The President of Malta

Search
Close this search box.

Diskors mill-E.T. Il-President ta’ Malta, George Vella waqt il-Konferenza 100 sena mill-Kostituzzjoni tal-1921

100 sena Kostituzzjoni

Il-Palazz ta’ Sant’Anton

Sinjuri kelliema, Sinjuri

Nibda billi nsellem lilkom li għoġobkom tilqgħu l-istedina tiegħi biex tingħaqdu magħna, għalkemm b’mod virtwali, għal din il-kommemorazzjoni u diskussjoni dwar il-kisba tal-Kostituzzjoni tal-1921.

Nirringrazzja qabel xejn il-kelliema kollha – Prof. Ray Mangion, Prof Joe Pirotta, Prof. Frances Camilleri-Cassar, Prof. JosAnn Cutajar, u Rev Dr. Nicholas Doublet li għoġobhom jaċċettaw l-istedina tiegħi biex dalgħodu jgħidulna aktar fuq dan l-avveniment storiku.

Ninsab ċert li l-punti li se jaqsmu magħna llum se jkunu ta’ valur kbir biex nifhmu sew is-sinifikat ta’ dak li seħħ fl-1921.

Grazzi talli mal-ewwel aċċettajtu li twasslu l-kontributi tagħkom.

Kif diġa’ semmejt meta nedejna din l-inizjattiva, jien u l-Prof. Mangion, waqt konferenza stampa, is-suġġett tal-lum se jkun il-kisba tal-Kostituzzjoni tal-1921 għall-Maltin.

Din baqghet magħrufa bħala l-Kostituzzjoni ‘Amery Milner’, minħabba l-ismijiet tas-sottosegretarju, u s-segretarju tal-istat rispettivament, li kien hemm fil- ‘colonial office’ dak iż-żmien, u li kienu huma strumentali biex ksibna dan l- istrument kostituzzjonali.

Qegħdin infakkru l-mitt sena minn dan l-avveniment u b’hekk ħassejt li għandi nieħu l-okkażjoni biex mhux biss infakkru dan l-avveniment, iżda wkoll nixtarru fid-dettall, dak kollu li fisser għal pajjiżna minn aspetti differenti.

L-Uffiċċju tal-President, illum xtaq ifakkar l-għoti tal-‘letters patent’ mill-gvern Ingliż, u l-promulgazzjoni ta’ dan l-iżvilupp politiku, li seħħew f’April / Mejju tal-1921.

Dan qed isir ftit tax-xhur qabel l-uffiċċju tal-ispeaker se jikkomemora dan l- avveniment aktar tard din is sena , meta wara li kienu tħabbru u saru l-elezzjonijiet fl-1921, skond kif kienet tippermetti l-Kostituzzjoni, ġew eletti membri kemm għall-assemblea, kif ukoll għas-senat, u fl-ewwel ta’ Novembru 1921, fil- preżenza tal-‘Prince of Wales’ il-futur Re Dwardu VIII, kien hemm l-ewwel laqgħa tal-parlament il-ġdid.

Forsi ssaqsu għaliex ħassejt li għandna nikkomemoraw dan l-avveniment. Hemm ħafna raġunijiet.

Din kienet żvolta importanti ħafna fl-istorja kostituzzjonali ta’ pajjiżna. Ma kienx avveniment li seħħ waħdu, jew bla kuntest.

Wassal għalih il-fatt li l-Maltin kienu xebgħu għaddejjin minn hekk imsejħin kostituzzjonijiet, li kienu jassiguraw biss id-dominanza kolonjali tal-Gvern Ingliż u jevitaw b’kull mod li jgħaddu xi forma ta’ tmexxija responsabbli lill-Maltin.

It-talba u x-xewqa li l-poplu Malti jkollu sehem dirett fit-tmexxija ta’ pajjiżu kienet taqa’ fuq widnejn torox.

Mill-ewwel snin tal-ħakma Ingliża, il-Gvernatur kien imexxi prattikament kollox huwa, bla ebda rappreżentanza ta’ Maltin.

Fl-1921, għall-ewwel darba, bis-saħħa tal-insistenza, u r-rieda qawwija tal-Maltin u l-mexxejja tagħhom, ingħatajna d-dritt li jkun hemm senat u assemblea

leġislattiva li jiffurmaw gvern Malti għall-affarijiet lokali, flimkien ma’ gvern imperjali biex imexxi l-hekk imsejħa ‘materji riżervati’.

F’din is-sistema, magħrufa bħala ‘diarkija’, il-gvern imperjali Ingliż xorta żamm id-dritt li fl-aħħar mill-aħħar il-kuruna setghet ixxejjen deċiżjonijiet meħuda mill- membri eletti fl-assemblea leġislattiva.

Imma għallinqas dan l-iżvilupp, żgħir kemm kien żgħir, kien pass ‘il quddiem lejn il-kisba tad-drittijiet tal-Maltin li jkollhom parti mit-tmexxija ta’ pajjiżna f’idejhom, kif se jispjegawlna il-kelliema li għandna magħna.

