Il-lejla t-tajba,
Irrid nibda billi niskuża ruħi magħkom għaliex ma nistax inkun personalment hemmhekk minħabba appuntamenti oħra.
Però ħassejt li hekk kif qed tiċċelebraw l-inizjattiva u l-premju Irrid Nikber fit-Tjubija, ħassejt li għandi ningħaqad magħkom biex inwassal dan il-messaġġ qasir ta’ awguri, u anki ta’ riflessjoni.
Wara ż-żminijiet diffiċli li għaddejna minnhom fl-aħħar xhur minħabba l-COVID, illum qed insibu sfumaturi koroh ġodda permezz ta’ gwerra li qed issir ftit ’il bogħod minn pajjiżna. Inkun qed nesprimi l-ħsieb ta’ ħafna meta nitkellem fuq id-diqa u d-dispjaċir li jitnissel f’qalbna meta naraw xeni ta’ qerda, ta’ ġlied u ta’ tbatija.
Ir-realtà ta’ assedju li qed jgħix taħtu l-poplu Ukren, jinħass bħal donnu xi ħaġa li diġà rajna fil-passat: ħaġa kerha. Iżda jekk inħarsu lejn l-instabilità perpetwa f’postijiet bħal-Lvant Nofsani, u l-kunflitti ġodda fl-aħħar snin, nindunaw li huma bosta dawk il-popli li sfortunatament ikomplu jsofru l-effetti negattivi tal-gwerra għal snin twal.
Forsi wħud qed jaħsbu u jistaqsu: imma għaliex il-President għażel li jagħmel dan l-aċċenn f’jum ta’ festa, f’jum ta’ ferħ?
Jiena nemmen li nkun qed nonqos jekk nitkellem fuq it-tjubija mingħajr ma’ nitkellem ukoll fuq dak li qed joħloq tant uġigħ.
Dan il-premju huwa għalhekk raġġ ta’ dawl u ta’ tama li iva, fid-dinja għad hawn ħafna tjubija. L-imġiba ta’ dawk li ġew innominati hija rappreżentattiva ta’ dan id-dawl u sservi ta’ mixegħla fil-qlub ta’ ħafna oħrajn. Intom, bħal kwiekeb żgħar, nebbaħtu t-triq għal dawk anqas ixxurtjati minnkom. Ma ddejjaqtux tkunu differenti minn tfal oħra. Ma stħajtux tagħmlu dak li ħafna oħrajn jinjoraw għal ħajjithom kollha, jiġifieri ma ddejjaqtux tgħożżu l-empatija u l-ħbiberija bħala għodda importanti f’ħajjitkom.
It-tjubija li wrejtu u qed tkomplu turu ma’ sħabkom huma, u jibqgħu jkunu, ta’ ispirazzjoni għalina lkoll u eżempju ċar ta’ kemm il-ġenerazzjoni ż-żgħira tagħna għandha qalb kbira, u taf tkattar l-għaqda.
Jiena nifraħ għalhekk lir-rebbieħa ta’ din is-sena: Hasan Kasem u Dezyan Gellel għal dak kollu li għamlu. Għeżież rebbieħa, nixtieq nirringrazzjakom talli ma’ sħabkom tilbsu l-mantell tas-supereroj u għalkemm ma għandkomx poteri supranaturali bħal li wieħed ikun jista’ jtir, il-karattru u l-imġiba tagħkom kienu poteri speċjali u li tnissġu fi ħbiberija unika.
Jiena nagħlaq dawn il-kelmtejn billi nirringrazzja lill-Kunsill ta’ Ħal Qormi talli reġa’ ta spinta lil din l-inizjattiva u qed ikompli għalhekk isaħħaħ fi ħdan il-komunità ta’ Ħal Qormi sens ta’ tjubija u solidarjetà fostkom it-tfal.
Nirringrazzjakom