The President of Malta

Search
Close this search box.

Diskors mill-Eċċellenza Tiegħu George Vella għall-konferenza ‘L-ilsien Malti għal qalbi – Konferenza dwar l-użu ta’ lsienna fostna’. 26 ta’ April 2023

Onorevoli Ministri,

Membri Parlamentari,

Mistiedna,

L-ewwel nett nixtieq nirringrazzjakom li qegħdin hawnhekk dalgħodu għaliex għal darb’oħra qegħdin turu illi s-sejħa tal-Uffiċċju tal-President biex niffukaw iktar fuq il-lingwa tagħna, qed tasal. U jiena bla ma ntawwal irrid ovvjament norbot ma’ dan kollu li qalu l-kelliema ta’ qabli, kollu leġittimu u validissimu, però xtaqt illi nirriflettu għaliex qegħdin hawn dalgħodu.

Meta fil-bidu bdejt nitkellem fuq il-bżonn li nibżgħu għall-Malti bħala lsienna, ma kontx waħdi. Imma kont diġà allarmat bil-fatt li bil-mewġa tal-hekk imsejjaħ żvilupp, u bil-mewġa tat-turiżmu fostna u bl-ammont enormi ta’ żgħażagħ Maltin li jmorru barra u jiġu, u l-midja li kienet tinfluwenzana b’dan il-mod qawwi, kont ġa qed inħoss li hemm bżonn li lsienna jissaħħaħ biex jipproteġi lilu nnifsu kontra dak li jkun ħa jheddu.

Din ma kinitx xi għajta biex inqajmu lingwa mejta jew lingwa li kienet spiċċat. Il-lingwa tagħna kienet għadha għaddejja, il-lingwa tagħna konna qegħdin nużawha, tużaha kuljum ma’ sħabek, però konna qegħdin ninnutaw li qed titniġġes u qed titbiddel bla kontroll.

U l-ħsieb tiegħi kien illi filwaqt illi ma noġġezzjonawx illi l-lingwa tkompli tiżviluppa kif jagħmlu l-lingwi kollha matul iż-żmien, imma kien hemm il-bżonn illi wieħed jibda, kif ngħidu bil-Malti, iżomm il-brejkijiet ħalli ma jħallix isir dak li mhux suppost isir. U allura hemmhekk kien hemm il-bżonn illi wieħed idaħħal anki lill-akkademiċi, idaħħal lin-nies li jifhmu fil-lingwistika u anki nies illi, barra li huma l-practitioners, anki jkunu wkoll kapaċi illi jmexxu.

Li ġara huwa illi, u b’sodisfazzjon ngħidu dan, dan l-appell intlaqa’, sibt l-opportunità u sibt l-okkażjoni ta’ parteċipazzjoni u għajnuna minn ħafna organizzazzjonijiet u dan huwa anki x-xhieda llum il-ġurnata meta qegħdin naraw kemm għandna min qiegħed jaħdem magħna fuq dan il-proġett. Imma llum il-ġurnata issa, bħalma semma anki l-Ministru Grima, wara li aħna anki varajna kotba diġitali għat-tfal, qegħdin nagħmlu kampanja, nitkellmu.

Jien naħseb illi l-iskop kollu tal-lum, u l-messaġġ tiegħi huwa qasir ħafna, li rridu nagħmlu llum huwa rridu naraw where do we go from here?, kif ngħidu. Fejn ħa mmorru minn hawn?

Aħna t-titlu ta’ hawnhekk huwa ‘l-ilsien Malti għal qalbi’. Anki jekk nirriflettu fuqu, aħna nafu li jekk ikollok xi ħaġa għal qalbek, tibża’ għaliha, tgħożżha, tużaha meta jkun hemm bżonn u fl-istess ħin tipproteġiha. Però min-naħa l-oħra jien ma nemminx u lanqas naħseb li għandna nagħmlu dak li ħafna jagħmlu meta jkollhom oġġett prezzjuż: ipoġġuh ġo vetrina biex igawduh huma, iħarsu lejh u dan isir biċċa tal-mużew.

Il-Malti ma jistax isir biċċa tal-mużew. Ma tistax lingwa ssir lingwa mejta. Irid jibqa’ jevolvi u jrid ikompli jikber. U allura rridu nagħmlu minn kollox biex ngħożżuh. Issa meta qed ngħożżuh, smajna diġà kliem ta’ mħabba lejn il-lingwa, kliem li juri ċar li aħna nħobbu l-lingwa. Inħobbuha.

