The President of Malta

Diskors mill-E.T. George Vella, President ta’ Malta, f’Jum il-Gradwazzjoni tal-Ispeċjalisti fil-Mediċina tal-Familja organizzata mill-Kulleġġ Malti tat-Tobba tal-Familja, Casino Maltese, Valletta, 30 ta’ Ġunju 2022

Membri tal-Kulleġġ Malti tat-Tobba tal-Familja,

Speċjalisti ġodda fil-Mediċina tal-Familja,

Mistednin Distinti,

L-ewwel nett, nixtieq nibda billi nirringrazzja lill-Kulleġġ Malti tat-Tobba tal-Familja li stedinni biex nattendi din il-gradwazzjoni.

Nibda ovvjament billi nifraħ lil dawk kollha li ser jiggradwaw illum.

U niżżi ħajr ukoll lill-“Postgraduate Training Coordinators” fil-Mediċina tal-Familja Dr Mario Sammut, Dr Gunther Abela, u l-Assistenta Dr Sonia Abela.

Nirringrazzja wkoll lit-tobba tal-familja li taw l-opportunità lilkom biex taħdmu taħt is-superviżjoni tagħhom.

Dan kollu juri b’liema serjetà qegħdin nieħdu l-livell professjonali tat-tobba tal-familja f’pajjiżna.

Dan mhux dejjem kien hekk. Qabel kont tibda u, kif konna ngħidu, “taqdef għal rasek”.

Dan il-programm ta’ formazzjoni professjonali juri l-impenn li huwa mistenni llum mit-tobba tal-familja.

Ma rridx ninstema’ patronizzanti, imma ta’ 80 sena, 58 sena tabib, li fihom ħdimt bħala tabib tal-familja għal 49 sena, naħseb li għandi l-kredenzjali li nagħti xi ftit pariri.

L-ewwel nett nifirħilkom li wara l-kors formattiv biex sirtu tobba, dħaltu mbagħad għal 3 snin oħra biex tispeċjalizzaw bħala tobba tal-familja.

Dan juri determinazzjoni mhux żgħira biex tagħmlu dik li ngħidulha l-“general practice”.

Qabel kienu dawk li ma jmorrux jispeċjalizzaw barra li kienu jintefgħu għall-“general practice”. Kienet qisha meqjusa xi Cinderella tal-professjonijiet.

Irridu nammettu imma li llum hemm ħafna aktar għajnuna minn entitajiet statali tas-saħħa biex jgħinu lit-tobba tal-familja jipprattikaw b’mod aktar professjonali u fi struttura aktar organizzata, fil-polyclinics, u anki bl-għajnuna li jsibu fl-investigazzjonijiet tagħhom mill-isptar u anki mill-polyclinics innifishom.

Kien hemm żmien, fi żmieni, meta ma kont tista’ tordna l-ebda test tad-demm biex jgħinek forsi biex tevita li toqgħod tibgħat lill-pazjent l-isptar.

Ilum hemm konoxxenza ħafna akbar ta’ kemm huwa importanti r-rwol tat-tabib tal-familja.

F’din id-dinja li kulma jmur qed insiru aktar u aktar numri fi statistika, il-kuntatt intimu bejn pazjent u tabib fil-mediċina qiegħed jiġi apprezzat ħafna aktar.

It-tobba tal-familja, isimhom magħhom: huma marbutin mal-familja. Anzi f’ħafna każi, nazzarda ngħid, huma meqjusa bħala parti mill-familja!

Huma t-tobba tal-ewwel kuntatt. Huma dawk li jaraw l-ewwel ħjiel ta’ sintomi jiżviluppaw.

Huma li mistennija jiggwidaw lill-pazjenti jfittxu r-riżultati meħtieġa u jiddeċiedu meta jkun hemm bżonn li jirreferu l-pazjent f’idejn uħud aktar speċjalizzati.

