The President of Malta

Diskors mill-E.T. George Vella, President ta’ Malta, waqt iċ-ċerimonja ta’ rikonoxximent mill-MUMN

Irrid nirrimarka u ngħid prosit għall-bidla li hawn mill-aħħar darba li kont hawn. Hemmhekk kien hemm koċċ konkos, pajpijiet, wires għaddejjin. Illum għall-inqas huwa diċenti ħafna. Prosit lil min kien involut u dan juri ovvjament progress.

Min-naħa l-oħra wkoll nirringrazzjakom li qiegħed hawnhekk għax inħossni qiegħed ma’ sħabi tal-professjoni medika, tal-caring professions. Hija xi ħaġa li ma niddejqux niftaħru biha li nkunu għamilna biċċa kbira minn ħajjitna nduru bil-proxxmu tagħna. Bħalma qal Pawlu, Alla biss jaf l-esperjenzi li ġbarna, x’rajna, xi smajna, xi qsamna, xi dfinna ġo fina u s-sodisfazzjonijiet, forsi kbar u forsi żgħar, li kellna u anki l-uġigħ tal-qalb li batejna u li għaddejna minnu mal-pazjenti tagħna, ma’ min tkunu qegħdin idduru bih, għax ħafna nies jaħsbu li dan huwa job bħall-oħrajn, li mhuwiex. Dan huwa xi ħaġa li trid jew tagħti qalbek fih, jew inkella m’intix adattat għal hemmhekk. Anki jekk tipprova, ma tkomplix.

Għadna kemm ġejjin mill-Ingilterra, morna naraw xi ftit pazjenti li hemm bħalissa ġewwa l-isptarijiet u, allavolja jien għamilt għomri kollu f’dan ix-xogħol, u issa li xjaħt, qalbi rtabet. U meta tara dawk il-pazjenti, dawk it-tfal hemmhekk, dawk l-ommijiet imbikkmin iħarsu lejhom; meta tara l-pazjenti li hemm imbagħad li qegħdin barra mill-isptar, iwennsu lil xulxin, jitkellmu flimkien, isiru ħaġa waħda flimkien; meta tara dak it-tifel li ttella’ hemmhekk għax se jagħti l-mudullun lil ħuh; meta tmur fil-kmamar u tara min hemm għadu bil-maskra jibża’ jinżel li ma jlaqqatx xi infezzjoni għax għadu kemm għamel it-trapjanti u dawn l-affarijiet kollha; qed insemmi affarijiet li ħafna minnkom rawhom, għexuhom, u tafu x’qed ngħid u tħossu fuq dak li qed nitkellem. U għalhekk huwa ta’ min wieħed jagħmel minn kollox biex jipprova jiġbor rispett kemm jista’ jkun lil dawn il-professjonijiet.

Sfortunatament, bħalma tgħallmuni intom, il-bżonnijiet kibru, m’għandniex biżżejjed Maltin biex jagħmlu dan ix-xogħol, però ma rridux imbagħad inħarsu b’xi mod differenti lejn il-barranin li għandna f’dawn il-professjonijiet. Riċentement kelli l-okkażjoni kont mistieden ċelebrazzjoni ta’ komunità hawn Malta, Indjana, il-Malayalee, li kollha ġejjin min-naħa ta’ Kerala, u ggustajt lil waħda minnhom li ġiet fuqi u qaltli: “Jimporta ngħidlek xi ħaġa?” Għidtilha “Għidli”. Qaltli: “Meta kont wiċċek ’il fuq, jagħmlulek l-operazzjoni tal-qalb, jiena kont hemmhekk qed nittawwal ġewwa”. Għidtilha: “Jien ma rajt xejn għax tant afdajtkom li kont b’għajnejha magħluqin”. U qabdet tidħaq. Għidtilha: “Tant afdajtkom li kont b’għajnejha magħluqin”.

