjiżna. Dan billi nsegwi u nħeġġeġ l-applikazzjoni tal-iżviluppi ma jaqtgħu xejn f’dan il-qasam hekk vitali għall-soċjetà b’saħħitha.

Nispera li nibqa’ nara r-rispett li sa issa dejjem kien hemm, lejn l-etika u l-morali fil-professjoni medika- fuq kollox ir-rispett għall-ħajja mill-bidu nett tagħha, sal-aħħar nifs tal-individwu. Huwa dan il-ħarsien u r-rispett lejn valuri etiċi, morali, u soċjali, li jgħollu d-dinjità tal-individwu fis-soċjetà tagħna.

Filwaqt li nifirħu naraw jitwal l-għomor ta’ ħutna Maltin u Għawdxin, u filwaqt ukoll li nħeġġuhom jibqgħu attivi, irridu nieħdu kull pass meħtieġ sabiex is-sitwazzjoni ekonomika tal-anzjani tagħna, ma ġġielhomx ibaxxu il-livell u l-kwalità tal-ħajja dinjituża li jixirqilhom jgħixu.

Illum niftaħru, kif inhu xieraq, b’soċjetà mħallta, soċjetà aktar liberali, li tħaddan valuri u użanzi differenti minn dawk ta’ dari. Iżda daqstant ieħor għandna biex niftaħru li tagħna m’hix soċjetà amorali…is-soċjetà tagħna xorta taf tħenn, taf tgħader, taf tgħin, u taf tħoss għal ħaddieħor. Ta’ dan għandna ħafna eżempji.

Matul il-Presidenza tiegħi se nimpenja ruħi ukoll f’qasam daqstant ieħor għal qalbi; dak tal-edukazzjoni – kemm dik akkademika kif ukoll dik vokazzjonali.

Mingħajr edukazzjoni m’hemmx mobiltà soċjali. Mingħajr edukazzjoni m’hemmx żvilupp ekonomiku. Mingħajr edukazzjoni m’hemmx l-għodda meħtieġa biex jitfassal futur aħjar għall-pajjiżna.

B’edukazzjoni, nifhem waħda mifruxa u mhux biss utilitarja, iżda waħda mżejna u mgħonija mill-apprezzament tal-arti, il-kultura, u fuq kollox l-għarfien tad-dinja ta’ madwarna.

B’edukazzjoni nifhem ukoll investiment personali f’kompetenzi fl-oqsma ġodda tal-industrija, l-ekonomija, ix-xjenzi, is-servizzi varji, it-teknoloġija – speċjalment dik tal-informatika, u d-diversi għodod fil-qasam tal-mezzi tal-komunikazzjoni soċjali, li narawhom jiżviluppaw kuljum.

Bi ħsiebni nagħmel dak kollu possibli biex nixpruna ż-żgħażagħ tagħna lejn it-tħaddin ta’ dawn il-kapaċitajiet li permezz tagħhom jistgħu jaħtfu l-opportunitajiet li jiġu mat-tixrid, it-tisħieħ, u t-twessiegħ ta’ professjonijiet u dixxiplini li wieħed jistenna li jsib fid-dinja tax-xogħol tal-lum u t’għada.

Lil kull żagħżugħ u żagħżugħa irridu nagħtuhom kull opportunità li jiżviluppaw it-talenti li twieldu bihom u rawmu waqt it-trobbija tagħhom.

L-aspett politiku tal-ħarsien tal-ambjent kien għalija l-ewwel qasam politiku li nteressani meta dħalt il-Parlament fl-1978. Minn dak iż-żmien ‘l hawn id-dinja nbidlet bis-sħiħ. Iżda d-daqs u r-riżorsi ta’ pajjiżna ma nbidlux. Inbidlet biss il-pressjoni fuq l-ambjent naturali tagħna u żdiedet l-isfida għas-sostennibbiltà. It-theddida tal-ambjent ‘mibni’, fuq dak ‘naturali’, qiegħda dejjem tikber u tissaħħaħ.

Matul din il-Presidenza ħa nkun qiegħed nirrakkomanda lill-awtoritajiet konċernati il-ħarsien strett tar-regolamenti, u li d-deċiżjonijiet jittieħdu bl-akbar skruplu u responsabbiltà, fil-ħarsien tas-sostenibbiltà, u l-obbligi tagħna lejn il-ġenerazzjonijiet futuri.