Hemm storja twila ta’ kemm kienu insistenti u konsistenti l-Maltin fit-talbiet taghħom biex jiġu rispettati.

Dan l-isfond storiku żgur se jiġi ttrattat mill-kelliema.

Barra minn hekk se jiġi diskuss ukoll l-isfond soċjali, id-drittijiet tal-ħaddiema, l- element politiku, kostituzzjonali, reliġjuż, li fih seħħew dawn l-avvenimenti.

Ma rridux ninsew li d-dinja kienet għadha tistejqer fi tmiem l-Ewwel Gwerra Dinjija. Il-ħerba li ġabet magħha l-influwenza Spanjola. L-għoli tal-ħajja u l- iskarsezzi. Is-sensji. Il-faqar. Ma’ dawn f’pajjiżna kien hawn il-problema tal- lingwa, il-bidu għat-talbiet għad-drittijiet tan-nisa, il-problemi fil-Korp tal- Pulizija, inkwiet fost l-istudenti Universitarji, u dibattitu sħun dwar il-post tar- reliġjon Kattolika fil-Kostituzzjoni.

Dan kollu fl-isfond li l-poplu minn wara l-irvellijiet tas-7 ta’ Ġunju, kien irrabjat għall-Ingliżi.

Skond ‘Amery’ stess kien ċar li mhux biss is-sitwazzjoni finazjarja kemm tal- Gvern Malti kif ukoll tal-Poplu in ġenerali kienet waħda iddisprata, imma li dan kien direttament ħtija tal-Gvern Imperjali. Skond ‘amery’ stess, is-servizzi Ingliżi kienu ħadu għall-użu tagħhom artijiet u bini li kien tal-Gvern Ċivili li għalih suppost kienu qegħdin iħallsu madwar 45,000 lira Ingliża fis-sena bħala kirjiet.

Kompla qal li l-ħaddiena tat-tarznari matul il-gwerra kienu mħallsin pagi skandalużi.

Kien konvint li biex tirranġa s-sitwazzjoni ekonomika ried ikun hemm bilfors bidu ġdid ta’ kif issir il-politika. Is-sitwazzjoni finanzjarja, dik ekonomika, u dik politika riedu jiġu ttrattati flimkien fl-istess ħin, sostna ‘amery’.

Hawn irridu nirrikonoxxu l-għaqal u d-dehen tal-mexxejja Maltin li minkejja kollox qatt ma qatgħu qalbhom biex jitolbu dak li minn dejjem ħassew li kien tagħhom mingħand l-Imperu Ingliż.

Xi xtaqt li joħrog minn webinar bħal dan?

Xtaqt li qabel xejn jgħin biex inkomplu nagħrfu aktar minn aħna; Xtaqt li l-istorja tagħna tagħtina sens ta’ kburija;

Xtaqt li nwasslu speċjalment liż-żgħażagħ tagħna kif sirna nazzjon. kif pajjiżna u d-demokrazija tagħna nbniet ftit ftit matul iż-żmien;

Kif fin-nisġa tal-ħajja politika ma’ dik soċjali, nibtu u ssaħħew f’pajjiżna l- għaqdiet;

Kif nibtu l-partiti, it-‘trade unions’;

Xtaqt li nifhmu r-rwol li lagħbet ir-reliġjon fl-istorja politika ta’ pajjiżna;

Xtaqt li jitwassal il-messaġġ li l-għaqda hija dejjem importanti biex naslu, minkejja d-differenzi li jkun hemm bejnietna, kif kien hemm diġa’ l-1921.

Hawnhekk norbot ukoll mal-Konferenza li tellajt fi Frar, propju dwar l-għaqda nazzjonali. Inħoss li dan l-għarfien dwar is-sisien ta’ ġrajjiet pajjiżna hija pass fundamentali biex napprezzaw iktar dak li jqarribna, u mhux dak li jifridna.

Bi pjaċir inħabbar li l-pubblikazzjoni tal-Konferenza ta’ Frar tlestiet u hija għalhekk aċċessibbli għall-pubbliku.

Xtaqt li din tal-lum tkun okkażjoni oħra fejn wieħed jagħraf kif ksibna ghall- pajjiżna l-ewwel drittijiet, u kif żviluppat id-demokrazija.

Xtaqt fl-aħħarnett ukoll li jitwassal il-messaġġ li pajjiżna, bħal ma kellu jagħmel ħafna drabi, Kien vittma taċ-ċirkostanzi tal-kolonjaliżmu, u baqa’ jġorr konsegwenzi sa ma ħadna l-Indipendenza fl-1964, u aktar u aktar meta sirna Repubblika fl-1974.

Mgħandix dubju li se nisimgħu ħafna dwar dan mill-kelliema mistiedna tagħna. Nirringrazzjakom.

Skip to content