The President of Malta

Search
Close this search box.

Diskors mill-E.T. George Vella, President ta’ Malta, waqt l-għoti tal-premju Buonamico 2022, 14 Ottubru, 2022

Prof. Victor Axiak,

Sur Vincent Gauci,

Perit Godwin Cassar,

Sinjuri,

Hekk kif ninsabu fis-sitt edizzjoni tal-Buonamico Awards, nixtieq nibda dan id-diskors billi nislet passaġġ minn diskors tal-Papa Franġisku li kien ta fit-22 ta’ April tas-sena 2015 fil-Belt tal-Vatikan.

“May the relationship between man and nature not be driven by greed, to manipulate and exploit, but may the divine harmony between beings and creation be conserved in the logic of respect and care.’’

Qed jitkellem hawnhekk fuq l-armonija, ir-rispett, u l-għożża. Dawn il-kliem sbieħ fihom ħafna x’wieħed jixtarr, iżda fuq kollox għandhom ukoll il-forza li jkunu mutur u xprun għall-ġejjieni.

Issa hawn min jgħid: “Kemm beda b’mod filosofiku llejla l-President!” Però, xtaqt nibda fuq dan l-ispunt għaliex inħoss li f’dawn l-aħħar snin tkellimna wisq fuq dak li qed jagħmlilna l-ħsara, u forsi ftit anqas fuq dak li jista’ jkun ta’ ġid.

Fl-interventi tiegħi fil-passat tkellimt bis-sħiħ fuq l-importanza li bħala pajjiż inħarsu l-bijodiversità, nimbuttaw ’il quddiem strutturi regolatorji li jiżguraw ambjent nadif, u anki użu responsabbli tar-riżorsi naturali, filwaqt li jitkompla l-isforz kollettiv biex naqilbu għal enerġija rinnovabbli u li tniġġes anqas. Semmejt ukoll l-irwol importanti tal-għaqdiet ambjentali, li ssemmew anki hawnhekk diġà, li sena wara l-oħra komplew ikabbru l-kuxjenza tal-poplu dwar l-ambjent u jħaddmu b’għodod li tagħtihom id-demokrazija biex fejn ikun hemm bżonn joġġezzjonaw żvilupp li mhux sostenibbli.

Jien tkellimt ukoll bosta drabi fuq l-irwol ċentrali tal-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi fejn mhux biss taħdem bħala regolatur, iżda minn lenti aktar wiesgħa hija direttament responsabbli u involuta biex toħloq l-armonija, turi r-rispett, u anki għożża lejn il-gżejjer Maltin. Dawn iż-żewġ rwoli huma mhux biss ċentrali minn perspettiva infrastrutturali, iżda huma wkoll fundamentali fil-promozzjoni tal-kwalità tal-ħajja, l-istat tas-saħħa mentali tal-poplu, u fl-aħħar u mhux l-inqas, l-għaqda nazzjonali.

Din tal-aħħar, ‘l-għaqda nazzjonali’, ħafna drabi tiġi spjegata biss minn lat ta’ relazzjonijiet bejn persuni b’fehmiet differenti. Madankollu, bħalma ħareġ tajjeb anki waqt il-konferenza għall-Għaqda Nazzjonali mtellgħa mill-Uffiċċju tiegħi s-sena l-oħra, l-għajta favur ambjent aktar ġust u miftuħ kienet waħda mit-temi prinċipali li tqajmu f’dik il-konferenza. Il-kuxjenza favur ambjent nadif, rinnovabbli, u li jagħti serħan, qed tkompli dejjem aktar tikber fost il-poplu Malti, speċjalment fost iż-żgħażagħ.

Sinjuri,

Ippermettuli ngħid li l-professjonisti li qed nippremjaw illejla, żgur li ma jaqgħux mal-kategorija taż-żgħażagħ! Iżda huma xhieda ta’ spirtu żagħżugħ li matul is-snin kompla jkun ta’ servizz għas-soċjetà. Irrid ngħid li kelli x-xorti, meta fil-karriera politika tiegħi kont responsabbli mill-ambjent, mill-Planning Authority u t-tfassil tal-politika u strateġija dwar l-iskart f’pajjiżna, li naħdem ma’ dawn iż-żewġ professjonisti u tgħallimt ħafna mingħandhom.

Ngħid dan għax napprezza bis-sħiħ il-karriera twila u impenjattiva kemm tas-Sur Vincent Gauci kif ukoll tal-Perit Godwin Cassar. Ngħid hekk għaliex nemmen li proprju meta kienu għadhom żgħażagħ għarfu jagħżlu linja professjonali li għandha l-għan li ttejjeb il-kwalità tal-ħajja permezz ta’ ambjent aktar xieraq, b’saħħtu u nadif. Ambjent, li filwaqt li jimxi maż-żminijiet, ikompli jħares l-prinċipji tal-estetika u l-patrimonju naturali tal-gżejjer tagħna. Matul is-snin, fl-oqsma rispettivi tagħhom, kemm is-Sur Gauci kif ukoll il-Perit Cassar ħadmu id f’id ma’ gvernijiet differenti, kif qal is-Sur Gauci, u istituzzjonijiet lokali u anki dawk reġjonali fejn taw il-kontribut tagħhom u kienu strumentali biex pajjiżna jkun aktar parteċipi fl-isfidi marbuta mal-klima u l-ambjent.

