The President of Malta

Search
Close this search box.

Diskors mill-Eċċellenza Tiegħu George Vella, President ta’ Malta fil-Jum Dinji tad-Donaturi tad-Demm nhar l-14 ta’ Ġunju

Żjara Ċentru Għoti tad-Demm

Għeżież Maltin u Għawdxin,
Ta’ kull sena, fl-14 ta’ Ġunju ningħaqdu flimkien sabiex infakkru l-Jum Dinji
tad-Donaturi tad-Demm.
L-għan ewlieni ta’ dan il-jum huwa li titqajjem iktar kuxjenza dwar il-ħtieġa ta’
demm u prodotti maħruġa minnu, għat-trasfużjonijiet siguri. Għan ieħor hu li tiġi
rikonoxxuta l-kontribuzzjoni essenzjali li jagħtu lis-sistema tas-saħħa nazzjonali
dawk kollha li jagħtu d-demm b’mod volontarju u bla ħlas.
Huwa għalhekk li f’dawn l-aħħar erbatax-il ġurnata nxtgħelu binjiet prominenti,
fosthom il-Palazzi tal-Presidenza, bil-kulur aħmar sabiex nirringrazzjaw lil dawk
kollha f’pajjiżna li f’din l-aħħar sena għoġobhom joffru d-demm tagħhom lil
dawk fil-bżonn.
2
Tajjeb infakkru li minkejja li konna, u għadna għaddejjin minn pandemija li
ħakmet lid-dinja kollha, il-bżonn ta’ demm u l-prodotti tiegħu ma waqafx.
Naf li l-virus tal-COVID-19 ġab miegħu sens ta’ biża’ hekk kif l-imxija tiegħu
seħħet b’rata aktar mgħaġġla minħabba l-varjanti l-ġodda li tfaċċaw anke
f’pajjiżna.
Din is-sena rridu nirrikonoxxu aktar minn qatt qabel lil dawk l-eluf ta’ donaturi
li, minkejja dan ix-xenarju ta’ taqlib u biża’, ma naqsux li jersqu lejn iċ-ċentri talgħoti tad-demm f’Malta u f’Għawdex.
Hawn, nieħu l-okkażjoni biex nifraħ lil iktar minn elf ruħ li tul l-aħħar sena taw
id-demm għall-ewwel darba.
Il-ġest nobbli tagħkom għen il-kura f’waqtha lil ħafna minn ħutna li nstabu
f’qagħda kritika ta’ saħħa, u lil dawk li jkollhom il-bżonn kontinwu tattrasfużjonijiet tad-demm.
3
Grazzi lilkom id-donaturi kollha li għaraftu l-ġid li jsir mill-ġest tagħkom u tależempju t’altruwiżmu li qed tagħtu lil ħaddieħor.
Din is-sena, it-tema magħżula mill-Għaqda Dinjija tas-Saħħa għal din il-ġurnata
hija ‘Agħti d-demm u żomm il-qalb tad-dinja tħabbat’.
Tema f’waqtha ħafna, hekk kif rajna li minkejja l-iżvantaġġi u t-taqlib, il-ħajja
xorta trid tibqa’ għaddejja.
L-appell tiegħi jmur għal dawk kollha, speċjalment iż-żgħażagħ, li huma mħajra,
u forsi qatt ma sabu l-ħin jew il-kuraġġ biex jagħmlu il-pass li jmorru biex jagħtu
d-demm.
Ħajru lil xulxin, fiċ-ċrieki soċjali li tagħmlu parti minnhom, imqar darba kull
wieħed. Tinsewx li intom tistgħu tagħtu r-rigal tal-ħajja, u toffru tama fejn ma
hemmx.
4
F’pajjiżna, s’issa, dejjem kellna konkorrenza tajba. Dan juri l-qalb kbira talpoplu tagħna li f’każijiet ta’ saħħa u mard dejjem issibu lest li jgħin fejn hemm
bżonn.
Ejja mela nibqgħu nieħdu ħsieb xulxin. Tafu kemm għandi għal qalbi l-għaqda
fil-gżejjer tagħna fuq kull livell. Żgur li fejn tidħol is-saħħa, l-għaqda u ssolidarjetà huma bżonnjużi.
L-għoti tad-demm huwa xiehda ta’ solidarjetà fuq livell nazzjonali li
jiddistingwina minn pajjiżi oħra.
Fil-ġurnata ddedikata lid-donaturi tad-demm ma nistax ma nsemmix ukoll ħajr
lill-ħaddiema tas-Servizz Nazzjonali tat-Trasfużjoni tad-Demm, għax-xogħol
imprezzabbli li jagħmlu ta’ kuljum.
Din l-aħħar sena ma kienet faċli xejn għal ħadd, inkluż għalihom. Bħallkumplament ta’ sħabhom il-frontliners, dawn il-ħaddiema offrew is-servizz
tagħhom sabiex parti mill-popolazzjoni titlaqqam kontra l-COVID-19 fiċ-Ċentru
f’Gwardamanġa.
5
Sa’ mill-15 ta’ Marzu, bi sforz addizzjonali, dawn l-infermieri u ħaddiema oħra
anċillari fil-qasam, marru lil hinn minn kull aspettativa u taw ’l fuq minn 400
tilqima kull filgħodu, filwaqt li raw li x-xogħol relatat mat-trasfużjoni tad-demm
ikompli għaddej mingħajr xkiel.
Dan seta’ jseħħ biss b’dedikazzjoni sħiħa lejn is-saħħa tal-poplu tagħna.
F’isem il-Maltin u l-Għawdxin kollha, nirringrazzjakom tal-ħidma sfiqa
tagħkom.
Nemmen li bħala poplu wieħed u magħqud, aħna kapaċi nkunu ta’ wens u ta’
servizz għal dawk kollha li qegħdin, jew li se jiġu, fil-bżonn.
Kunu ġenerużi u agħtu d-demm.
Grazzi.

Skip to content