The President of Malta

Diskors mill-Eċċellenza Tiegħu George Vella President ta’ Malta fl okkażjoni tas-serata Premju Soċjetà Ġusta, Corinthia Hotel, Bajja ta’ San Ġorġ, San Ġiljan, 9 ta’ Diċembru 2022

Onorevoli Julia Farrugia Portelli, Ministru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat u d-Drittijiet tal-Konsumatur

Sur Oliver Scicluna, Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija Sapport,

Sinjura Samantha Pace Gasan, Kummissarju għad-drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità,

Mistednin Distinti,

Nirringrazzjakom ta’ din l-istedina.  Huwa ta’ pjaċir għalija u għal marti Miriam li qegħdin hawn flimkien magħkom niċċelebraw id-diversità propju fi tmiem il-ġimgħa ddedikata lill-persuni b’diżabilità. 

It-tema tan-Nazzjonijiet Magħquda għal din is-sena kienet ‘soluzzjonijiet trasformattivi għal żvilupp inklussiv’.  Il-Komunità Internazzjonali saħqet ukoll dwar l-importanza li nisħqu fuq r-rwol tal-innovazzjoni biex niżguraw aktar aċċessibilità u ekwità.

Nemmen li bl-adozzjoni ta’ oqfsa leġiżlattivi li jippromwovu l-ekwità fl-opportunitajiet soċjali, edukattivi, u fil-qasam tal-impjiegi, għandna ċ-ċans li nippromwovu soċjetà aktar ġusta għal kulħadd.

Dawn l-għodda insibuhom fuq kull livell.  Kemm nazzjonali fl-Istrateġija Nazzjonali għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilita, fuq livell Ewropew fid-dokument Unjoni tal-Ugwaljanza, kif ukoll dak internazzjonali fl-Istrateġija tan-Nazzjonijiet Magħquda għall-Inklużjoni tad-Diżabilità.  Ma ninsewx ukoll l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli b’mod partikolari in-numru 8 dwar xogħol deċenti u tkabbir ekonomiku u n-numru 10 dwar it-tnaqqis tal-inugwaljanzi. 

Napprezza ħafna li pajjiżna qed jimxi b’mod effettiv fuq dawn l-istrateġiji.  Dawn huma intiżi biex jiġi rriformat is-settur tad-diżabilità b’tali mod li jkun ta’ benefiċċju kemm għall-persuni affettwati kif ukoll għall-familji tagħhom.  Inrodd ħajr hawnhekk lill-Kummissjoni għad-drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità u lill- Aġenzija Sapport tal-ħidma sfiqa tagħhom. 

Filwaqt li tajjeb li jkollna qafas sod u miri ċari ta’ fejn nixtiequ naslu mill-lat leġislattiv, tajjeb li nżommu f’moħħna li f’pajjiż demokratiku kull qasam jaħdem f’katina.  Kollha niddependu fuq xulxin għat-twettiq tal-istrateġiji fil-ħajja ta’ kuljum.  Kull qasam qiegħed jagħti l-kontribuzzjoni tiegħu.  L-iskejjel, il-postijiet tax-xogħol, il-faċilitajiet sportivi, postijiet ta’divertiment u rikreazzjoni u postijiet ta’ qima. 

Insellem, għalhekk, lil dawk kollha li jaħdmu għal inklużjoni fl-aktar sens wiesgħa, għall-poplu tagħna.  Hawn ma nistax ninsa, hekk kif tixhed is-serata tal-lum, is-sehem kbir u validu li jagħti l-qasam tal-volontarjat.  Fil-qasam tad-diżabilità b’mod partikolari, is-settur tal-volontarjat jaħdem id f’id kemm mal-persuni b’diżabilità, mal-familjari tagħhom kif ukoll mal-entitajiet pubbliċi sabiex id-diżabilità ma tibqax xkiel.

Nirringrazzja lilkom kollha li f’dawn il-persuni taraw l-abbiltajiet. 

Kull persuna ċkejkna jew anzjana, b’diżabilità li tidher jew moħbija, għandha d-dritt ta’ ħajja dinjituża u bl-iktar mod indipendenti possibbli.  Ħadd ma hu għar-rimi f’pajjiżna.  Kulħadd għandu kontribut x’jagħti. Nappella lill-poplu tagħna kollu li jżomm dan f’moħħu u f’qalbu kull meta jkollu x’jaqsam ma’ persuni b’diżabilità. 

Il-Premju Soċjetà Ġusta huwa propju dan. 

Ċelebrazzjoni tal-ħidma kbira, impenn u dedikazzjoni li qed twettqu fis-settur tad-diżabilità.  Intom kollha, nominati u rebbieħa qed isservu ta’ mudell ta’ eċċellenza għas-setturi li tirrapreżentaw. 

Irrid niżżik ħajr lill-Ministeru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat u d-Drittijiet tal-Konsumatur li għal sena oħra għarfu l-importanza li jingħata apprezzament lil dawk kollha li b’xi mod jew ieħor jagħtu sehemhom f’dan il-qasam.

Inħeġġiġkom tkomplu b’din il-vokazzjoni li tkunu ta’ servizz għal dawn in-nies sabiex tassew iħossuhom parti integrali mis-soċjetà tagħna.

Grazzi.

Skip to content