The President of Malta

President Myriam Spiteri Debono

Search

Onorevoli Prim Ministru

Onorevoli Deputy Speaker

Onorevoli Ministri
Onorevoli Kap tal-Oppożizzjoni

Kollegi Presidenti Emeriti

Eċċellenzi
Mistednin Distinti

Bħal-lum ħamsin sena ilu, ir-rappreżentanti tal-poplu, fil-maġġoranza kważi assoluta tagħhom, iddeċidew li Malta għandha tkun Repubblika.

Bis-saħħa tas-sovranità li l-Indipendenza tat lil pajjiżna għaxar snin qabel, ir-rappreżentanti tal-poplu ħadu din id-deċiżjoni storika li ssarrfet fi żvilupp kostituzzjonali u demokratiku ta’pajjiżna.

Il-Kap tal-Istat ma baqax aktar barrani, evidenza li pajjiżna kien għadu marbut mal-aħħar ħakkiem li kellu, u fuq kollox dan il Kap tal-Istat kien qiegħed hemm bl-inċidenza tat-twelid. Malta tagħna saret fit-tifsiriet kollha tagħha “Res Publica”, fejn l-għażliet tat-tmexxija minn isfel għal fuq jeżerċitahom il-poplu direttament jew permezz tar-rappreżentanti tiegħu. L-istat ippersonifika ruħu f’iben jew bint il-poplu.

Insellem u nrodd ħajr lill-Presidenti kollha ta’ qabli:

lil Sir Anthony Mamo, li jibqa’ magħruf għad-dinjità li biha libbes il-Presidenza;

lil Anton Buttigieg, li ġab fil-Presidenza is-sensittività poetika u umana li kien mogħni biha;

3

lil Agatha Barbara, li b’interventi diskreti, tat is-sehem tagħha biex wara l-kriżi li seħħet wara l-elezzjoni ta’ Diċembru 1981, pajjiżna jerġa’ jkollu Parlament sħiħ, bil-preżenza tar-rappreżentanti kollha eletti mill-poplu;

lill-Aġent President Pawlu Xuereb, li dam Aġent President għal ftit aktar minn sentejn, li ma ddejjaqx jindirizza lill-poplu meta deherlu li f’pajjiżna qed iseħħu inċidenti mhux denji tal-poplu tagħna;

lil Ċensu Tabone, li bil-ġentilezza tiegħu rebaħ ukoll lil dawk li fil-bidu tal-Presidenza tiegħu, b’ġest simboliku politiku, iddeċidew li jibbojkottjaw il-Presidenza tiegħu.

Il-ħamsa li semmejt kollha għaddew għal ħajja oħra, iżda t-timbru tagħhom għadu magħna.

Warajhom, pajjiżna kellu sitt presidenti oħra:

Ugo Mifsud Bonnici, li bil-formazzjoni akkademika, kulturali u filosofika tiegħu, eżerċita l-prudenza meħtieġa fis-sitwazzjoni diffiċli li evolviet bejn l-1996 u l-1998, fejn tidħol stabbilità fil-Gvern;

lil Guido De Marco, li ukoll ma għadux magħna, li fih dejjem spikkat b’mod eċċezzjonali il-fierezza li huwa kellu b’Malta, u bil-Maltin;

lil Eddie Fenech Adami, li flimkien ma’ Guido de Marco, kien strumentali biex pajjiżna ssieħeb fl-Unjoni Ewropea, għoxrin sena ilu. Jibqa’ mfakkar kif wara l-mixja tiegħu fil-quċċata tal-politika partiġġjana f’pajjiżna, bħala President inqata’ mill-partiġġaniżmu politiku, il-Presidenza tiegħu kienet diskreta mħaddma minn wara l-kwinti, b’distakk mill-kumbatt tal-gara
politika; 4

lil Ġorġ Abela, li b’vot unanimu mill-Parlament, nominat mill-partit li fl-interludji politiċi tiegħu mmilita kontrih, li l-maġġoranza tal-poplu ħasset li l-għażla tiegħu kienet evidenza tanġibbli ta’ għaqda. Kien strumentali biex ressaq id-driegħ filantropiku tal-Presidenza, il-Malta Community Chest Fund, aktar qrib il-poplu, billi wessa’ l-attivitajiet ta’ din il-filantropija nazzjonali;

