Sinjura President tal-Parlament Ewropew, Dr Metsola,
Onorevoli Kap tal-Oppożizzjoni,
Dr Lawrence Gonzi,
Onorevoli Membri Parlamentari,
Membri tal-Familja Fenech Adami,
Mistednin Distinti,
Nibda billi nirringrazzja lil min organizza din is-serata talli għoġobkom tistednuni biex mhux biss inkun preżenti, imma anke nagħti l-kontribut tiegħi f’din l-okkażjoni li fiha qiegħed jiġi mniedi l-ktieb ta’ Dione Borg, “Eddie – is-sewwa jirbaħ żgur”.
Nifhem li l-protagonist ta’ din il-lejla, Dott. Fenech Adami, ma setax ikun magħna, imma minn hawn nieħu l-okkażjoni biex insellimlu u nixtieqlu minn qalbi kull ġid u saħħa.
Dan nagħmlu b’rispett lejh personali, u anke b’rispett lejn il-karigi importanti li okkupa f’pajjiżna, matul il-firxa ta’ ħajja pubblika …. dawk ta’ Kap tal-Oppożizzjoni, Prim Ministru, kif ukoll predeċessur tiegħi fil-kariga ta’ President tar-Repubblika.
Irrid ukoll nirringrazzja lil nies bħal Dione Borg, l-awtur ta’ dan il-ktieb, għall-kontribut li awturi bħalu jagħtu lis-soċjetà meta, bi sforz mhux żgħir, jiġbru dan il-materjal kollu li jkun instab imferrex fil-media, u fil-memorja ta’ numru kbir ta’ nies, biex jippreżentawh lill-pubbliku bħala xogħol sħiħ u b’hekk jitkabbar dejjem il-wirt ta’ kotba ta’ referenza li għandna.
Hawn irrid ukoll nifraħ lis-Sur Borg li għażel li dan ix-xogħol iwasslu bl-ilsien Malti.
Li titkellem dwar ex politiku li għadu qawwi u sħiħ fostna, mhux faċli.
Li titkellem dwar ex politiku li meta jien kont attiv fil-politika partiġjana kien fuq in-naħa l-oħra tal-ispettru politiku, huwa aktar diffiċli.
Irrid ngħid bla tlaqliq li matul iż-żmien li qiegħed nirreferi għalih, qatt ma kellna xi skontru bejnietna li kien imur aktar ’il bogħod mid-dijalettika politika u l-argumenti, kultant sħan u mqanqla, li tinvolvi l-politika partiġjana.
Konvint li mhux mistenni minni f’okkażjoni bħal din li nagħmel xi evalwazzjoni ta’ dak li kien jemmen fih Dott. Fenech Adami, jew tal-kisbiet politiċi li rnexxielu jilħaq matul il-karriera politika tiegħu.
Ngħid biss li kont dejjem nara f’Dott. Fenech Adami sens qawwi ta’ direzzjoni politika, u d-dixxiplina li kellu fuq il-partit tiegħu.
Kien mexxej li, taqbel jew ma taqbilx miegħu, ta ħajja ġdida lill-partit tiegħu u wasslu biex jiggverna għal snin twal.
Il-bqija nħallih għall-akkademiċi u l-istudjużi li aktar ma jgħaddi żmien, aktar ikunu f’pożizzjoni aħjar biex jagħmlu l-analiżi storika tagħhom mingħajr preġudizzju u b’mod aktar oġġettiv.
Però xtaqt li nieħu din l-okkażjoni biex magħhom nirrifletti fuq xi aspetti li nħoss li fid-dagħdigħa u s-saħna tal-politika partiġjana, għandna l-ħabta li ninsew, jew ma napprezzawx biżżejjed.
Dan ma jagħmilx ġustizzja xierqa meta qegħdin niddiskutu politiċi bħal Dott. Fenech Adami.
Bħal ħafna professjonisti oħra matul is-snin, Dott. Fenech Adami ma kellux bżonn il-politika biex jaqla’ x’jiekol. Daħal fil-qasam politiku għal raġunijiet oħra.
Jien konvint li bħal ħafna oħra emmen li billi jkun attiv fil-politika seta’ jagħti daqqa t’id biex il-kwalità tal-ħajja f’pajjiżna titjieb.
Bħal ħafna oħra emmen li kellu x’jagħti biex itejjeb lil pajjiżna.
Din kienet deċiżjoni li biha mhux biss rabat lilu nnifsu, imma rabat miegħu wkoll id-destin tal-familja tiegħu li matul is-snin daqet it-tajjeb u l-ħażin tal-ħajja politika.
Dan nifhmu u napprezzah għaliex jien ukoll għamilt għażla bħal din minn rajja …. għażla li mhux l-ewwel darba matul is-snin fil-politika sibt ruħi nieqaf nirrifletti u nistaqsi lili nnifsi jekk dan l-involviment kienx, kif ngħidu, “worth it”.
Jien ċert li kull politiku jgħaddi minn dan, u r-risposta li jagħti lilu nnifsu tiddependi tkunx “iva” jew “le” skont minn xiex ikun għaddej fil-qasam politiku.
Inħossni ftit skomdu nagħmel din il-mistoqsija li se nagħmel, ġaladarba anke jien kont attiv fil-politika. Il-mistoqsija li rrid nagħmel hija din: Qegħdin nuru apprezzament biżżejjed lil dawk kollha li ddeċidew jagħtu sehemhom fil-politika matul iż-żmien?