Qed ngħid dan għaliex dan huwa sentiment illi it goes beyond people, it goes beyond races, it goes beyond colour, m’għandu x’jaqsam xejn. U dawn in-nies, kelli okkażjoni anki dakinhar, irringrazzjajthom għax ħafna minnhom, ħafna minnhom, huma fil-professjoni tan-nursing u naħseb illi l-problema qiegħda illi forsi m’aħniex qegħdin inħajru biżżejjed żgħażagħ minn tagħna biex jidħlu għal din il-professjoni. Jekk hux forsi kundizzjonijiet ekwi fis-salarju, jekk huwiex ir-rispett li wieħed jakkwista, ma nafx, imma dan ovvjament jibda jrid mhux meta jkunu kibru, imma wieħed irid jagħmel l-iscouting għalihom, wieħed irid jipprova jħajjar l-ewwel nett billi wieħed jeduka, billi wieħed juri x’inhuma s-sodisfazzjonijiet kbar li hemm f’din il-professjoni u anki jakkumpanja lil min qed jiżviluppa biex iħajru at the right time biex jieħu deċiżjoni ħalli anki jipprova jara x’hemm x’tagħmel u ma tagħmilx.

Jiġifieri jiena mhux se nidħol, kif semma Paul, hemm l-element ta’ trejdunjoniżmu, veru, għax wieħed irid jissalvagwardja d-drittijiet tiegħu, dawn bħal kull ħaddiem irid ikollu r-rispett u jrid ikollu anki r-remunerazzjoni li suppost ikollu. Però fl-istess ħin nemmen illi forsi – ma nafx, qed inkun daqsxejn forsi akkużattiv – m’aħniex inħajru biżżejjed lil min jaqbad din il-linja.

Jien nemmen illi hemm mezzi u hemm anki potenzjal li nħajru iktar żgħażagħ ħalli jiġu għal din il-linja. Illum il-ġurnata, jekk wieħed biss juri l-firxa tad-doveri u tax-xogħol li hemm fin-nursing profession, dan mhux bħal meta ggradwajt jien fl-1964, kulma kienu jagħmlu jew iġibu patella jew il-flixkun tal-pipi, ma kienu jagħmlu xejn iktar minn hekk. Illum il-ġurnata għandek nurses li huma kważi tobba. Jekk naraw in-nurses tal-ITU pereżempju, in-nurses li jkunu fi special units, in-nurses li jkunu qegħdin fil-cardiac units, illum il-ġurnata d-deċiżjonijiet jeħduhom huma. Jiena, biex inkompli għal meta għamilt il-bypass jien, nurses qegħdin hemm il-ħin kollu, il-ħin kollu, iħarsu lejn l-istrumenti u jirreaġixxu skont x’hemm bżonn tagħmel, tant illi jien fil-bidu, fl-ewwel ġurnata li kont daqsxejn mhux ħażin, ġie qalli: “Isma’, qed jimmarkalek fibrillation ftit hawn”. Qalli: “X’nagħmel?” Għidtlu: “Jien m’iniex tabib. Insieni”. Għidtlu: “Agħmel dak li tagħmel is-soltu int”. Għidtlu: “Ħalli ma toqgħodx la titħawwad u lanqas tikkonfondi”. U tarahom jiddeċiedu, jagħmlu dak li għandhom jagħmlu.

Qed ngħid l-ovvju. Jiena qed ngħid biss illi importanti mhux inħallu illi l-individwu jrid jgħaddi, sfortunatament, mill-esperjenza tal-isptar biex joħroġ minn hemmhekk ifaħħar in-nurses. Jiena nemmen li għandna nibnu iktar rispett anki minn min ma kellux l-isfortuna li jkollu bżonn l-attenzjoni tan-nurses, li jkun qiegħed hemmhekk, u anki jara u japprezza u jfaħħar dak li jagħmlu n-nurses għall-komunità.