lil Marie Louise Coleiro Preca, magħrufa għal qalb kbira tagħha, li kompliet fuq il-pedamenti li kellha l-Presidenza, u b’moħħha u b’qalbha estendiet l-operat tal-Malta Community Chest Fund, u għadha sal-ġurnata tal-lum preżenti fost il-poplu bl-opri tajba li hi tmexxi bl-inizzjattiva u l-ħila tagħha;

lill-predeċessur tiegħi George Vella, magħruf għall- esperjenza tiegħu fejn tidħol Malta fix-xena internazzjonali, u li tul il-Presidenza tiegħu ma waqafx li jippromwovi l-missjoni ta’ paċi ta’ Malta, l-irwol ta’ Malta fejn tidħol is-sigurtà fil-Mediterran u partikularment il-paċi fil-Lvant Nofsani.

Jien għadni fl-ewwel sena, tal-ħames snin tal-prova tiegħi.

Kif kelli okkażjoni naċċenna drabi oħra, il-ħatra tiegħi bir-regoli ġodda kostituzzjonali li seħħew fl-2020, kienet prova konkreta li l-poplu tagħna kapaċi jkun vuċi waħda, u l-ftehim jasal għalih.

Ftehim, rari jseħħ mil-lum għal għada; ħafna drabi, jieħu ż-żmien u jdum biex jirnexxi. Ukoll biex Malta saret Repubblika ħamsin sena ilu, kien hemm diskussjonijiet u negozjati li ħadu xhur twal. Hekk ukoll ġara fl-1987, meta saru l-emendi għal liġi elettorali biex pajjiżna jkun immexxi minn min ikollu l-maġġoranza tal-voti warajh, liġi li wara reġgħet ġiet irfinuta biex in-numru ta’ siġġijiet ikun jirrappreżenta b’mod aktar ekwu l-voti mitfugħa fl-ewwel għadd.

Għad baqa’ xi jsir, u hemm lok fejn ir-rabta bejn il-voti fl-ewwel għadd u s-siġġijiet fil-Parlament tkun aktar perfezzjonata. Dan ikun jagħmilha aktar possibbli li l-minoranzi jkollhom rappreżentanza Parlamentari. Bis-sistema elettorali preżenti, din hija biss possibilità impossibbli (an impossible possibility) li fir-realtà teżisti biss bejn il-linka tal-vrus.

Biex wieħed jasal għal ċerta tibdiliet li jridu l-appoġġ meħtieġ, qabel ma jkun hemm ftehim manifestat fil-liġijiet, irid ikun hemm ir-rieda, irid ikun hemm xebh fil-ħsieb, u biex wieħed jersaq lejn il-mejda ta’ diskussjoni ċivili, l-atmosfera trid tkun kordjali.

F’dawn l-aħħar ħamsin sena, eżattament tletin sena ilu, tnedew il-Kunsilli Lokali, intiżi biex iċ-ċittadin ikollu post aktar dirett fit-tmexxija, almenu fil-lokalità fejn jgħix. Nistaqsi iżda, qegħdin naraw illi l-Kunsilli Lokali nipprovdulhom l-għodda u l-finanzi neċessarji sabiex ikollhom rwol aktar effettiv fil-komunità? Mil-laqgħat li jkolli, ukoll minn dak li nsegwi fil-midja, jasal illi ħafna drabi hemm nuqqas ta’ kordinament bejn il-Kunsilli u l-Awtoritajiet Ċentrali. Għandha tkun stabbilita linja ta’ informazzjoni bejn l-Awtoritajiet u l-Kunsilli Lokali; jeħtieġ li l-Kunsilli jinżammu infurmati b’dak li jolqot il-lokalità tagħhom.

Ġew imnedija liġijiet intiżi biex iċ-ċittadin jiżdidulu t-toroq ta’ rikors, fejn iħossu milqut inġustament, u wkoll liġijiet sabiex ikun hemm aktar skrutinju u dixxiplina fit-tmexxija.

L-Att XXI tal-1995, li stabbilixxa l-Uffiċċju tal-Ombudsman, ta rikors liċ-ċittadin sabiex possibbilment jasal għar-rimedju jekk jidhirlu li jkun milqut ħażin minn azzjonijiet amministrattivi li jsiru mill-Gvern u minn Awtoritajiet oħra.