Però nħobbuha biżżejjed? Jiena naħseb illi ma jkunx biżżejjed jekk aħna ma nagħmlux dak kollu li hu possibbli mbagħad biex nipproteġu l-lingwa.

U nipproteġuha minn xiex? Nipproteġuha milli tiġi mwarrba biex tidħol lingwa oħra, nipproteġuha milli tiġi użata ħażin u nipproteġuha milli tispiċċa mfarrka li ma tibqax il-lingwa sabiħa illi għandna. U dan isir ħafna drabi billi nużawha għax għalhekk għidt mhux oġġett ta’ vetrina imma oġġett li tużah.

U meta tużah oġġett tkun anke qed tagħtih il-ħajja għaliex ikun qiegħed iwassal l-użu tiegħu. Għandek oġġett u tużah, qed tużah u qed tieħu minnu r-riżultat tal-użu tiegħu.

Kif issemma diġà, qegħdin anki llum naraw illi ħafna barranin li qegħdin fostna huma stess qegħdin japprezzaw is-sbuħija u l-karatteristiċi tal-lingwa tagħna u qegħdin imorru huma biex jibdew jistudjawh u jibdew jużawh.

Però, u hawn il-punt, aħna fil-bidu bdejna li noħolqu kuxjenza, u jiena nħoss li l-kuxjenza nħolqot speċjalment fejn hemm bżonn.

Għaddejna mill-fażi wkoll tal-promozzjoni, illi nippruvaw nippromwovu dan il-kunċett ħalli kemm jista’ jkun ikollna iktar u iktar min jingħaqad magħna ħalli jkun konxju ta’ x’qegħdin nagħmlu, x’qegħdin insalvaw u għaliex qegħdin nagħmluh. Però issa llum, kif qed nara jien illum, u għalhekk għandna udjenza, biex ngħid hekk, speċifika mistiedna, illum irridu mmorru għall-fażi tat-twettiq, jiġifieri rridu mill-kliem issa ngħaddu għall-fatti.

U l-fatti juru ruħhom meta inti qiegħed twettaq l-oġġett u għalhekk hawnhekk għandna nies illi huma responsabbli fiċ-ċivil, nies illi huma responsabbli mit-twettiq tal-lingwa, uffiċjali tal-komunikazzjoni mill-Ministeri, għandna Segretarji Permanenti, għandna Diretturi, Assistenti Diretturi, Uffiċjali taċ-Ċivil.

U għaliex bdejna minnkom? Bdejna minnkom għaliex nemmnu illi l-kuntatt uffiċjali tal-Gvern u taċ-Ċivil mal-poplu jilgħab rwol importanti ħafna meta qegħdin nikkomunikaw u qegħdin nużaw il-lingwa.

Hawnhekk irridu nagħmluha ċara u ma rridux noqogħdu ngħaddu ż-żmien nirrepetuha, ħadd mhu qiegħed jgħid li għandna nwarrbu l-bilingwiżmu, li tkun dagħwa oxxena. Il-bilingwiżmu huwa wieħed mis-saħħiet kbar li għandna illi nistgħu aħna nikkomunikaw b’żewġ lingwi u nikkomunikaw bihom b’mod tajjeb għaliex, kif intqal diġà, il-Malti fih innifsu, għalkemm sabiħ, għalkemm hu ġojjell, għalkemm ngħożżuh, ma nistgħux immorru fil-fora internazzjonali bih u nitkellmu bih. Kif qal tajjeb Owen, wieħed jisimgħek għall-gost li jisma’ xi ħaġa li mhix tas-soltu, però ma twassalx il-messaġġ, ma titkellimx bih, ma toħloqx id-diskussjoni bil-lingwa tiegħek u allura hemmhekk għandna l-Ingliż.

Jiġifieri bla ma naħlu żmien fuq l-argument, ħadd mhu qed jgħid illi aħna għandna nwarrbu l-bilingwiżmu. Il-bilingwiżmu huwa xi ħaġa li ngħożżu, xi ħaġa li hi tajba u li rridu nkomplu nimplimentawha. Però, kif dejjem ngħidu, ejja nużaw iż-żewġ lingwi differenti fil-ħin opportun u anki b’mod korrett, kemm il-Malti u kemm l-Ingliż.

Tgħallmuni intom illi sfortunatament ħafna drabi qegħdin nisimgħu kawlata ta’ Malti u Ingliż li jiġi mitkellem u mdaħħal f’moħħ it-tfal tagħna minn nies li m’għandhomx sfortunatament il-kwalifiki li jitkellmu pereżempju b’Ingliż tajjeb u allura lit-tfal idaħħlulhom ġo rashom frażijiet u idjomi u kliem illi assolutament ma jkunux.

