The President of Malta

Diskors mill-E.T. George Vella, waqt it-tnedija tal-ktieb “8000 years of Water”, mill-Water Services Corporation, 10 ta’ Novembru 2022.

Sinjuri,

Sur Karl Cilia,

Mistednin,

Bi pjaċir ningħaqad magħkom illum għal din l-okkażjoni, għax mhux biss qed inniedu ktieb li jitkellem fuq Malta, iżda qed nieħdu l-opportunità biex napprezzaw tassew kemm l-ilma huwa l-aktar riżorsa importanti u bażika għall-iżvilupp tal-ħajja inġenerali fuq din il-pjaneta, kif ukoll għall-ħajja ta’ kull soċjetà u kull nazzjon. Nibda billi nieħu l-opportunità biex nirringrazzja lil dawk l-awturi kollha li taw sehemhom biex titfassal, titlesta u tinħareġ din il-pubblikazzjoni, u lill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma ta’ din l-inizjattiva. Li wieħed jagħmel riċerka ta’ din in-natura mhux faċli, u għalhekk napprezza l-impenn ta’ kull min kien involut. Napprezza wisq aktar li l-qligħ mill-bejgħ ta’ din il-pubblikazzjoni ser ikun qed jagħti kontribut lill-għanijiet ta’ saħħa u dawk soċjali tal-Malta Community Chest Fund. Dan huwa ħsieb nobbli, u li bla dubju ta’ xejn jista’ jservi ta’ mudell għal entitajiet oħra governattivi u organizzazzjonijiet mhux governattivi li għandhom il-Malta Community Chest Fund għal qalbhom.  

Sinjuri,

Il-ġenerazzjoni tal-lum forsi ma tapprezzax il-benefiċċji taċ-ċertezza li wieħed jiftaħ il-vit tal-ilma u dejjem isib ġej ilma nadif u tajjeb għall-użu. Illum ftit li xejn niftakru kemm il-provvista tal-ilma kienet problema u kawża ta’ skariġġ, speċjalment, fl-antik, għan-nisa tad-dar biex iġibu l-ilma minn dak li kien magħruf bħala l-pomp! Illum inħarsu lejn l-Għajn tal-Ħasselin bħala post storiku. Ħafna anzjani tagħna jiftakru ‘l-pompi’ tal-ilma fil-pjazez prinċipali tal-irħula u l-ibliet tagħna. Tajjeb li wieħed jiftakar kemm batew ta’ qabilna biex kellhom aċċess għal ilma nadif u sigur għal saħħithom. Il-liġi li kienet iddaħħlet fi żmien l-Ordni tal-Kavallieri, jiġifieri dik li kull binja jkollha bir magħha, kienet imnebbħa mill-bżonnijiet ta’ dawk iż-żminijiet, iżda wkoll kienet qed tħares ħafna ’l bogħod.

Illum il-ġurnata, insemmu kliem u kunċetti bħalma huma, is-sostenibilità, it-tibdil fil-klima u l-preservazzjoni tar-riżorsi naturali. Iżda meta wieħed jiżen u jixtarr xi jsarrfu dawn il-kliem, insibu li dan il-ħsieb tal-Kavallieri tal-Ordni ta’ San Ġwann dwar il-ħażna tal-ilma huwa sors importanti ta’ ispirazzjoni għalina lkoll. ’Il fuq minn ħames mitt sena ilu, bħala pajjiż konna diġà nafu l-problema li kellu pajjiżna minħabba n-nuqqas ta’ provvista tal-ilma u spiss konna niffaċċjaw kriżi relatata mal-ilma. Nemmen li fid-dinja moderna tal-lum, fejn il-konsum tal-ilma dejjem jogħla mal-bżonnijiet tal-iżvilupp tas-soċjetà, ninsabu f’sitwazzjoni li għandha bżonn ħafna aktar attenzjoni.