Il-maġġoranza tal-pazjenti jħossuhom jistgħu jiftħu qalbhom aktar mat-tabib tal-familja milli mal-konsulent. Bl-ebda disprezz lejn il-konsulenti, però dan huwa fatt bla dubju ta’ xejn.

It-tabib tal-familja llum huwa ffaċċjat mhux biss bis-sintomi ta’ mard komuni, imma anki b’mistoqsijiet u pariri dwar issues ta’ bijoetika, kif ukoll każi ta’ rbit bejn saħħa u drittijiet tal-bniedem.

U hawnhekk insemmi ftit mill-elenku ta’ dawk il-problemi li wieħed jistenna fil-prattika tal-lum li jiltaqa’ magħhom.

  • Ovvjament fuq nett għandek il-kwistjoni tal-abort, l-ewtanasja, il-bidu tal-ħajja, l-aspetti soċjali tal-kura medika u l-isperimentazzjoni klinika fuq il-bnedmin
  • Kif jintiżnu l-aħjar ir-riskji tat-trattament u l-benefiċċji tal-kura
  • Kif ikollok “informed consent” mingħand il-pazjent
  • Jekk hux dritt li jkollok kura b’xejn għal kulħadd, tqum kemm tqum
  • Problemi meta għandna aċċess għal aktar informazzjoni dwar il-ġenetika. X’jiġri wara?
  • Kemm għandu jieħu parti l-pazjent meta qed tiġi diskussa l-kura tiegħu stess
  • Il-libertà tal-individwu u l-ħarsien tas-saħħa kollettiva tal-komunità

Dawn huma issues li ser tiltaqgħu magħhom u ser ikun hemm min jinsisti biex tagħtu l-opinjonijiet tagħkom fuqhom.

  • Problemi fiżiċi u psikoloġiċi ta’ min jgħaddi minn trattament biex ibiddel is-sess

Għalhekk il-bżonn tal-preparazzjoni neċessarja. Dawn kienu issues li għoxrin, tletin, erbgħin sena ilu lanqas biss konna naħsbu fuqhom. Illum il-ġurnata qegħdin fuq nett tal-aġenda tas-saħħa.

U allura nirrakkomandalkom:

  • Il-ħarsien tal-etika professjonali dejjem u kullimkien
  • It-tabib tal-familja qiegħed dejjem f’għajnejn il-pubbliku
  • Għandna dover li nżommu isem il-professjoni tagħna dejjem fil-għoli
  • Bħala tobba dmirna huwa li nkunu dejjem ta’ servizz għal ħaddieħor
  • U din ngħidha b’enfasi: il-professjoni tagħna mhijiex negozju
  • Irridu nipprattikawha b’impenn, b’dedikazzjoni, b’mogħdrija, ħniena, u billi naqsmu l-ferħ u d-dwejjaq mal-pazjenti tagħna
  • Aħna, importanti ħafna – u ngħid “aħna” għax inħossni parti mill-professjoni, allavolja ili li waqaft mill-2013 –, irridu nirbħu l-fiduċja tal-pazjenti tagħna: din hija kruċjali
  • Dan ma jsirx b’mod awtomatiku
  • Dan irridu naħdmu għalih… ġurnata wara ġurnata, każ wara każ
  • Għax il-fiduċja ma tinxtarax. Il-fiduċja wieħed jibda jakkwistaha bil-mod il-mod
  • Ma tistax iġġiegħel lin-nies jafdawk bilfors
  • Il-fiduċja tintrebaħ billi tkun assertiv, imma tinsewx, daqstant ieħor malajr tintilef, f’ħakka t’għajn
  • Il-pazjenti ma għandhomx fiduċja għamja llum il-ġurnata. Huma intelliġenti u kritiċi ħafna
  • U spiss, sfortunatament ngħid, jikkonsultaw Google u siti elettroniċi oħra, li rridu nkunu ppreparati anki biex niddiswaduhom li ma jkomplux jagħmlu ħsara lilhom infushom b’dawn il-mezzi daqshekk faċli.