Kapaċi ngħollu għajnejna ’l fuq mill-politika partiġjana, u nagħtu r-rikonoxximent mistħoqq lill-politiku bħala ċittadin li wera sens ċiviku u ħadem għall-ġid tal-pajjiż?
Kapaċi ngħidu grazzi lil dawn in-nies li taw sehemhom biex bit-tajjeb u l-ħażin, min bi ftit, u min b’ħafna aktar, ħadem bl-aktar intenzjonijiet retti biex pajjiżna twassal fil-livell ta’ żvilupp li qiegħed illum …. il-livell tal-għajxien, is-servizzi soċjali, l-edukazzjoni, l-iżviluppi kostituzzjonali, u tant affarijiet oħra?
Dawn ma sarux waħedhom.
Naf li jkun hemm li kemm minn taħt l-ilsien, kif ukoll bl-għajjat speċjalment tal-media moderni, jgħid li l-politiċi qegħdin hemm għal buthom, u għall-interessi tagħhom.
Faċli wieħed jaqbad pinzell wiesa’ u jċallas u jċappas bl-addoċċ.
Xi tuffieħa ħażina jew tnejn minn dejjem kien hemm fil-kannestru. B’hekk ma nistgħux ngħidu li t-tuffieħ kollu ħażin.
Hawn irridu nirriaffermaw li f’sistemi moderni demokratiċi għandu jkun hemm kull xorta ta’ kontrolli li jaraw li ma jiġux imxellfa jew imħassra l-integrità u l-indafa ta’ kull min jokkupa pożizzjonijiet pubbliċi, inkluż il-politiċi.
Dawn il-kontrolli jridu jkunu effettivi u tajbin biżżejjed, li mhux biss jaqbdu lil min jabbuża, imma addirittura jsiru ta’ deterrent għal min ikollu f’rasu jidħol fil-politika b’għanijiet mhux korretti.
Personalment (u ninsab ċert li qiegħed nesprimi s-sentiment ta’ ħafna bħali) inweġġa’ meta jkun hemm min ikollu l-interess jitfa’ dubji fuq l-integrità ta’ kulħadd. Kulħadd jiġi miżbugħ iswed, jintefgħu dubji bl-addoċċ li jitfgħu dellijiet u suspetti fuq kulħadd. Isiru insinwazzjonijiet li diffiċli wieħed jeħles minnhom.
Sfortunatament dan huwa wieħed mill-aspetti koroh fit-tħaddin tal-politika partiġjana. Dan huwa wieħed mill-affarijiet li jgerrex nies li huma kapaċi u li għandhom intenzjonijiet retti, milli jiddeċiedu li jagħtu sehemhom fil-politika.
Pajjiż żgħir bħal tagħna jagħmel l-affarijiet aktar diffiċli għall-familji tal-politiċi tagħna. Irridu jew ma rridux, il-membri tal-familji tagħna jkunu “ittimbrati”.
Minkejja dan kollu, xorta f’pajjiżna għadna ma nedukawx biżżejjed dwar il-politika fl-iskejjel tagħna …. mhux dwar id-dijalettika politika, imma dwar l-arti u x-xjenza li hija l-politika li ngħixuha kuljum.
Il-politika bħala servizz għall-komunità.
Il-politika bħala għodda biex ikollna soċjetà aktar kuntenta, u aktar komda.
Il-politika bħala professjoni nobbli, u rispettata.
Naqblu jew ma naqblux dwar teoriji politiċi, dwar sistemi amministrattivi adottati u dwar miżuri użati, naqblu żgur ilkoll li l-politiċi għandna bżonnhom, u għandhom rwol importanti ħafna biex pajjiż jimxi ’l quddiem meta, b’dixxerniment serju kkontrollat minn sistemi demokratiċi, jittieħdu deċiżjonijiet li bihom il-pajjiż jimxi ’l quddiem.
Din hija d-demokrazija.
Id-demokrazija ma timxix mingħajr politiċi.
F’dan l-isfond, huwa sabiħ li niżviluppaw sens nazzjonali ġenwin li għandu jwassalna biex b’mod sinċier nagħtu ħajr lil kull min matul is-snin, u b’mod ġenwin, ta sehmu b’sagrifiċċji kbar personali, u dawk tal-familja u l-qraba tiegħu, għaliex kellu sens kbir ċiviku u ried jagħti kontribut lis-soċjetà.
Sfortunatament inħoss li għadna ’l bogħod milli bl-aktar mod ekwu nagħtu valur biżżejjed għall-kontribut li jkunu taw persuni tal-kalibru ta’ Dott. Fenech Adami, u mexxejja oħra ta’ pajjiżna, fil-ħidma politika tagħhom għal snin twal.
Dan minħabba l-fatt li nibqgħu narawhom wisq fil-libsa partiġjana tagħhom, u mhux kif jixirqilhom fuq livell nazzjonali li fuqu jkunu ħadmu biex pajjiżna jimxi ’l quddiem.
B’dawn il-ħsibijiet nixtieq insellem lil Dott. Fenech Adami, nirringrazzjah għas-snin twal ta’ ħidma fil-qasam politiku Malti, u minn qalbi nawguralu aktar snin ta’ saħħa, hena u trankwillità.
Grazzi.