L-Att XVI tal-1997, li pprovda għal ħatra ta’ Awditur Ġenerali u l-mod kif l-Awditur Ġenerali jirrapporta lill- Parlament, kompla żied l-iskrutinju li jsir fuq l-operat tal-Gvern tal-ġurnata.

L-Att XIII tal-2017, ħaseb għall-ħatra ta’ Kummissarju tal-Istandards bis-setgħa li jinvestiga ksur ta’ dmirijiet statutorji jew etiċi ta’ kategoriji ta’ persuni fil-ħajja pubblika u wkoll, Kumitat Permanenti magħmul minn żewġ membri minn kull naħa tal-Kamra, presedut mill-Ispeaker.

Il-formazzjoni preżenti ta’ dan il-Kumitat għandha element ta’ awtodixxiplina, liema element għandu jkun inkoraġġit.

Wieħed jistaqsi kemm din l-istituzzjoni tal-Kummissarju tal-Istandards, fil-fatt għandha s-snien neċessarji biex tkun għodda effettiva ta’ dixxiplina. Ħafna drabi l-perċezzjoni tal-Kumitat Parlamentari konness ma’ din l-istituzzjoni, hija illi l-Membri tiegħu jimxu fuq linji partiġġjani, fuq l-istruzzjonijiet tal-whips – f’dawn iċ-ċirkostanzi, għalhekk, ikun il-casting vote tal-Ispeaker li jiddetermina l-eżitu.

Iżda dawn l-istanzi jpoġġu taħt il-lenti l-pożizzjoni tal-Ispeaker. Wasal iż-żmien biex neżaminaw il-mod kif il-pożizzjoni tal-Presidenza tal-Kamra tad-Deputati tkun aktar b’saħħitha? Ngħid dan li ġej biex ikun hemm lok għar-riflessjoni. Pereżempju, jinħatar b’maġġoranza sempliċi biex tkun evitata li tiġi stallata l-għażla, iżda t-tneħħija tkun deċiżjoni ta’ żewġ terzi tal-Kamra.

Malta qed ikollna inċidenzi ta’ aġir li żgur mhux etiku, drabi oħra mhuwiex onest u mhuwa xejn denju ta’ min il-poplu eleġġih biex jirrappreżentah.

Ir-rispett lejn l-istituzzjonijiet jogħla u jinżel skond l-aġir ta’ min jokkupa l-pożizzjoni. Il-Membri Parlamentari huma responsabbli

kollettivament u individwalment għall-istampa li ċ-ċittadini jaraw quddiemhom meta tissemma’ l-kelma Parlament.

Mhux sewwa li kulħadd jintefa’ f’keffa waħda, u min ma jeżerċitax galbu u onestà mhux qiegħed jonqos biss lejn il-poplu, imma qiegħed jonqos wkoll lejn il-membri l-oħra tal-Parlament li huma onesti u integri, u nżid, jonqos ukoll lejh innifsu.

Nibqa’ ngħid illi anqas ma r-rappreżentanti tal-poplu jagħtuh x’jagħmel lill-Kummissarju tal-Istandards, aktar ikun jistħoqqilhom it-titlu ta’ Onorevoli.

Sinċerament jidhirli li wasal iż-żmien li neżaminaw bis-serjetà kif għandna nsaħħu l-istituzzjoni Parlamentari, u magħha wkoll il-liġi elettorali fejn tidħol il-formazzjoni tal-Kamra tar-Rappreżentanti – minn żmien għal żmien tissemma l-mistoqsija jekk wasalx il-waqt illi l-Membri Parlamentari jkunu full time.

Xejn ma jżomm lill-Membri Parlamentari stess, li inizjattiva bħal din ikunu huma li jixprunawha, mhux biss fil-partiti rispettivi iżda wkoll fil-forum Parlamentari stess, b’kumitat ad-hoc bil-poteri biex din il-materja tiġi mistħarrġa u jsiru rakkomandazzjonijiet.

Ser naċċenna biss, mingħajr ma nidħol fil-fond, illi s’issa wkoll qisu għadu ma sarx studju fil-fond u wiesgħa dwar il-finanzjament tal-Partiti Politiċi mill-Istat.