Fil-bidu semmejt ‘harmony, respect and care’, armonija, rispett u għożża. Jiena nemmen li dawn huma, flimkien ma’ kwalitajiet oħrajn, dawk li kienu u għadhom inebbħu l-professjonalità tas-Sur Gauci u anki tal-Perit Cassar. Matul is-snin, fl-oqsma individwali tagħhom kienu ħolqa importanti fil-katina tas-sostenibilità. Jiena għalhekk nifirħilkom għal dan il-premju mistħoqq, iżda nifirħilkom wisq aktar tal-kontribut tanġibbli li tajtu lill-poplu Malti. Flimkien ma’ professjonisti oħra li fis-snin li għaddew ingħataw ukoll dan il-premju, intom qed tkomplu tkunu ta’ ispirazzjoni għaż-żgħażagħ tagħna li qed jimirħu fl-oqsma tal-bijodiversità, l-inġinerija, u l-arkitettura.

Forsi huma ftit dawk li jaħsbu kemm karriera f’dawn l-oqsma hija parti minn proġett aktar wiesa’. Iżda, l-armonija, ir-rispett u l-għożża li tkellem fuqhom Papa Franġisku huma proprju l-bażi ta’ umanità u soċjetà li tippremja dak li hu ġust u li jwassal għal ġid komuni, inkluż, fost dan, il-ħarsien tal-ambjent.

X’jiswa li wieħed jiċċelebra l-ftuħ ta’ binjiet li jkerrhu u bi ftit valur estetiku jew uman? X’jiswa li wieħed jibqa’ jiġi sena wara l-oħra jippremja rġiel u nisa li kienu ta eżempju ċar favur il-preservazzjoni tal-bijodiversità u l-ambjent, meta mbagħad inkomplu naraw proġetti li joħolqu sfreġju ambjentali u jnaqqru mill-kwalità tal-ħajja? Wieħed jieħu l-impressjoni li appelli mill-qalb li jsiru l-ħin kollu minn sorsi differenti, qisu qed jaqgħu fuq widnejn torox!

Nisħaq għalhekk li huma proprju stejjer bħal tas-Sur Gauci u tal-Perit Cassar li jagħtu xaqq ta’ tama favur ambjent u kwalità ta’ ħajja aħjar. Ix-xogħol tal-professjonisti fil-qasam ambjentali, b’differenza għal dak tal-politika, ħafna drabi jsir fis-skiet, u huma ftit l-opportunitajiet fejn il-poplu jkun jista’ japprezza l-importanza tar-riċerka matul snin twal ta’ ħidma f’dan il-qasam. Għalhekk ngħid li iva, jiswa li sena wara l-oħra nibqgħu nippremjaw ċittadini Maltin permezz tal-Buonamico Awards u niċċelebraw il-kontribut siewi tal-ħidma tagħhom. Iżda, nemmen ukoll li jkun jiswa wisq aktar meta dawn l-isforzi jiġu akkumpanjati minn regolamentazzjoni u implimentazzjoni bis-serjetà li veru tispira l-armonija, ir-rispett, u l-għożża.

Qabel nagħlaq irrid jien ukoll niftakar iż-żminijiet meta ħdimt kemm mas-Sur Gauci u kemm mal-Perit Cassar. Fl-1992 kont diġà qiegħed fuq il-Planning Authority u Godwin, kif semma tajjeb Vince, kien il-bniedem li għamel il-pjan kollu regolatorju u kien il-Bibbja li konna nimxu fuqha, bil-policies li kien hemm fih u niftakar ukoll, aktar tard, meta dħalt responsabbli fl-1996 għall-ambjent u waqqafna l-Advisory Consultative Board fuq l-ambjent, qed nara lill-Prof. Alfred Vella hawnhekk u l-Prof. Victor Axiak stess, Simone Borg, Edward Mallia, u oħrajn, fejn kien hemm din il-kuxjenza ħalli naraw kif se nżommu milli ma nibqgħux sejrin, diġà minn dak iż-żmien, għall-agħar. U niftakar kien anki żmien meta mbagħad tpoġġew il-pedamenti tal-Environment Report li suppost baqa’ joħroġ kull sentejn.

Ma’ Vince niftakar tajjeb ħafna fl-1996 meta konna qed nittrattaw il-problema enormi, li anki saret referenza għaliha hawnhekk, tal-waste management, li kien għad m’hemm la policies, la pjan… sempliċiment problema li qed tikber għax l-istandard of living kien dejjem qed jiżdied u l-iskart kien dejjem qed jikber. U l-kuxjenza kienet qed tikber ukoll. U niftakar li kien żmien meta kellna sfidi kbar quddiemna biex nibdew naraw kif se nagħmlu u niżviluppaw mezz kif nikkontrollaw dak ir-rimi kollu.

Ta’ dan nirringrazzjakom u nista’ ngħid li mingħandkom tgħallimt ħafna.

B’hekk nagħlaq dan id-diskors billi mill-ġdid nawguralkom lit-tnejn li intom u ngħid li kien veru ħaqqkom it-tnejn li intom li tieħdu l-Buonamico Awards ta’ din is-sena, kemm int Sur Vince Gauci u anki l-Perit Cassar. U dan nagħmlu filwaqt li nirringrazzja lill-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi tal-ħidma tagħha.

Nirringrazzjakom.

Skip to content