Dan mhux biss fil-konfront tal-ambjent mibni, imma daqstant ieħor fil-ħarsien tal-kwalità tal-arja, fil-passi kontra t-tniġġis tal-baħar, u miżuri oħra biex ma ngħollux it-temperatura tad-dinja.

Matul il-Presidenza tiegħi, inwiegħed, li minbarra li nara titjib u żviluppi f’dawn l-oqsma, se nagħti importanza assoluta, u naħdem bis-sħiħ biex f’pajjiżna tissaħħaħ l-għaqda nazzjonali.

Din l-għaqda ma tiġix biss bix-xewqa. Irridu naħdmu għaliha. Filwaqt li għandu jibqa’ d-dritt għal opinjonijiet differenti u diverġenti, irid ikollna rispett reċiproku ġenwin.  Irid ikollna djalogu matur u diskussjonijiet li jsiru b’mod dinjituż, li juru mġieba ċivika u korretta u li fuq kollox qatt ma jwasslu għal attakki personali.

Irridu nkomplu nsaħħu l-libertajiet ċivili li pajjiżna tant stinka għalihom f’dawn l-aħħar snin. Irridu nneħħu kull forma ta’ diskriminazzjoni. Irridu nkomplu nsaħħu l-irwol tal-mara fis-soċjetà, u fid-dinja tax-xogħol. F’dan il-qasam irridu naraw li n-nisa jkomplu jiksbu dawk id-drittijiet, li sal-lum għadhom imċaħħdin minnhom, u li mingħajrhom għadha teżisti l-inugwaljanza bejn is-sessi.

Filwaqt li napprezza l-kontribut kbir li taw il-media soċjali biex iqarrbu n-nies lejn xulxin, u jsostnu l-espressjoni ħielsa, nixtieq li jonqsu l-abbużi li jsiru fuq dawn il-mezzi, fejn nieħu l-impressjoni li ma japplikawx in-normi u limiti li japplikaw għall-media stampata u x-xandir.

Dan żgur mhux qed jikkontribwixxi għal aktar għaqda nazzjonali.

Fil-kuntest ta’ kif żviluppat is-soċjetà Maltija f’dawn l-aħħar snin, għaqda nazzjonali tfisser ukoll għaqda li tinkludi d-djalogu bejn l-istat u l-knejjes u t-twemmin differenti li jħaddnu kemm Maltin kif ukoll barranin li llum jgħixu fostna.

L-appell sinċier tiegħi hawnhekk imur għall-parlamentari tagħna li nħeġġiġhom, matul id-dibattiti tagħhom, speċjalment meta qegħdin jindirizzaw l-avversarji politiċi tagħhom, jużaw lingwaġġ, ton u kontenut li jixraq u jagħmel ġieħ lill-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż.

Dejjem emmint li l-eżempju jkaxkar.

Irridu ndaħħlu mill-ġdid rispett ġenwin lejn dawk li huma s-simboli tan-nazzjon tagħna. Rispett lejn il-bandiera Maltija u dak li tirrapreżenta. Rispett lejn l-innu nazzjonali tagħna. Rispett lejn l-ilsien nazzjonali tagħna. Rispett lejn l-istorja u l-kultura tagħna. Rispett lejn l-istrutturi Kostituzzjonali tagħna u l-liġijiet tagħna. Fuq kollox rispett lejn il-liġi suprema ta’ pajjiżna…il-Kostituzzjoni.

Dawn huma l-bażi ta’ għaqda nazzjonali.

Din tissaħħaħ meta hemm il-ftehim, meta hemm ir-rispett, meta m’hemmx tensjoni ċivili, u meta m’hemmx inkwiet industrijali.

Fil-passat, kullħadd – min ftit u min ħafna, ħadem u ta sehemu biex inbena dan il-ġojjel ta’ pajjiż li għandna llum. Żgur li mhux kollox perfett. Għad għandna ħafna x’nagħtu lil dan il-pajjiż biex ngħadduh aħjar milli huwa llum, lill-ġenerazzjonijiet ta’ warajna. Għad għadna diverġenzi dwar it-tħaddim u l-operat tal-istituzzjonijiet f’pajjiżna, dwar is-saltna tad-dritt, dwar poteri amministrattivi, dwar l-istrutturi eżekuttivi.