Semmejt dawn iż-żewġ materji bit-tama illi jkunu ta’ għajnuna biex tonqos l-inċidenza ta’ ċertu aġir, li mhux biss iħammar il-wiċċ, iżda fuq kollox huwa aġir perikoluż għaliex iċajpar il-linja ta’ diviżjoni stretta li għandu jkun hemm bejn is-setgħa tal-flus u s-setgħa tal-poplu fit-tmexxija tal-pajjiż.
Hemm bżonn li nkunu ċari u diretti fil-linji li għad hemm bżonn

biex pajjiżna, it-tmexxija tkun verament f’idejn dawk magħżula mill-poplu.

Ejjew noqogħdu attenti illi ma nidħlux f’saqajn xulxin. Dan jgħodd speċjalment għall-ċertu istituzzjonijiet li għandhom dmirijiet u rwoli speċifiċi. Qed nirreferi b’mod partikulari għall-Qrati, l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali u l-Pulizija. It-tlieta li huma fi rwoli separati tagħhom, fdati bl-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja.

M’għandu jkun hemm ebda forma ta’ pressjoni minn irkejjen varji fuq dawn it-tliet pilastri tal-ħaqq u tad-dritt.

Kull tip ta’ pressjoni wkoll jekk ġejja minn intenzjonijiet tajba hija perikoluża; anke l-intenzjonijiet tajba jistgħu jitfgħuna f’infern.

Huwa desiderabbli illi r-rakkomandazzjonijiet li joħorġu minn inkjesti pubbliċi jkunu implimentati. Għandu jingħalaq il-proċess tar-rakkomandazzjonijiet li ħarġu mill-inkjesta Sofia. Fuq dawn diġà sar ħafna xogħol taħt l-awspiċi tal-Ministeru tal-Ġustizzja.

Infakkar illi l-inkjesta pubblika Caruana Galizia, tefgħet lenti fuq il-professjoni ġurnalistika. Hemm bżonn li tissokta d-diskussjoni dwar ir-rikonoxximent tal-ġurnaliżmu bħala parti mill-għodda tad-demokrazija. Il-professjoni ġurnalistika tinteressa lill-poplu, imma tinteressa wkoll u primarjament lill-ġurnalisti, partikularment lill-ġurnalisti li huma retti u professjonali f’xogħolhom. Il-ħidma li għaddejja mill-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin, sabiex dan l-Istitut ikollu status ta’ Union għandu jgħin biex din id-diskussjoni tkompli b’aktar impenn.

F’pajjiżna baqalna fejn intejbu u nsaħħu l-istituzzjonijiet, u nwessgħu aktar it-triq tad-demokrazija biex iċ-ċittadini jħossuhom aktar parteċipi.

Is-soċjetà ċivili, bl-għaqdiet fi ħdanha, bil-kontribut ta’ sigħat twal ta’ ħidma volontarja, għad hemm lok fejn tissaħħaħ u tinfirex. Il-parteċipazzjoni tal-ġenerazzjoni żagħżugħa għandha tkun inkoraġġuta u jingħata piż lill-problemi li ż-żgħażagħ iħossu li qed jaffrontaw.

Wieħed mill-akbar piżijiet li ż-żgħażagħ qed iħossu, jidher li hija s-sitwazzjoni tal-propjetà immobbli meta dawn jiġu biex ikollhom darhom. Din is-sitwazzjoni tiġbor fiha ħafna elementi illi jekk irridu naslu xi mkien, huwa neċessarju li jiġu kkunsidrati f’daqqa.

Il-preservazzjoni tal-binjiet fiċ-ċentri tal-irħula u l-ibliet, il-bini ġdid invadiv fuq l-ambjent, l-infrastruttura meħtieġa, il-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-pagi, ir-rikonoxximent li l-bniedem għandu jiġi kkunsidrat b’mod sħiħ; dan, u ħafna aktar jistgħu jiġu rfinuti.

U qed ngħid irfinuti, għaliex għandhom ikunu rikonoxxuti l-inċentivi li ngħataw f’dawn l-aħħar snin sabiex nieħdu ħsieb insalvaw il-karattru tal-irħula tagħna u fl-istess waqt nerġgħu nagħtu l-ħajja liċ-ċentri tal-lokalitajiet, u wkoll l-għajnuniet intiżi biex din l-aspirazzjoni ewlenija tal-poplu tagħna li jkun sid tà daru tintlaħaq b’mod aktar wiesgħa.

