The President of Malta

Diskors mill-E.T. George Vella, President ta’ Malta, waqt it-tnedija tad-dsatax-il edizzjoni tal-Istrina BOV Piggy Bank Campaign

Bonġu lil kulħadd.

Onorevoli Ministru,

Kapijiet tal-iskejjel,

Sur Farrugia,

Ftit għandi x’inżid ma’ li għidtu intom dalgħodu fuq din il-kwistjoni, però nixtieq biss li l-ewwel nett nibda billi nirringrazzja lil kull min hu involut fl-organizzazzjoni. Ħafna forsi ma jirrealizzawx x’jinvolvi biex wieħed jagħmel kampanja bħal din. Jinvolvi kemm dak li huwa ppjanar, però mbagħad anki biex wieħed jeżegwixxi. Insemmi biss pereżempju biex wieħed iqassam il-kaxxi fl-iskejjel kollha, biex wieħed jiġbor il-flus meta jkunu nġabru, biex imbagħad ikun hemm l-għadd tad-donazzjonijiet ġewwa l-bank u minn hawn nirringrazzja wkoll lill-bank ħalli mbagħad jagħmel times two u jirrepetielna dak li nkunu daħħalna.

Però jiena rrid nagħmel riflessjoni żgħira fuq dil-kampanja bħala kampanja. Bħalma ntqal, din ilha għaddejja snin twal. Però jiena naħseb li hawnhekk qegħdin nagħqdu ħafna għanijiet flimkien. L-ewwel nett qegħdin ninvolvu liż-żgħar tagħna f’dawk li huma ideat dwar solidarjetà. Lit-tfal qed indaħħlulhom ġo rashom, u nispera li nagħmluha ċara, mhux kemm jagħtu, mhux il-€1 jew il-€1.50, imma l-idea li dawn qegħdin jikkontribwixxu ħalli dawk il-flus imorru għal min ikollu bżonn. Tinsewx li t-tfal tagħna ma jafux l-antik meta dak li jkun kien iħabbat il-bieb u jiġi jittallab. Dak għall-grazzja t’Alla m’għandniex. Però ma jfissirx li m’għandniex faqar. Faqar għad għandna u bżonnijiet speċjali hawn ħafna min għandu. U allura dan huwa tip ta’ sens ċiviku, ta’ karità, kif isir illum, b’mod anonimu. Individwu ma jumiljax lil dak li għandu bżonn, imma jitfa’ ġo fond ħalli minn hemmhekk meta jkollu bżonn, bil-ġustizzja, jieħu dak li ħaqqu. Dak huwa importanti ħafna.

It-tieni ħaġa hija l-messaġġ li qegħdin ngħaddu. Dawn l-aħħar snin, bħalma tafu, qed ikun hemm dal-messaġġ fuq dan il-karus, biex ngħidulu hekk, illi fih innifsu għandu messaġġ ukoll. Aħjar ningħaqdu, aħjar inkunu ħbieb milli nkunu bulijiet. Għaliex? Għaliex fid-dinja tal-lum sfortunatament, u huwa fenomenu ta’ min wieħed jistudja bis-serjetà, li tara t-tfal jitħalltu bejniethom, ma għandhomx animu lejn ħadd, m’hemmx kulur, m’hemmx razza, m’hemmx lingwa, però iktar ma nikbru mbagħad, nibdew inwarrbu ’l dawk u nwarrbu ’l dak u nwarrbu ’l-ieħor. U mhux inwarrbu biss, ħafna drabi, kif qegħdin ngħidu, anki nibdew inkunu bully u nibdew nisfidaw u mmorru oltre minn hekk. U dan imur kollu kontra s-sens ta’ għaqda li pajjiż żgħir bħal tagħna għandu jkollu. Għaliex ma nistgħux naffordjaw. Pajjiżi kbar forsi hemm l-ispazju, però ma nistgħux naffordjaw li jkollna soċjetà li tkun mhux magħquda. Bħalma tafu dil-kampanja ħadt parti fiha, ippruvajt nippromwovi l-affarijiet, imma jiddependi mill-individwu mbagħad. Tgħiduli veru meta t-tfal jikbru mbagħad jiġu ffaċċjati b’realtajiet differenti, però naħseb li dak li niżirgħu ġo fihom meta jkunu żgħar, tajjeb jew ħażin, jekk ma jibqax kollu, jibqa’ persentaġġ għoli ħafna li għada pitgħada jsibuh meta jkunu ħa jieħdu t-toroq tagħhom fil-ħajja.