U għalhekk hemm bżonn:

  • Preparazzjoni akkademika soda, kif fil-fatt qed tagħmlu intom.
  • Irid ikun hemm kompetenza professjonali, u nafu li hawn u fl-ebda stadju fil-mediċina ma ngħidu “wasalna”. Dejjem hemm l-obbligu li jkun hemm continuous medical education. Wieħed irid jibqa’ jżomm ruħu aġġornat, u dan ngħidu b’nofs daħqa jien, kieku meta waqaft fl-2013 kont bqajt nipprattika dak li tgħallimna fl-1964, konna nkun qisna l-Flintstones, meta mqabbla mal-iżviluppi li saru sa dak iż-żmien. Jiġifieri trid tibqa’ żżomm ruħek kontinwament aġġornat.
  • Importanti ħafna li mhux inkellmu lill-pazjent, imma li nkunu “good listeners”, li nisimgħuh. Nisimgħu lill-pazjent. U meta nitkellmu nuruh is-simpatija u fuq kollox inżommu dejjem l-aġir tagħna professjonali.
  • Wieħed jibqa’ għaddej b’rispett sakemm jibqa’ jżomm il-prinċipji tiegħu. Huwa importanti ħafna li nkunu onesti mal-pazjent. Jiġifieri lill-pazjent irridu ngħidulu dak li hu kapaċi jieħu, kapaċi jisma’, kapaċi jifhem, mingħajr ma nixxokkjawh, però fl-istess ħin bla ma nqarrqu bih.
  • Hawnhekk tidħol anki t-trasparenza; meta wieħed jipprova jispjega u jfiehem fi kliem li jifhem il-pazjent dak li wieħed jipprova jwassallu. Mhux bil-lingwa tagħna tat-tobba, imma bil-lingwa tal-pazjent, li jifhmek u li meta joħroġ minn quddiemek, int tkun sodisfatt li dan fehem dak li għidtlu.
  • Hemm ukoll il-kontabilità għal dak li jkun ingħad. Ma nistax illum ngħidlu mod, u għada ngħidlu mod ieħor. Ma nistax filli nniżżel mod fuq il-kard tiegħu u mbagħad għall-konvenjenza nbiddel dak li nkun għidtlu jumejn, tlett ijiem qabel.
  • Dan, bħalma qed taraw, jitlob dedikazzjoni u maż-żmien wieħed jibda jħossu kemm kemm aktar komdu għax l-esperjenza tibda takkumula u allura jkun hemm esperjenza kumulattiva li tagħtik aktar serħan il-moħħ u anki tagħtik aktar kunfidenza fid-deċiżjonijiet li tieħu.
  • Però l-ewwel u qabel kollox, id-driving force għandha tkun l-interess ġenwin fis-saħħa tal-pazjent. Veru li wieħed għandu jadatta għaċ-ċirkostanzi, però dan jagħmlu billi jkun flessibbli imma jibqa’ konsistenti.

Din hija lista li taqtagħlek nifsek, imma hija lista li hija bżonjuża u mhijiex eżawrjenti, fadal ħafna affarijiet oħra imma kieku nibqgħu ngħidu, nibqa’ hawnhekk sa għada filgħodu.

U allura nagħlaq billi nawguralkom kull suċċess fil-karrieri rispettivi tagħkom.

Jalla l-qadi ta’ dmirijietkom jagħtikom sodisfazzjon personali.

Ħaġa waħda ngħidilkom, fi xjuħitkom ma jistax ikollkom sodisfazzjon akbar milli jiġi fuqek xi ħadd u jgħidlek “grazzi” għal dak li kont għamilt miegħu biex fejjaqtu numru ta’ snin qabel.

Int tkun insejt probabbilment, imma l-pazjent ma jinsa qatt l-attenzjoni u l-kura tajba.

Nawguralkom.

Skip to content