Jiġifieri meta dan huwa żgur li qegħdin niftiehmu fuqu u naqblu fuqu, jiena qed nappella lil kull min qiegħed fl-amministrazzjoni biex nużaw il-Malti u nużawh tajjeb. Pereżempju nibdew mill-fatt illi min jiktbilna bil-Malti, nirrisponduh bil-Malti. U jekk ħa jkun hemm aħbarijiet jew inkella xi komunikazzjoni min-naħa tal-Gvern, bħalma nafu din tkun qiegħda b’żewġ lingwi, però l-Malti rridu naraw illi jkun tajjeb.

Jiena wieħed mill-ikbar uġigħ ta’ rasijiet tiegħi mhux tant x’joħroġ miċ-ċivil imma anki l-midja tagħna. U l-midja, hawnhekk hawn il-Ministru, irridu b’xi mod nikkontrollaw dak kollu li jingħad. Forsi dak li hu miktub u preparat, bħall-aħbarijiet, ikun hemm min jiċċekkja qabel jiġu moqrija. Però t-tkissir tal-lingwa li qegħdin nisimgħu fuq il-midja tagħna hija xi ħaġa kbira u tinkwetani ħafna.

F’din il-konferenza, bħalma tafu, se niddiskutu l-implimentazzjoni, kif semmejt, għax irridu mmorru mid-diskors għall-fatti. U nieħu gost nara li t-topics li ġew magħżula huma importanti ħafna. Għandek pereżempju l-psikoloġija tal-komunikazzjoni. Wara kollox l-ilsien għalfejn qiegħed? Il-lingwa għalfejn qiegħda? Biex tikkomunika mal-bniedem. U jekk inti m’għandekx tifhem xi trid twassal u xi trid tfiehmu u kif trid tinfluwenzah b’dak li qed tgħid, hemmhekk ovvjament għandek problema. U tidħol imbagħad il-lingwa, l-aċċessibilità u l-inklużjoni. Malti fl-amministrazzjoni pubblika qed nitkellem fuqu jiġifieri u nemmen ukoll illi l-iktar ħaġa importanti li hawn illum li qed tiżviluppa minn mument għall-ieħor, kelli esperjenza żgħira meta konna l-Latvja riċentement, hija l-użu tat-teknoloġija u tal-intelliġenza artifiċjali fil-lingwi.

Rajna esperiment kif qegħdin jiżviluppaw programmi li jħarsu l-lingwi ż-żgħar bħall-Islandic, l-Irish, il-Lithuanian, l-Estonian u l-Malti fejn hemm programmi ta’ traduzzjoni li jġibulek għajnejk wara widnejk. Li inti tara xi ħadd jikteb bil-Litwan, li għalina wkoll hija xi ħaġa li totalment lanqas tifhem kelma waħda minnu, tagħfas il-buttuna u joħroġlok Malti perfett bit-tikek, bis-sing, bil-għajn u kollox qiegħed postu. Jiġifieri hemm teknoloġija avvanzata ħafna illi wkoll irridu nżommu au courant magħha din ħalli aħna nkunu nistgħu nużaw din it-teknoloġija fil-promozzjoni tal-lingwa tagħna. Jiġifieri fit-twettiq tad-doveri ċivili tagħna u fl-amministrazzjoni ċivili anki nkunu nistgħu nibdew nużaw mhux biss il-Malti bħala Malti imma anki nagħmlu użu mit-teknoloġija li għandna.

Ovvjament imbagħad, bħalma ssemma diġà, għandna ħaddiema illi għandhom xogħolhom marbut mal-lingwa. Lil dawn kollha ovvjament irridu ngħinuhom ħalli jkollhom aċċess għal dak li hu available, però fl-istess ħin irridu wkoll imbagħad naraw illi jkun hemm taħriġ ta’ dawn in-nies illi jżommu ruħhom maż-żminijiet u dejjem joħorġu bl-aħjar prodotti u l-aħjar riżultati tal-iżvilupp tal-lingwa. Jiġifieri qegħdin nagħmluha ċara illi l-iskop tagħna hawnhekk aħna huwa li nwettqu l-lingwa però ma nxekkluha bl-ebda mod milli tkompli tiżviluppa, kemm f’dik li hija inklużjoni ta’ kliem ġdid, kemm f’dik li hija l-mod kif tintuża u anke kif wieħed jista’ jħaddimha.

Nirringrazzjakom.

Skip to content