Għadna nġorru fuq il-kuxjenza nazzjonali tagħna it-tbajja suwed ta’ atti atroċi bħal qtil ta’ Karen Grech, Raymond Caruana, u s-Sinjura Daphne Caruana Galizia. Dan żgur ma jixraqx u jistona bil-kbir mal-karattru twajjeb tal-poplu Malti.

Din hija l-isfida prinċipali li beħsiebni naħdem bis-sħiħ fuqha matul il-Presidenza tiegħi, u nwiegħed li se nagħmel ħilti kollha, bil-koperazzjoni ta’ kulħadd biex titneħħa din il-firda.

Biex ikollna l-għaqda irid jinħass li hemm sigurtà fil-pajjiż.

Is-sigurtà, biex isseħħ, għandha bżonn ħarsien u għassa kontinwa, kemm kontra fatturi interni, kif ukoll fatturi li ġejjin barra minn pajjiżna.

Hawnhekk, f’isimkom, irrid insellem u nirringrazzja lil dawk kollha involuti fil-ħarsien tas-sigurtà tas-soċjetà Maltija, u ta’ pajjiżna, għas-sagrifiċċji li jagħmlu ta’ kuljum biex aħna norqdu b’moħħna mistrieħ.

F’isem il-poplu Malti u Għawdxi nesprimi r-rikonoxximent, u r-rispett li għandi għall-forzi tal-ordni, l-Armata, il-Pulizija, il-Protezzjoni Ċivili, it-tobba u l-paramediċi kollha, kif ukoll dawk kollha fil-qasam tal-volontarjat li jgħinu u jagħtu sehemhom kull meta meħtieġ.

Lil dawn kollha ngħidilhom – grazzi kbira.

Is-sigurtà tinħass ukoll meta s-sitwazzjoni ekonomika tkun tajba. Dan ma jiġix b’xejn, u meta jseħħ, għandu jiġi apprezzat. Dan huwa frott ta’ ħidma kontinwa tal-investituri, in-negozjanti, l-operaturi ekonomiċi, l-istrutturi ta’ amministrazzjoni, u fuq kollox frott il-ħidma ta’ dawk il-Maltin u l-barranin li kuljum imiddu għonqhom għax-xogħol.

Lil dawn ukoll ngħidilhom – grazzi.

Dan huwa kif jien nixtieq nara l-poplu, magħqud flimkien, jiċċelebra l-avvenimenti politiċi importanti li se nfakkru din is-sena : il-55 sena mill-akkwist tal-Indipendenza ta’ pajjiżna, il-45 sena minn meta pajjiżna sar Repubblika, u l-40 sena mill-Ħelsien. Dawn huma ġrajjiet storiċi, u żviluppi politiċi li sawwru lil pajjiżna kif nafuh illum.

Barra minn dawn, din is-sena niċċelebraw ukoll il-mitt sena mill-ġrajjiet storiċi li seħħew fis-7 ta’ Ġunju 1919.

Bħala President nistenna li l-ewwel turija ta’ din l-għaqda u tal-maturità politika tagħna, tintwera’ fil-ġimgħat li ġejjin meta se jkollna l-elezzjonijiet għar-rappreżentanti tagħna fil-Parlament Ewropew.

Minn qalbi nappella li eżerċizzju demokratiku bħal dan, jitmexxa bil-kalma, bir-rispett dovut kemm lejn il-votanti kif ukoll lejn il-kandidati, u b’turija ta’ maturità politika, kif mistenni f’demokrazija matura.

Bħala President tar-Repubblika, wieħed mill-ewwel doveri tiegħi huwa li nkun il-gwardjan tal-Kostituzzjoni, allavolja l-Kostituzzjoni tagħna mkien ma ssemmi jew tiddeskrivi d-doveri marbutin mal-kariga tal-President tar-Repubblika.

Id-dover tiegħi huwa dak li nħarisha u nara li tiġi rrispettata. L-istess jgħodd għal dawk l-istrutturi Kostituzzjonali li huma bżonnjużi biex ingawdu aktar demokrazija u saltna tad-dritt. Dawn huma oqsma bżonnjużi li rridu nħarsu f’soċjetà moderna, demokratika, progressiva, u ekonomikament dinamika. Huwa bit-tħaddim ta’ din l-għodda li nistgħu ngħassu kontra kull tnawwir fid-demokrazija.

Fejn biż-żmien indunajna li jew m’hemmx biżżejjed salvagwardji, jew li hemm bżonn ta’ aġġornament, nibtet ix-xewqa ta’ tibdil fil-Kostituzzjoni biex jagħmel tajjeb għal dawn in-nuqqasijiet.

