The President of Malta

Search
Close this search box.

Diskors mill-E.T. George Vella, President ta’ Malta, għat-tnedija tal-kunċert ‘il-Mużika Tgħaqqadna’

Bonġu lil kulħadd.

Thank you, Noel, tad-dettalji li tajt.

Jiena li rrid inżid huwa ħaġa waħda biss, li, kif għidt tajjeb inti, din l-idea mhux mingħandi ġiet, ġiet mingħandi u mingħandek meta konna qegħdin nitkellmu flimkien u qegħdin ngħidu x’nistgħu nagħmlu biex naġevolaw iktar l-għaqdiet tal-baned.

Minn dak iż-żmien sar żvilupp fuq ħafna affarijiet, bħalma taf, u dakinhar konna qegħdin nitkellmu aħna biex iktar forsi noħorġu l-potenzjal tal-baned fihom infushom, però anke dejjem fl-isfond imbagħad tar-rikonoxximent tal-valur kbir soċjali, kulturali u edukattiv li għandhom il-każini tal-baned fl-irħula tagħna, fl-ibliet tagħna u anke fil-performances li jagħmlu.

Minn dak iż-żmien ’l hawn, bħalma taf, daħlu ħafna affarijiet li jinkwetaw xi ftit u huma aspetti tal-baned illi intom iddiskutejtu proprju ftit ġranet ilu b’konferenza nazzjonali li għamiltu rigward il-problemi li qegħdin tiltaqgħu magħhom. U dawn huma problemi li wieħed jarahom u jħosshom u min qiegħed imexxi l-baned qed jesperjenzahom.

Qed ngħid dan mhux biex inkun negattiv, però qed ngħidu anke bħala kuraġġ għaliex, kif għidt tajjeb jien meta indirizzajtkom f’dik il-konferenza, jiena filwaqt li nirrikonoxxi li kulħadd ħaqqu l-ħlas ġust tiegħu, ma rridux inħallu lil min jikkummerċjalizza bla kontroll dan il-qasam tal-baned Maltin għaliex qegħdin immissu hawnhekk parti mill-kultura tagħna u parti mill-wirt intanġibbli ta’ pajjiżna. Jiġifieri dan huwa xi ħaġa li wieħed irid joqgħod attent għalih.

U għalhekk nieħu gost illi dan il-kunċert li, kif għidt tajjeb, aħna tajnieh l-isem ‘il-Mużika Tgħaqqadna’, għaliex ovvjament fil-mużika ningħaqdu lkoll kemm aħna. Kulħadd iħobb jisma’ l-mużika, min ġeneru, min ieħor, imma l-mużika hi xi ħaġa li lill-bniedem tmissu minn ġewwa. Però l-ħaġa li qed ninnota u qed nieħu gost biha huwa l-fatt li min se jieħu parti, kollha huma voluntiera, jiġifieri hemmhekk mhux se jkun hemm element ta’ qligħ imma sempliċiment kooperazzjoni biex dak li jista’ jidħol ngħadduh lill-Malta Community Chest Fund għall-għan li m’għandix għalfejn noqgħod nieħu ħafna ħin fuqu. Kulħadd jaf il-Community Chest Fund għalfejn qiegħda u nafu illi ħa nkunu proprju fi żmien il-Milied, m’għandiex dubju li ħa jkun hemm għażla sabiħa ta’ mużika, però fl-istess ħin ukoll illi l-familji jkollhom fejn imorru ħalli jkunu jistgħu anke jirrikreaw lilhom infushom.

Jiena nawgura illi dan il-programm ikun ta’ suċċess. Nirringrazzja minn hawnhekk lilek l-ewwel nett, lil sħabek kollha li ħdimtu fuq dan il-proġett, nirringrazzja lil dawk il-bandisti kollha li offrew is-servizzi tagħhom, m’għandix dubju li dan ħa jieħu ċertu żmien anke biex jagħmlu l-kunċerti u jaraw x’hemm bżonn isir, anke xi artisti jew inkella żeffiena u koristi li semmejtu li ħa jkunu hemmhekk ukoll.

U nawgura, kif għidt inti, li dan l-event ma jkunx one-off, isir darba u daqshekk, imma jkun suċċess li, biex ngħid hekk, wieħed forsi jista’ anke jibda jaħseb biex jinkludih fuq bażi regolari fil-kalendarju tal-attivitajiet biex ngħinu lill-Malta Community Chest Fund.

Ħaġa żgħira żgħira fuq il-Community Chest Fund, irrid ngħid waħda biss li veru li, bħalma ninnutaw, taraw li bħalissa tibda żżid ir-rankatura għal madwar iż-żmien tal-Istrina ħalli nibdew nagħmlu l-attivitajiet u nagħmlu l-ġbir tal-fondi u ħaġa u oħra. Dan qed ngħidu iktar biex jasal anke għand il-poplu inġenerali illi wieħed, filwaqt li japprezza ħafna li jkun hemm din ir-rankatura u dan l-ammont ta’ interess ġdid madwar il-ġbir qrib is-26 ta’ Diċembru, wieħed irid jifhem illi l-bżonnijiet joħorġu s-sena kollha u allura jien hawnhekk nappella kemm lid-donaturi, kemm lill-kumpaniji li jgħinuna, u minn hawn nirringrazzjahom ta’ kull ewro li jagħtuna, imma wieħed jista’ wkoll jaħseb, jekk jista’ jkun u fejn hu possibbli, fuq dħul iktar fuq bażi regolari matul is-sena li jgħinna ħalli niffaċċjaw il-problemi li niffaċċjaw kontinwament biex inlaħħqu mat-talbiet kemm soċjali u kemm tas-saħħa tal-mediċini li jkollha l-Malta Community Chest Fund.

Jien nirringrazzjakom u nawgura li jkun programm ta’ suċċess u li kull min jiġi jieħu gost u jgawdi f’dak iż-żmien speċjali ta’ qrib il-Milied.

Nirringrazzjakom.

-Tmiem-

Skip to content