Kif diġà qalu ta’ qabli, wara sentejn imħarbtin bil-COVID, erġajna għall-grazzja t’Alla, qegħdin hawnhekk biex invaraw Fun Run kif għandha tkun.
Is-sentejn tal-COVID ma rnexxilhomx itappnu l-entużjażmu li kien hemm wara din il-Fun Run fl-edizzjonijiet ta’ qabel. U kulħadd jaf illi s-sena l-oħra, speċjalment, rajna kif għamilna flimkien mal-għaqdiet tal-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali u organizzajna fun runs żgħar, biex ngħid hekk, ġewwa l-irħula biex għall-inqas l-attività tibqa’ sejra. Jiena mill-ewwel irrid nirringrazzja lil kull min ikun involut: lin-nies tal-uffiċċju tiegħi, lill-Enemed, lil Mark, lil Mario, tal-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali, għaliex din l-attività ma ssirx waħedha. Din issir billi tinvolvi ħafna nies li ħafna drabi ma jidhrux.
Però rrid b’mod partikolari nirringrazzja lill-Kunsilli Lokali. Tgħiduli, għaliex? Għax, permezz tagħhom, huma l-mezz li nistgħu navviċinaw lin-nies one-to-one. Kif smajna diġà, ħa jkun hemm anke okkażjonijiet fejn fil-pjazez ikun hemm il-flokkijiet li jkunu jistgħu jittieħdu għal donazzjoni biex dak li jkun jingħaqad magħna għall-Fun Run.
Nieħu l-okkażjoni biex anke nirringrazzja lill-isponsors kollha. Mingħajrhom ma tagħmel xejn għaliex dawn huma nies, dawn huma kumpaniji, speċjalment l-Enemed, li dejjem sibniehom u sibniehom bil-kbir biex attività bħal din isseħħ.
Min-naħa l-oħra, wieħed irid jifhem li din mhijiex attività ta’ kapriċċ, din mhix attività biex naraw min jgħaġġel l-iktar jew min jasal l-iktar, jiena żgur ma nlaħħaqx ma’ Clifton, m’għandekx għax taħseb, mill-pass żgur ħa jġib iktar minni. Però din hija attività li għandha għan nobbli warajha. Mhux se noqgħod nirrepeti x’qalu l-oħrajn. Jien naħseb illum il-ġurnata kulħadd jaf meta nitkellmu fuq il-Community Chest Fund fuqiex qegħdin nitkellmu. Ħafna nies għax jafu, u oħrajn, sfortunatament, għaliex għaddew minn ċirkostanzi li kellhom jirrikorru lill-Community Chest Fund ħalli jitolbu u jingħataw l-għajnuna li hija bi dritt tixirqilhom. Li rrid nagħmel biss huwa li nfakkar illi l-Community Chest Fund ma tagħmilx il-ġbir tal-fondi li jkollha bżonn f’okkażjonijiet bħal dawn jew inkella meta tiġi l-Istrina. It-talbiet huma matul is-sena kollha. U bla ma noqgħod imbeżża’ lin-nies mill-problemi li jistgħu jitfaċċaw, ngħid illi l-prezzijiet ta’ dak li nfornu, li huma l-mediċini b’mod partikolari, dejjem telgħin u telgħin u telgħin. Jiġifieri dan qed ngħidu biex dak li jkun, skont ma jista’, jikkontribwixxi mhux biss għall-Fun Run imma anki għall-Community Chest Fund bħala organizzazzjoni.
Min-naħa l-oħra, jiena rrid anke nieħu din l-okkażjoni biex nirringrazzja lil kulħadd għaliex sfortunatament meta naqraw il-midja u naraw is-social media qisu kulħadd miġġieled ma’ xulxin f’dal-pajjiż, kulħadd jgħajjar wieħed lill-ieħor, kulħadd jinsulta wieħed lill-ieħor, li mhuwiex in-natura tal-poplu Malti. Il-poplu Malti qalbu tajba, il-poplu Malti jħobb lill-ġirien tiegħu, iħobb lil għajru u jiena naħseb li okkażjonijiet bħal dawn huma fejn irridu nuru l-għaqda nazzjonali, fejn irridu nuru illi f’għanijiet li naqblu fuqhom, m’għandniex differenzi. Niltaqgħu flimkien, nimxu flimkien, nieħdu b’idejn xulxin u naslu biex niċċelebraw dawk l-affarijiet sbieħ li jirrappreżenta l-pajjiż tagħna.
Illum il-ġurnata pajjiżna żviluppa, immaturajna, kbirna, u iktar ma nippruvaw nagħmlu pontijiet bejn id-differenzi żgħar li għandna, iktar inkunu qegħdin nidhru f’għajnejn anki popli oħra kemm aħna poplu matur. Din hija okkażjoni fejn nagħmluha, bħalma tafu wkoll, imbagħad nirrepetuha fis-26 ta’ Diċembru, però din hija okkażjoni fejn nerġgħu issa wara sentejn noħorġu bil-kbir ħalli nippruvaw, jekk hemm bżonn, niksru r-rekords ta’ qabel. Din mhux kwistjoni ta’ numri, imma hija kwistjoni ta’ iktar ma tara nies, iktar ma tara min qiegħed flimkien, iktar temmen f’xi tfisser il-kelma solidarjetà. Kelma, forsi ġejja mit-Taljan, imma solidarjetà hija għaqda flimkien biex ngħinu lil xulxin meta jkun hemm bżonn. U din hija xi ħaġa li hi għal qalbi ħafna u nemmen li iktar ma nara kull min hu involut ġej flimkien biex jara li din titwettaq, iktar inkun kuntent.
Jien għalhekk nagħlaq billi nirringrazzja lil kull min huwa involut fiha u nħeġġeġ, bħalma għamlu ta’ qabli, lill-poplu Malti kollu li dakinhar jara kif jagħmel u jkun magħna bil-flokk ħalli nkunu massa ta’ nies, ħalli nkunu numru kbir ta’ nies illi nkunu qed nirrappreżentaw lill-poplu Malti u Għawdxi kollu.
Nirringrazzjakom.
-Tmiem-