Din ix-xewqa diġà ssarfet f’ħidma preliminari minn kummissjoni parlamentari taħt it-tmexxija tal-President Emeritu Marie-Louise Coleiro Preca.

Dan l-eżerċizzju, għalkemm għadu fil-bidu, diġà rċieva ħafna kontribuzzjonijiet f’termini ta’ pariri, suġġerimenti, u materjal relevanti ieħor.

Irrid nirrikonoxxi l-fatt li f’dawn l-aħħar ġranet saru żviluppi konsiderevoli biex jibdew jiġu attwati r-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni Venezja.

Bħala President għandi ħerqa kbira biex dan il-proċess inwettquh bis-serjetà mistħoqqa, b’konsultazzjoni ma’ esperti fil-qasam, b’pariri minn studjużi u akkademiċi f’din il-materja, bil-kontribut tal-politiċi, il-kontribuzzjoni tas-soċjetà ċivili, l-għaqdiet volontarji, individwi interessati, u bil-kontribut tal-oqsma kollha tas-soċjetà.

Dan irid ikun eżerċizzju l-aktar wiesgħa, li jinkludi diskussjonijiet maturi u nfurmati tajjeb, biex naslu għal dak li għandna bżonn inbiddlu u naqblu fuqu. B’hekk insaħħu l-Kostituzzjoni tagħna għall-aħjar.

Dan l-eżerċizzju għandu jkun miftuħ kemm jista’ jkun, u jaf possibilment anke jiżvolġi f’Konvenzjoni Kostituzzjonali.

Minkejja li jinħass il-bżonn li jsir it-tibdil meħtieġ mingħajr dewmien, jien nemmen li rridu nimxu bil-galbu, u filwaqt li jkun hemm l-effiċjenza, hemm bżonn li wieħed jevita l-għaġġla bla bżonn.

Fl-aħħar mill-aħħar, dak li jgħodd mhux dak li jkun ġie maqbul u inkiteb, imma li jkollna r-rieda li nosservaw u nirrispettaw dak li nkunu qbilna fuqu biex inservu aħjar lill-poplu Malti u Għawdxi.

Ma nistennewx li nirċievu rispett minn ħaddieħor jekk aħna ma nirrispettawx lil xulxin.

Jien se nimpenja ruħi li nnaqqas, jew kemm jista’ jkun inxejjen, il-firdiet, wħud kbar, oħrajn żgħar, li għandna f’pajjiżna.

Dan jgħodd b’mod partikulari llum, meta f’pajjiżna id-dibattitu politiku m’għadux aktar fuq fejn se nieħdu lil pajjiżna, imma pjuttost jikkonsisti f’tellieqa b’saħħitha bejn min kapaċi joffri l-aħjar triq għas-suċċess ekonomiku u l-aħjar kwalità ta’ ħajja għaċ-ċittadini tagħna.

Illum qegħdin ngħixu f’dinja mibdula għall-aħjar.

M’għandix il-ħin insemmi fid-dettall il-beżgħat tiegħi fuq id-direzzjoni li qed taqbad il-komunità internazzjonali, beżgħat li jvarjaw mill-effetti negattivi ta’ movimenti populisti, il-politika tal-lemin estrem, ir-relazzjonijiet bejn il-potenzi politiċi u l-blokki ekonomiċi madwar id-dinja, it-tibdil fil-klima, il-kriminalità organizzata, id-disperazzjoni marbuta mal-immigrazzjoni rregolari, u elf ħaġ’ oħra.

Jien nemmen li kemm fil-kuntest Ewropew, kif ukoll internazzjonali, pajjiżna għandu rwol importanti x’jagħti. Pajjiż żgħir fid-daqs, imma li jaf ikun effettiv. Nemmen li nistgħu nkunu influwenti bħalma konna f’diversi okkażjonijiet fil-passat.

Fil-qasam internazzjonali nimxu ‘l quddiem biss jekk inkunu rispettati. M’aħniex potenza militari jew ekonomika. M’għandniex saħħa politika biex nimponu. Imma nkunu rispettati, u nsiru rilevanti jekk inkunu kredibbli  u nuru li aħna kompetenti.

Hekk ġara fil-passat meta konna pijunieri saħansitra fuq livell globali.