Ma ninsewx illi ħamsin sena ilu, ħafna mill-familji tal-ħaddiema kienu għadhom jgħixu fi djar mhux tagħhom bil-kera u kien f’dawk iż-żminijiet illi nbdiet il-mixja sabiex il-maġġoranza tal-poplu jilħaq l-aspirazzjoni li jkun sid ta’ daru.

Biss, iż-żminijiet jevolvu, il-kunċetti wkoll jevolvu, u fejn tidħol il-kera, kellu jsir tibdil fil-liġijiet sabiex jkun hemm bilanċ bejn id-dritt fundamentali li titgawda l-propjetà privata, u d-drittijiet li ngħataw lill-inkwilini fiż-żminijiet oħra skont il-bżonnijiet ta’ dawk iż-żminijiet. F’dan ir-rigward, wieħed irid ukoll isemmi illi ġew imnedija skemi sabiex jittaffa l-impatt negattiv fuq min kien fil-kera u ntlaqat b’mod negattiv b’dawn it-tibdiliet fil-liġi.

U la qed insemmi drittijiet fundamentali, wieħed ma jistax ma jsemmix illi għal dawn l-aħħar disa’ snin konsekuttivi, pajjiżna baqa’ fl-ewwel post fejn jidħol il-Europe Rainbow Map Equality Index. Dan l-għarfien internazzjonali ġie sena wara l-oħra minħabba d-dħul ta’ riformi progressivi fejn jidħlu drittijiet umani, riformi li ssarfu f’soċjetà aktar inklussiva u għenu biex naqas il-preġudizzju.

L-ugwaljanza bejn iċ-ċittadini, partikularment nisa u rġiel, ukoll imxiet ’il quddiem. Miżuri li jżewġu mill-qrib id-dinja tax-xogħol u l-familja ħeġġew aktar nisa jidħlu fid-dinja tax-xogħol. Dan ta indipendenza finanzjarja lin-nisa li akwistaw aktar għodda biex jirregolaw ħajjithom u jkunu anqas maħkuma minn sitwazzjonijiet ta’ tbatija u abbuż, filwaqt ukoll illi dan kellu l-effett li jżid il-ġid tal-pajjiż.

Pajjiżna huwa mogħni b’poplu bieżel, reżiljenti u li jaf ikun dixxiplinat. Il-mod kif, milqut mill-pandemija, il-poplu wera ruħu dixxiplinat u flimkien mat-tmexxija abbli tal-Awtoritajiet, kien strumentali biex il-pandemija ma kedditx lill-poplu tagħna bl-istess mod li ġara f’pajjiżi oħra.

Insemmi wkoll ħaġa oħra; is-sitwazzjoni fit-turiżmu fi żmien tliet snin wara l-pandemija mhux biss laħqet il-livell ta’ qabel iżda ssuperat in-numru ta’ turisti li kienu ġew fl-2019, għaliex fl-2023 kien hemm żieda ta’ 8.3% fuq in-numri reġistrati fl-2019.

Pajjiż ma jistax jieqaf. L-evoluzzjoni hija kontinwa; wieħed dejjem irid ikun lest li jinbidel u jibdel skond il-bżonn. Għalhekk, biex is-suċċess ma jissarrafx f’rigress, effetti negattivi li jistgħu jirriżultaw mis-suċċess, ikun meħtieġ li nilqgħu għalihom u jekk ikun hemm bżonn tibdiliet, dawn nagħmluhom.

Għal snin twal, pajjiżna kien mifni minn nuqqas ta’ xogħol. Il-bżulija u r-reżiljenza ta’ amministrazzjonijiet suċċessivi ħolqu niċeċ ġodda ta’ investiment, u f’dawn l-aħħar snin ir-rata ta’ qgħad f’pajjiżna naqset drastikament. Skont data tal-Eurostat ta’ Settembru tas-sena kurrenti, Malta għanda rata ta’ qgħad ta’ 3% biss u tinsab fit-tielet post bit-tielet l-anqas rata ta’ qgħad fl-Unjoni Ewropea. Malta ukoll għandha, l-anqas rata tà qgħad fiż-żona ewro u t-tieni lanqas rata ta’ qgħad fl-istorja ta’ pajjiżna.