Jiena qed nara l-għan tal-Florence Nightingale Benevolent Fund li jfakkarni anki f’fund ieħor illi fil-passat meta kont tabib tat-Tarzna l-iskop tiegħu kien proprju dan. L-iskop tiegħu kien li meta jkollok xi ħadd mill-ħaddiema li għandu bżonn, dik il-ħabta anki operazzjonijiet privati ma tantx kont tagħmilhom, imma konna naraw illi jekk jista’ jkun flok joqgħod jistenna x-xhur biex imissu jagħmilha l-isptar, imur fil-privat u l-Provident Fund iħallaslu l-operazzjoni. Jiġifieri l-idea li jkun hemm apprezzament u anki mod kif wieħed jikkontribwixxi biex jgħin lill-membri tal-Union, huwa xi ħaġa, l-ewwel nett huma ideat antiki dawn, għax anki l-Guilds fl-antik minn hekk kienu bdew, imma importanti li dak li jkun anki jħoss li mhuwiex biss membru ta’ union sempliċiment biex jiġġieled għall-paga jew għad-drittijiet tal-paga imma li huwa anki rispettat u li jaħsbu fih sħabu meta jkollu bżonn. U jiena naf mill-esperjenza, għax konna dan snin twal ħdimna fih, illi dak li jkun, mhux tant kemm ikun irċieva flus, imma l-fatt li jħoss li hemm xi ħadd li qiegħed jieħu ħsiebu.

U jiena ningħaqad hawnhekk ma’ Paul fejn anki nsellem lil dawk li sfortunatament ma rnexxilhomx jaslu biex igawdu l-irtirar tagħhom, biex igawdu l-frott ta’ dak ix-xogħol li kienu għamlu. Dan ovvjament wieħed jiftakar fihom u jsellmilhom. Però dawk li huma, illum il-ġurnata, għamlu żmien biżżejjed u ħa jirtiraw, jiena nemmen u nħeġġiġhom li m’għandhomx jirtiraw kompletament, imma b’xi mod jew ieħor għandhom jaraw kif jagħmlu u jkomplu jaqsmu l-esperjenzi tagħhom, kif semmejt, maż-żgħażagħ u hawnhekk nappella li anki postijiet bħall-MCAST u bħall-Università jaraw li jkun hemm anzjani, nies li kellhom l-esperjenza, li jmorru u mhux biss iħajruhom bil-fatt tal-paga jew tal-kundizzjonijiet imma anki li jitkellmu magħhom u jwasslu l-feel tax-xogħol, x’ifisser u ma jfissirx. U qed nitkellem b’passjoni għaliex nista’ nimmaġina u nista’ nifhem. U għaddejt minnu dan, fis-sens illi nifhem kemm anki aħna meta konna tobba żgħar u minn dawk is-snin kollha, imbagħad wara, meta tmur iżżur pazjenti tiegħek l-isptar, ir-rabta li titrabba bejn il-pazjent u bejn in-nurse li ħafna drabi, kif jgħidu, it makes or breaks, għax joħorġu jgħidulek: “Isma’, kienet taz-zokkor, kemm daret bija, kemm għamlitli hekk, kemm għamlet hekk…”, dan hu xi ħaġa li n-nies japprezzaw.

Ma nkomplix ngħid dak li hu ovvju, għax intom tafu, nawguralkom minn qalbi li tkomplu mixjin ’il quddiem, nawgura l-fond illi jgħin lil dawk kollha li jkollhom bżonn, u nawgura li jkun hemm ftit li jkollhom bżonn il-fond għax inqas ma jkun hemm iktar aħjar, imma fl-istess ħin nafu li l-ħajja hi kif inhi u sfortunatament ikun hemm dawk illi, iva, ikollhom bżonn min jgħinhom.

Meta nkunu qegħdin nagħmlu hekk, inkunu qegħdin nagħmlu, ħalli ma nużax il-kelma karità, imma nkunu qegħdin nagħmlu solidarjetà ma’ xulxin u din tgħin biex dak li jkun ikollu mhux biss is-sodisfazzjon imma anki jsaħħaħ l-identità tiegħu, isaħħaħ lilu nnifsu bħala membru ta’ professjoni li hija, ħa ngħid hekk, kważi kważi kważi ngħid iktar qadima mit-tobba għax żgur li qabel kien hemm il-qwiebel u kien hemm anki n-nurses. Qabel kien hemm tobba, imbagħad professjonali proprja.

Jiġifieri minn hawnhekk nawguralkom minn qalbi, komplu mixjin, komplu agħmlu x-xogħol tagħkom, komplu ispiraw lil ħaddieħor ħalli din il-professjoni tant importanti li mingħajrha ma nistgħux ngħaddu tkompli miexja ’l quddiem.

Nawguralkom.

-Tmiem-

Skip to content