Għandna rwol importanti x’nilgħabu fil-kuntest Ewro-Mediterranju, fit-tqarrib tal-Ewropa lejn id-dinja Għarbija, fil-politika dwar l-iżvilupp tal-kontinent Afrikan, u fid-djalogu inter-kulturali u inter-reliġjuż.

Fil-fora internazzjonali irridu nkunu ċari dwar l-appell tagħna għall-paċi u għall-waqfien tal-kunflitti internazzjonali u reġjonali. Irridu nkomplu ninsistu dwar il-ħarsien u d-difiża tad-drittijiet ta’ minoranzi, ta’ popli spustati, u ta’ popli okkupati u dawk li għadhom imċaħħda mid-drittijiet bażiċi u fundamentali tagħhom.

Irridu nkunu ċari fil-kundanna tagħna għall-isfruttament ta’ ħaddiema barranin ġejjin minn pajjiżi li għadhom qed jiżviluppaw. Ma niddejqux insemmu leħinna kontra in-nuqqas ta’ kontrolli fuq il-manifattura, bejgħ, u ġarr ta’ armi, armamenti, u munizzjon. Kontra it-traffikar ta’ droga u ta’ bnedmin mill-kriminalità organizzata.

Għandhna nkunu kburin insostnu li, anke fil-politika barranija, għandha tmexxi l-moralità.

Dan inkunu nistgħu nagħmluh b’aktar saħħa u prominenza jekk kif nawgura, jirnexxielna bħala pajjiż niġu magħżula biex nokkupaw wieħed mis-siġġijiet mhux permanenti fil-Kunsill tas-Sigurtà tal-Ġnus Magħquda fis-snin 2023/24.

Ikun fl-interess ta’ pajjiżna u tar-reġjun Mediterranju, li nħabirku biex pajjiżna jkun ċentru ta’ paċi, u ta’ djalogu interkulturali, u inter-reliġjuż f’reġjun daqshekk sensittiv.

Qabel intemm id-diskors tiegħi irrid insellem il-Maltin kollha tad-dijaspora Maltija madwar id-dinja, u nassigurahom mir-rispett li għandi lejhom. Nemmen li anke huma għandhom x’jikkontribwixxu biex jintlaħqu l-għanijiet li tkellimt fuqhom illum. Ninsab ċert li fosthom hemm talenti u kapaċitajiet kbar li jistgħu jintużaw biex inżommu dejjem ogħla l-isem tal-maħbuba Malta tagħna.

Eċċellenzi, Sinjuri,

Ħassejt li llum, f’din l-okkażjoni fejn għażiltuni biex inkun il-President ta’ pajjiżna, u tagħkom ilkoll, kelli niftaħ qalbi magħkom u naqsam il-viżjoni tiegħi dwar x’nixtieq nara jseħħ matul il-Presidenza tiegħi. Wegħdtkom ukoll li nixtieq nagħmel ħafna affarijiet għall-ġid ta’ pajjiżna. Dan ma jistax iseħħ jekk ma nsibx l-appoġġ u l-għajnuna ta’ kullħadd.

Mill-eżempji li ħadt minn dawk li ġew qabli f’din il-kariga hekk għolja, nixtieq li nkun verament ir-rappreżentant u r-repożitorju tal-għaqda nazzjonali ta’ pajjiżna.

Se nkun qed inwettaq Presidenza siekta, Presidenza imparzjali, li sservi ta’ gwida morali għal pajjiżna u punt ta’ għaqda nazzjonali.

Ħa nagħmel minn kollox biex inkun dehen tal-fiduċja li tajtuni u nkun rappreżentant tal-poplu Malti u Għawdxi kollu. Ħa nkun mera li tirrifletti l-bżonnijiet ta’ kull kategorija tal-poplu tagħna u għajnuna biex dawn il-bżonnijiet jittaffew. Ħa nkun il-leħen ta’ dawk il-ftit li jħossu li leħinhom mhux jinstema’ biżżejjed u wens għal min iħossu mwarrab.

Ħa nkun qiegħed nagħmel l-almu tiegħi kollu, biex flimkien ma’ marti Miriam, nirrapreżentaw lill-poplu Malti bid-dinjità li jixraqlu.

Biex jirnexxielna nagħmlu dan, nitlob l-għajnuna ta’ Alla, u ta’ kull wieħed u waħda minnkom.

Viva Malta Repubblika.

Skip to content