Tul dawn il-ħamsin sena, amministrazzjoni wara l-oħra taw prijorità lis-settur edukattiv. Illum il-viżjoni hija waħda ħolistika, u inklussiva, li tieħu ħsieb illi permezz ta’ gwida vokazzjonali, tinkoraġixxi lill-istudenti sabiex jagħrfu t-talenti li jkollhom, tipprovdi għajnuna lil dawk l-istudenti illi jkollhom bżonn sostenn, u fuq kollox hemm koperazzjoni ma’ setturi fl-ekonomija fejn tidħol esperjenza fid-dinja tax-xogħol.

Dan is-settur ma kienx nieqes minn kontroversji, partikolarment fit-tmeninijiet tas-seklu l-ieħor. Id-dritt tal-għażla tal-ġenituri fejn tidħol l-edukazzjoni tal-ulied huwa aċċettat b’mod wiesgħa, u l-Gvern tal-ġurnata fl-aħħar Baġit ħaseb biex iżid l-għajnuna lill-ġenituri li jagħżlu li lil uliedhom jibagħtuhom fi skejjel reliġjużi jew privati, u mhux fl-iskejjel tal-Istat. Barra minn dan, il-Gvern ser ikun qiegħed joħroġ ammonti sostanzjali ta’ flus għall-pagi tal-għalliema tal-iskejjel privati u reliġjużi, u dan sabiex il-miżati jinżammu stabbli.

Tajt dawn l-eżempji biex kemm jista’ jkun inżommu perspettiva bilanċjata ta’ kif pajjiżna mar ’il quddiem f’dawn il-ħamsin sena, u ma nsawtux lilna nfusna żżejjed. Għandna nirrikonoxxu l-kwalitajiet tajba li għandna bħala poplu.

Ninnota b’sodisfazzjon, illi Għawdex ser ikun ir-Reġjun tal-Kultura għas-sena 2025, u nawgura lill-Għawdxin illi din l- opportunità jużawha bħala vetrina għal dak li joffri Għawdex u l-Għawdxin.

Il-konnettività bejn Malta u Għawdex tibqa’ punt kruċjali għall-Għawdxin, iżda bla dubju, m’hemmx paragun ma’kif kienet is-sitwazzjoni fis-sebgħinijiet, meta twieldet ir-Repubblika.

L-insularità doppja ta’ Għawdex, lil Għawdxin, kważi għamlithom ġens ġo ġens.

Filwaqt illi l-gżira Maltija gawdiet minn progress mgħaġġel fl-aħħar sittin sena, kważi fis-setturi kollha, Għawdex ħa ż-żmien biex il-progress assimilah fis-sistema tiegħu. F’Malta, l-progress kellu ċerta elementi ta’ rigress, iżda l-fatt li dan il-progress dam ma laħaq lil Għawdex, forsi kienet barka.

Kien f’dawn l-aħħar tletin sena illi l-Għawdxin sabu mod kif il-karattru distintiv tagħhom jissarraf f’bażi ta’ organizzazzjonijet li qegħdin jiżviluppaw viżjoni partikulari għal Għawdex. Nirreferi b’mod dirett għal Gozo Tourism Association u l-Gozo Business Chamber.

Din il-viżjoni partikolari hija ta’ ġid mhux biss għal Għawdex, iżda wkoll għall-gżejjer Maltin, biex pajjiżna jkollu varjetà ta’ niċeċ x’joffri f’diversi oqsma.

Għawdex għandu ethos partikolari ħafna, għax huwa għaġna tal-indipendenza psikoloġikament intrinsika fil karattru tal-Għawdxin, u d-dipendenza ta’ Għawdex fuq Malta bħala l-gżira l-kbira fl-Arċipelagu tagħna. Għalhekk hemm bżonn qawwi li jinżamm il-bilanċ bejn il-karattru Għawdxi u s-sitwazzjoni reali, biex Għawdex jiżviluppa l-potenzjal sħiħ tiegħu.

Fil-fora internazzjonali Malta għandha profil għoli. Dan huwa dovut għal politika konsistenti, fejn Malta ħaddnet attivament politika favur il-paċi, s-sigurtà u l-progress soċjali fost in-nazzjonijiet kollha, kif jgħid l-Artiklu 1 sub-Artiklu 3 tal-Kostituzzjoni ta’ Malta.

Malta bdiet tipproponi l-progress soċjali fost il-ġnus meta fl-1967, fl-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, Malta nidiet il-kunċett tal-Wirt Komuni tal-Umanità fir-rigward tal-Ibħra.

