The President of Malta

Diskors mill-E.T. il-President George Vella waqt l-inawgurazzjoni ta’ wirja tal-artist Noel Galea Bason

Diskors. BOV Exhibition 16.01.2024

Dr Gordon Cordina, Chairman BOV

Dr Joseph Cassar, Kuratur tal-Wirja

Mr Mario Cutajar, Chairman Heritage Malta

Mr Noel Zammit, CEO Heritage Malta

Mr Noel Galea Banson, Artist

Sinjuri,

Hu gost u pjacir tiegħi li llum ninsab hawnhekk biex ninawgura din il-wirja retrospettiva ta’ Noel Galea Bason, l-aħħar fis-sensiela ta’ wirjiet tal-arti li l-Bank of Valletta issa sar sinonimu magħhom. Tabilħaqq, konxju tal-fatt li wirja retrospettiva bħal din hi mument opportun biex nsiru nafu aktar lill-artist, l-espressjoni kreattiva tiegħu u dak l-karatteristiċi ta’ xogħolu li jagħmlu uniku – oriġinali.

Lil Noel Galea Bason kelli x-xorti nsir nafu mill-qrib meta l-Uffuccju tieghu kkummissjona mingħandu l-Midalja Tifkira tal-Presidenza – midalja li giet mogħtija bħala tifkira lil bosta li ltqajt magħhom tul il-presidenza tiegħi jew li taw xi forma ta’ kontribut fil-programm kulturali u attivitajiet oħra tal-Presidenza. Kien mument, li nista nsejjaħlu wkoll bħala mixja ma’ l-artist, fejn sirt naf aktar dewar it-teknika tal-midalja, kif tinhadem u dak kollu li tinvolvi, mid-disinn għall-mudell, ghax-xoghol finali.

Ma kellix dubju li Noel kien l-persuna li seta jahdem fuq dan il-progett. Ir-raguni ma tridx forza, kif jghid il-Malti. Noel magħruf bħala wieħed fost l-aktar nies speċjalizzati fl-arti tal-midalja, mħarreġ fl-iscuola della Medaglia f’Ruma. Iżda għal Noel, naf wkoll li t-taħriġ barra minn pajjiżna kien biss il-bidu.

Kompla jaħdem u jistinka għal ħafna snin wara sabiex jissaħħaħ aktar fit-teknika kif wkoll jiżviluppa aktar l-istil personali tieghu. Forsi nazzarda nżid li dan il-vjaġġ għadu fis-seħħ għaliex l-livell tax-xogħol li laħaq Noel, tghollih biss b’impenn u hidma kontinwa biex b’hekk, ftit ftit, jaslu wkoll ir-riżultati. Minn taħt idejn Noel ħarġu bosta u bosta midalji kommemorattivi. Hu forsi dan l-aktar legat magħruf ta’ Noel, dak ta’ medallista fit-tradizzjoni taz-zekka li minnha ħareg wkoll antenat illustri u skultur tas-seklu tmintax li ftit li xejn bqajna nagħrfuh – Pietro Paolo Troisi.

Iżda l-istil u r-repertorju ta’ Noel, li din il-wirja tirrakkuntalna b’mod daqstant tajjeb, ma jieqafx biss mal-midalja. Jmur tabilħaqq lil hinn, wkoll fit-tematika. Noel Galea Bason jirrakkonta l-ħajja ta’ kulljum, l-hekk imsejjħa kummenti socjali li jixhdu ghall-fatt li l-artist ma baqax biss fit-teknika izda mar lil hinn fit-tematika wkoll. Dan l-aħħar, wkoll Noel Galea Bason ħareg mill-fosdqa tal-esperjenza estensiva li bena fil-kamp tal-munita u l-medalja biex jaħdem fuq l-monument pubbliku. Fil-fatt għandna żewg monumenti li ħargu minn taħt jdejh.

Niehu nota tal-fatt li din il-wirja ta’ Noel Galea Bason hi privileġġ. Privileġġ għaliex rari esibixxa. Tabilhaqq, hawnhekk nara s-saħħa u l-maturita tal-artist li jasal biex jesibixxi meta għandu xi ħaga ġdida xi jgħid jew x’jaqsam.

Meta tirrifletti fuq dan l-fatt, tiġi konxju li l-messaġġ ta’ din il-wirja hu wieħed li jmur lil hinn mir-repertorju tax-xogħol li naraw hawnhekk u li jixhed għall-karriera twila, impenjattiva u kreattiva ta’ Noel Galea Bason. 

DIn il-wirja għandha tfakkarna li l-arti taf tkun tinsab f’idejna u tista tkun wkoll ta’ kwalita għolja, wkoll f’eżekuzzjoni ta’ munita, aktar milli fi kwadru jew opra tal-arti skultorea.

Għandha tfakkarna li ħsieb l-artist spiss jimrah. Artist awtentiku jfittex li ma jistaġnax u jieqaf fejn jhossu komdu.

Għandha tfakkarna wkoll li dak l-artist li jrid jieħu l-arti bis-serjeta jrid jaħdem u jistinka qatigħ biex dejjem jtejjeb xogħolu u jgħolli l-livell ta’ espressjoni ta’ dak li fl-aħħar mill-aħħar ma hu xejn għajr ħsieb kreattiv. Hsieb li jinħtieġ teknika fl-eżekuzzjoni, d-dixxiplina li twasslek biex tagħraf dak li tkun qed tagħmel u l-impenn biex il-ħsieb jieħu sura.

L-esperjenza u l-karriera ta’ Noel Galea Bason ghandha tkun ta’ ezempju ghall-artisti zaghzagh ta’ pajjizna. Nawgura wkoll lil Noel Galea Bason, u hawnhekk naħseb li tingħaqdu miegħi lkoll, li jkompli jwasslilna l-ġmiel tal-esperjenza kreattiva tiegħu biex b’hekk pajjiżna, u l-istorja tal-arti li jirrakkonta jkompli jistagħna bil-ġmiel filqaqt li jixpruna u jseddaq fost l-artisti żagħżagħ tagħna l-impenn sabiex jistinkaw biex jilħqu qċaċet dejjem ogħla.

Skip to content