Fondazzjoni Oasi, Rabat, Għawdex
Onorevoli Clint Camilleri, Ministru għal Għawdex
L-Eċċellenza Tiegħu Monsinjur Anton Teuma
Onorevoli Claudette Buttiġieġ, Deputat Speaker u Kelliem għall-Politika Soċjali u l-Familja
Dun Manwel Cordina, Fundatur u Chairperson tal-Board tad-Diretturi tal-Fondazzjoni Oasi
Sur Noel Xerri, Chief Executive tal-Fondazzjoni Oasi
Membri tal-Bord,
Residenti, Ħaddiema u Voluntiera
Ħadt gost nisma’ lill-kelliema ta’ qabli dwar aspetti varji ta’ dipendenzi differenti li Fondazzjoni bħall-Oasi tħabbat wiċċha magħhom ta’ kuljum.
Mahatma Gandhi kien qal ‘the best way to find yourself is to lose yourself in the service of others’. L-okkażjoni tal-lum hija ċelebrazzjoni ta’ tletin sena ta’ tama li l-Fondazzjoni Oasi tat lil dawk kollha li ġew bżonn is-servizzi tagħha.
Irrid mill-ġdid nuri l-apprezzament tiegħi, għan-nom tal-Poplu kollu, lil Dun Manwel Cordina, li minn żmien bikri, ra l-ħtieġa li f’pajjiżna tiġi indirizzata l-problema tal-abbuż tad-droga u alkoħol żejjed. Bil-ħidma tiegħu twaqqfet il-Fondazzjoni Oasi.
Ir-rikononixxment li ngħata llum huwa mistħoqq, mhux biss għax kien minn tal-ewwel li beda jaħdem f’dan il-qasam, imma wkoll għax iddedika ħajtu għall-Fondazzjoni u għal dawk kollha li sena wara l-oħra kellhom bżonn l-għajnuna tagħha.
Il-Fondazzjoni kienet ukoll minn tal-ewwel li għarfet tindirizza l-fatt li vizzju mhux biss dak tad-droga jew l-alkoħol, iżda hemm ukoll oħrajn. Kienet ukoll pijunier fit-trattament mhux biss tal-klijenti tagħha, iżda wkoll tal-familjari tagħhom.
Bil-ħidma tagħha, l-Oasi pprovdiet għodda lill-mijiet ta’ nies sabiex jibnu ħajjithom mill-ġdid. Tat tama għax għarfet li l-vizzju ma jiġix mix-xejn, u f’ħafna ċirkostanzi, ikun akkumpanjat minn dipressjoni, ansjetà jew kundizzjonijiet oħra.
L-edukazzjoni, għaldaqstant, hija bażi fundamentali sabiex dak li jkun jintebaħ li f’ċirkostanzi diffiċli f’ħajtu, hemm mezzi u servizzi li jistgħu jgħinuh. Il-vizzju ma huwa qatt is-soluzzjoni. Anzi, jiggrava s-sitwazzjoni mhux biss tal-individwu, iżda wkoll tal-familjari, ħbieb u oħrajn qrib tiegħu.
Hawnhekk inħoss li jkun ġust ngħidu li ħafna kienu dawk li ħasbu li se jsibu soluzzjoni fix-xorb u fit-tipjip żejjed. Illum nafu l-ħsara kbira li jagħmlu dawn iż-żewġ sustanzi li qabel konna nħarsu lejhom bħala sustanzi “rikreattivi”.
Sfortunatament anke l-lum qegħdin nisimgħu dwar l-użu “rikreattiv” ta’ ċertu sustanzi. Nafu li dawn is-sustanzi jaghmlu ħsara fiżika lil min jeħodhom. Dawn huwa ppruvat. Tajjeb li nitkellmu fuq harm reduction imma jien inħoss li għandna nagħmlu minn kollox biex niskoraġġixxu l-użu tagħhom.
Naf li l-Oasi taħdem ħafna fuq primary intervention fejn tqajjem kuxjenza dwar il-vizzji, kif ukoll tagħti pariri dwar coping skills. Ma jistax ikollna soċjetà b’saħħitha, jekk din ma tkunx taf kif tiffaċċja sitwazzjoni ta’ biża’, dwejjaq u emozzjonijiet negattivi oħra.
Il-Covid-19 kienet eżempju ta’ dan.
Fil-ħajja mgħaġġla li ngħixu, ħafna drabi nħossuna obbligati li nkunu konformi mat-trends il-ġodda. Insibuha diffiċli ngħidu ‘le’. Ħajjitna tiġi kważi ddettata aktar minn kif nidhru milli kif inħossuna verament.
Napprezza għalhekk, ix-xogħol li l-Fondazzjoni tagħmel fl-iskejjel, qalb it-tfal u ż-żgħażagħ. Kemm hu importanti li nħeġġu ż-żgħar jaraw il-pożittiv fil-ħajja, u nagħtuhom tagħlim sabiex ikunu kapaċi jegħlbu d-diffikultajiet, anke jekk kultant ikunu ta’ qtigħ il-qalb.
[Kif issemma’ diġà] Illum jaħbat ukoll il-Jum Internazzjonali Kontra l-Abbuż tad-Droga u t-Traffikar Illeċitu. Il-messaġġ tiegħi, speċjalment għar-residenti huwa li, qatt m’għandkom taqtgħu qalbkom. La qegħdin hawn, diġà għaraftu li għandkom bżonn tfittxu fejn ssibu l-għajnuna. Emmnu fikom infuskom u fit-tagħlim li qed tirċievu. Użawh tul ħajjitkom kollha, u kunu ta’ għajnuna u eżempju għal dawk li għad ma sabux il-kuraġġ jersqu lejn il-Fondazzjoni.
Lill-ħaddiema u lill-voluntiera, nirringrazzjakom tax-xogħol u d-dedikazzjoni li tagħmlu ta’ kuljum. Intom is-suċċess tal-Fondazzjoni. Il-kuraġġ li toffru lil dawk li jeħtieġu l-għajnuna tagħkom, huwa l-għodda li tiżgura futur aħjar lil dawk li qed ifittxu l-għajnuna tagħkom, u lill-familjari tagħhom.
Nawguralkom ħidma sfiqa għas-snin li ġejjin.
Grazzi.