B’dan il-kunċett Malta ssottolinjat profondità ta’ viżjoni, msejsa fuq id-drittijiet tal-popli, fi żminijiet meta kien qed jinħatt il-kolonjaliżmu fil-kontinent Afrikan u l-popli kienu effettivament qed jieħdu d-destin tagħhom, b’rajhom f’idejhom. Dakinhar, din kienet rebħa tal-Istati li kienu għadhom fl-infanzja, u l-iskop kien sabiex il-ġid u r-riżorsi tad-dinja ma jinħakmux mill-pajjiżi potenti.

Dan il-kunċett tal-wirt komuni tal-umanità, imniedi minn Malta fl-1967, tul dawn il-ħamsin sena, qiegħed ikun estiż fejn jidħlu materji u riżorsi oħra, bħall-ispazju, ir-riservi ta’ taħt l-oċeani, il-protezzjoni, u s-sostenibbiltà ta’ riżorsi, għal benefiċċju tal-umanità kollha kemm hi bla distinzjoni.

Fejn jidħol il-ġid tal-umanità, kienet Malta wkoll illi fl-1988, fl-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, resqet Riżoluzzjoni li tefgħet il-lenti fuq il-problema tat-tibdil fil-klima. B’riżultat ta’ din ir-Riżoluzzjoni, din il-problema llum qiegħda tittieħed bis-serjetà mill-maġġoranza kważi assoluta tal-Istati tad-dinja, u diġà f’fora internazzjonali hemm il-mixja lejn trattati importanti.

Malta kienet ukoll innovattiva, meta fl-1975, f’Ħelsinki, ġie enfasizzat illi m’hemmx paċi u sigurtà fl-Ewropa mingħajr paċi fil-Mediterran.

U fil-kuntest tal-Mediterran, wieħed jinnota illi s-suġġeriment tal-Prim Ministru illi l-Kummissjoni Ewropea tinkorpora fil-Kummissjoni l-ġdida tagħha, portafoll ta’ Kummissarju għall-Mediterran ġie aċċettat u attwat.

Malta wkoll għandha kredibilità internazzjonali mifruxa fejn tidħol l-irwol tagħha ta’medjatur u moderatur, grazzi għal politika tagħha ta’ non-alinjament u newtralità. F’din l-aħħar sena, dan issarraf f’fiduċja meta Malta ġiet fdata biċ-Chairmanship tal-OSCE; xhieda illi meta jkollna qbil bejnietna, minkejja ċ-ċokon tagħna, kapaċi nattiraw ir-rispett ta’ popli akbar minna.

Irridu nħarsu ’l quddiem kull wieħed u waħda minna, nitfgħu fuq nett il-kwalitajiet it-tajba, il-bżulija, ir-reżiljenza, is-solidarjetà, u fuq kollox il-galbu. Dawn il-kwalitajiet li l-antenati tagħna kienu jippritkaw fil-familja għadhom validi llum, u għandhom jibqgħu validi għal li ġej jekk irridu nkomplu ngħollu isem Malta.

Il-poplu tagħna m’għandu xejn anqas minn popli oħra. Dan urejnieh u qed nuruh. Irridu nkomplu nissaffew mill-mikrobu tal-kolonjaliżmu li għadu kultant jinħass f’uħud minna.

Nappella biex id-doni li kull wieħed u waħda minna għandna nużawhom sewwa u għas-sewwa. Noqogħdu attenti illi liż-żgħar tagħna ma nikkorrompuhomx bl-eżempju. Bl-eżempju għandna nnisslu fihom sinsla ta’ karattru, li jissarraf f’sens fin ta’ etika, f’sens fin ta’ dak li hu ġust u xieraq.

Hekk jixirqilha Malta, li jkunu, iċ-ċittadini tagħha!

Illum, Malta tirrikonoxxi lil dawk li, bil-kontribut tagħhom, għollew isem pajjiżna. Fl-istess waqt, insellem ukoll lil dawk il-ħafna anonimi li bil-ħidma fejjieda tagħhom, jikkontribwixxu jum wara jum biex pajjiżna jkompli miexi ’l quddiem, u biex lill-ġenerazzjonijiet t’għada ngħaddulhom Malta aħjar milli sibniha.

Skip to content