L-aspett l-ieħor li qegħdin naraw huwa, kif għamel referenza għaliha s-Sur Farrugia diġà, il-kwistjoni tal-ambjent. Il-fatt illi minn snin ’l hawn il-karus biddilnieh minn oġġett tal-plastik għal oġġett tal-kartun u li huwa riċiklabbli, fl-opinjoni tiegħi, huwa messaġġ ċar ħafna dwar is-sostenibilità u anki l-bżonn li nużaw materjal li jiġi riċiklat.

Il-messaġġ l-ieħor li hemm imbagħad huwa dwar skejjel u anki kumpaniji, bħalma hija l-BOV, illi qed juru sens kbir ta’ social responsibility. Qegħdin juru li mhux biss l-għan huwa li tagħmel profitt f’pajjiż, jew li tagħmel il-qligħ u li tiddikjara l-miljuni fl-aħħar, imma inti tkun qed tpoġġi ċertu ammont ta’ flus u attenzjoni f’dik li hija social responsibility, fl-affarijiet li hemm bżonn li jwasslu biex wieħed ikun jista’ jgħin lil ħaddieħor.

Jiena nagħlaq fuq il-punt wieħed biss li l-Community Chest Fund illum il-ġurnata hija xi ħaġa li rridu nirriflettu bis-serjetà fuqha għaliex maż-żmien evolviet u evolviet b’mod illi wieħed jibda jiddubita u jibda jara kemm se ndumu sostenibbli. Jiena ma rrid noqgħod nallarma lil ħadd bl-ammonti kbar tal-ispejjeż kemm kibru. Id-dinja tbiddlet, il-mard żdied, id-dijanjosi ssir iktar malajr, il-prezzijiet tal-mediċini splodew, u jekk tgħodd dawn kollha flimkien, dawn ħafna drabi qed jgħidulna: “Isma’, tiġbor kemm tiġbor ħa jibqa’ jkollna bżonn iktar”.

U l-messaġġ tiegħi huwa hawnhekk li napprezza u ngħid grazzi għal kull ċenteżmu li jingħata, però wieħed irid iżomm f’rasu li l-fondi ma jinġabrux biss meta noqorbu lejn il-Milied u lejn l-Istrina. Hija xi ħaġa importanti u jalla nibqgħu naraw li meta noqorbu lejn dawk iż-żminijiet l-entużjażmu jikber u jkun hemm iktar attivitajiet u iktar ġbir ta’ fondi. Però sfortunatament il-bżonnijiet huma s-sena kollha, mill-1 ta’ Jannar sal-31 ta’ Diċembru. U allura wieħed ma jistax jippretendi li jgħid: “U iva, issa jiġu dawk il-jumejn, tlett ijiem, li fihom nagħti l-kontribut tiegħi u mbagħad, matul il-bqija tas-sena, jaraw huma”.

Sfortunatament mhijiex biżżejjed. M’jien qiegħed la nilmenta u lanqas qiegħed neqred, però qed nappella minn qalbi illi kull min jista’, il-kumpaniji l-kbar, dawk li l-Bambin ipprovdielhom, dawk li jistgħu jkunu sponsors, dawk li kellna matul das-snin li jistgħu jżidu dik ix-xi ħaġa, tkun apprezzata ħafna. Dan naf li qed ngħidu fi żminijiet meta wara l-COVID ħafna kumpaniji u ħafna nies ta’ rieda tajba li kienu promoturi kbar tal-Community Chest Fund għamlu sagrifiċċji biex iżommu n-negozju tagħhom miexi u naf li jista’ jkun li biċċiet minnhom anki għaddew minn ċertu diffikultajiet u napprezzaw li ħafna minnhom minkejja kollox baqgħu xorta sostenituri tal-Malta Community Chest Fund. Jiena nappella għal donaturi ġodda, nappella għal min sal-lum forsi ma kienx daqshekk konxju tal-bżonnijiet li hemm, u nixtieq li l-affarijiet naraw li jmorru mit-tajjeb għall-aħjar għaliex il-bżonnijiet qegħdin hemmhekk.

Jiena nagħlaq billi nirringrazzja ’l kulħadd. Nirringrazzja lil kull min kien involut fl-organizzazzjoni. Il-biċċa tax-xogħol kbir għadha ġejja għaliex irridu naraw issa illi jinġabru l-karusijiet mill-iskejjel u ħerqan li mmorru l-BOV u naraw illi l-ammonti dejjem jikbru ħalli mbagħad fuq biċċa karta nagħmlu times two u nġibu s-somma tal-flus lejn il-Community Chest Fund.

Nirringrazzjakom.

Skip to content