The President of Malta

Diskors mill-Eċċellenza Tiegħu George Vella, President ta’ Malta, fl-okkażjoni tal-Ġurament tal-Ħatra ta’ Maġistrati ġodda 10 ta’ Jannar 2024

On. Prim Ministru,

On. Prim Imħallef,

On. Ministru,

Avukat tal-Istat,

Mistednin Distinti,

L-ewwel nett, insellmilkom u nilqagħkom bi pjaċir għal din l-ewwel okkażjoni fis-Sena l-Ġdida li fiha qegħdin jinħatru ħames membri tal-ġudikatura.

Nilqa’ b’mod speċjali lilkom, Sinjuri Maġistrati, u nifirħilkom għal din il-ħatra importanti tagħkom, kemm għalikom u, kif ilkoll għedtu, anki għas-soċjetà tagħna.

Ngħid dan, għax bħal okkażjonijiet oħra ta’ qabel din, illum qed tieħdu pass ieħor ’il quddiem biex tkompli tissaħħaħ is-saltna tad-dritt f’pajjiżna.

Ippermettuli, bħalkom, insellem lill-qraba tagħkom li qegħdin jaqsmu l-ferħ u s-sodisfazzjon ta’ din il-ġurnata magħkom, frott l-appoġġ li dejjem tawkom fit-trobbija u l-edukazzjoni tagħkom.

M’għandix dubju li fihom sibtu appoġġ kbir matul is-snin bħala studenti fil-ħajja akkademika u aktar tard fil-ħajja professjonali tagħkom.

Xieraq li llum ikunu hawn preżenti biex flimkien tgawdu dan l-istadju daqstant prestiġjuż fil-karriera legali tagħkom.

Żgur li nkun qed nitkellem għan-nom ta’ dawn kollha preżenti meta ngħid li aħna wkoll, l-awtoritajiet tal-Istat, nilqgħu b’sodisfazzjon okkażjoni sabiħa bħal din.

Bil-ħidma tagħkom, Sinjuri Maġistrati, ser ikunu qed jissaħħu b’mod tanġibbli r-riżorsi fil-Qrati ta’ Malta u fuq kollox ser ikomplu jissudaw il-kredenzjali ta’ pajjiżna fil-qasam fundamentali tal-governanza tajba.

B’din iċ-ċerimonja qegħdin ukoll insaħħu l-pedamenti tal-Kostituzzjoni ta’ Malta, li hija l-ogħla garanzija ta’ ġustizzja għal kull wieħed u waħda miċ-ċittadini u dawk kollha li joqogħdu f’pajjiżna.

Mil-lum ’il quddiem, pajjiżna ser ikun qed ipoġġi fuq spallejkom responsabbiltajiet akbar minn dawk li ġarrejtu s’issa fil-professjoni tagħkom.

Ser tkun qed tintalab minnkom ħidma iebsa u delikata biex tkunu ta’ ħarsien u garanzija tad-drittijiet u l-libertajiet tal-individwi, bla ebda eċċezzjoni.

U din, bħalma għedtu diġà intom, mhix responsabbiltà żgħira.

Hawnhekk nixtieq nisħaq fuq punt importanti li jorbot il-ġustizzja mal-ugwaljanza fis-soċjetà.

Ugwaljanza bejn il-ġeneri.

Ugwaljanza għal min hu żvantaġġat jew f’qagħda ta’ vulnerabbilità.

Ugwaljanza għal min hu barrani fostna.

Ugwaljanza bla diskriminazzjoni tfisser li m’għandu jkun hemm l-ebda twemmin, razza, kulur, wiċċ jew preferenza, li jista’ jinfluwenza deċiżjonijiet jew sentenzi tagħkom.

L-aċċess u t-tħaddim sħiħ għall-ġustizzja għandhom japplikaw għal kulħadd u dan għandu jsir bla ebda ndħil u bla ebda preġudizzju.

Nitlobkom iżżommu f’moħħkom ukoll li kull min ifittex il-ħaqq, jistenna dan mingħajr dewmien żejjed. Dan tagħkom huwa servizz lill-komunità li minbarra li tistenna l-ħaqq, tistenna li tiġi moqdija mill-aktar fis possibbli jew, għall-anqas, fi żmien raġonevoli.

Kif għamilt ma’ min ġie maħtur qabilkom, inħeġġiġkom biex l-imġiba tagħkom tkun dejjem eżempju ta’ korrettezza u integrità. Dawn il-valuri għandhom imexxu l-għemil tagħkom kemm ġewwa l-Qrati, kif ukoll bħala membri tal-komunità fil-ħajja privata tagħkom.

Qabel nagħlaq irrid nieħu din l-okkażjoni biex inrodd ħajr lill-Membri tal-Kumitat dwar il-Ħatriet tal-Ġudikatura għall-ħidma li jwettqu bir-reqqa u b’attenzjoni kbira biex jirrakkomandawli l-ismijiet ta’ min jinħatar fuq il-bank tal-ġudikatura.

Nifirħilkom, Sinjuri Maġistrati, u nixtiqilkom is-Sena t-Tajba u kull suċċess fil-ħidma tagħkom.

Skip to content