Sinjuri,

Forsi ħassejtukom inkwetati meta ħarġet informazzjoni relatata mal-ilma mtella’ jew ippumpjat mill-ilma tal-pjan (water table), fejn fuq medda ta’ tliet snin, il-produtturi tal-konkos ippumpjaw xejn inqas minn 237 miljun litru ta’ ilma. Ma’ dawn wieħed irid isemmi n-numru dejjem jiżdied ta’ swimming pools u meded ta’ turf artifiċjali. Dawn tal-aħħar, apparti li huma ta’ piż fuq l-ekosistema Maltija, huma wkoll ambjenti li jagħmlu użu ta’ ħafna ilma u li żgur ma jaqblux mal-klima Mediterranja li ninsabu fiha, sakemm wieħed ma jkollux riservi adegwati tal-ilma tax-xita x’juża’. Meta mbagħad wieħed iqis li t-temperatura tad-dinja qed dejjem tiżdied, importanti ferm li nkunu aktar konxji ta’ proġetti li jħarsu u mhux li jħassru jew jheddu l-ambjent.

Dak li qiegħed jiġri madwarna minħabba t-tibdil fil-klima huwa allarmanti u għandu jiftħilna għajnejna dwar il-prijoritajiet tagħna bħala poplu. Diffiċli wieħed jifhem kif sitwazzjoni bħal tagħna hija sostenibbli, u kemm wieħed jista’ jibqa’ jdaħħal rasu fir-ramel. Infakkar li l-produzzjoni tal-ilma tajjeb għax-xorb tirrikjedi użu kbir ta’ enerġija elettrika u din id-dipendenza tesponi lill-pajjiżna għal bosta riskji, fosthom l-instabilità fis-swieq internazzjonali tal-prezzijiet tal-prodotti li bih nipproduċu l-elettriku. Dawn huma kollha aspetti importanti li jridu jiġu indirizzati meta nitkellmu fuq il-provvista tal-ilma.

Iva, pubblikazzjonijiet bħal din tal-lum huma importanti ħafna, iżda huwa wisq aktar importanti li permezz ta’ politika olistika nkunu kapaċi nħarsu fit-tul, u nkunu lesti nieħdu deċiżjonijiet għaqlin fil-pront, li preferibbilment jissarrfu f’ġid għal ħafna snin fil-ġejjieni.

Filwaqt li nikkumbattu l-ħsarat li jġib miegħu t-tibdil fil-klima, u nagħmlu l-aħjar mezz possibbli biex nippreservaw u nirriċiklaw il-ftit riżorsi li għandna, nemmen li l-irwol tal-edukazzjoni, speċjalment fl-iskejjel, jibqa’ ċentrali biex bħala pajjiż inkunu verament qed naħdmu favur dinja sostenibbli. Illum aktar minn qatt qabel għandna bżonn nifhmu kemm hu minnu dak li dejjem għallmuna b’għaqal kbir l-antenati tagħna, li kull qatra tgħodd.

Din il-filosofija u l-apprezzament għall-preservazzjoni tal-ilma għandha testendi ruħha wkoll f’bosta oqsma oħra ta’ ħajjitna. Ikun faċli għalina l-kbar li nibqgħu nħarsu biss lejn l-iskejjel bħala ċentru ta’ tagħlim u eżempju. Iżda, hemm bżonn li aħna l-adulti nkunu realistiċi, b’mod speċjali dawk involuti f’industriji li jagħmlu użu eċċessiv tal-ilma, u nkunu minn ta’ quddiem biex nipproponu metodi alternattivi li jħarsu l-ambjent. Flimkien ma’ djalogu u tagħlim fl-iskejjel, politika għas-sostenibilità tal-ilma tista’ tiġi estiża wkoll għal ċentri ta’ rikreazzjoni, fosthom dawk tal-anzjani u ċentri oħra, inkluż dawk sportivi u dawk relatati mal-festi esterni tal-irħula u tal-ibliet tagħna. Il-mixja tagħna lejn nazzjon u pajjiż aktar sostenibbli hija realtà li ma nistgħux ma nagħtux kasha. Huwa biss jekk inkunu flimkien li verament ikollna ċans li nirnexxu.  

Nagħlaq dan id-diskors billi mill-ġdid inrodd ħajr lill-awturi kollha tal-ħidma tagħhom biex ġiet imfassla din il-pubblikazzjoni u biex tkun suċċess u mhux biss isservi bħala ktieb importanti għall-istorja u l-patrimonju Malti, iżda wkoll bħala manwal ta’ kif pajjiżna għaraf matul is-snin japprezza, jippreserva u jiġġenera s-sors ewlieni li mingħajru l-ħajja lanqas biss kien ikun possibbli li teżisti; l-ilma.

Nirringrazzjakom.

-tmiem-

Skip to content