The President of Malta

Search
Close this search box.

Diskors mill-Eċċellenza Tiegħu George Vella, President ta’ Malta fl- okkażżjoni tal-iSkambju tal-Awguri Għas-Sena l-Ġdida

Il-Palazz ta’ Sant’Anton

Rispettabbli Membri tal-Korp Konsolari, Insellmilkom.

Qegħdin niltaqgħu b’mod virtwali, minħabba r-restrizzjonijiet imposti fuqna mill-Pandemija COVID-Dsatax.

F’ cirkostanzi ohrajn, kien ikun ta’pjaċir għalija nilqagħkom il-Palazz tal Belt, jew ta’ Sant’Anton, kif ghamilna s-sena l-ohra, sabiex ngħaddu l- awguri tagħna lil xulxin, u naqsmu x-xewqat tagħna għas-Sena l-Ġdida b’mod iktar dirett u personali.

Dan l-appuntament ta’ kull sena huwa wieħed importanti, għaliex ftit jiġu okkażjonijiet fejn niltaqa’ magħkom lkoll u nisma’ minn għandkom stess dak li ksibtu tul ix-xhur li għaddew, u dwar il-proġetti li għandkom għax- xhur li ġejjin.

Naħseb ilkoll taqblu miegħi li x-xogħol tagħkom bħala Konsli Onorarji tħarbat mhux ftit mhux ħażin matul din is-sena.

Ftit stajtu taqdu l-funzjonijiet tradizzjonali tagħkom, bħal ma huma l- promozzjoni tal-kummerċ u l-investiment, it-turiżmu, l-iskambji kulturali, u l-laqgħat mal-komunitatajiet tal-pajjiżi li akkreditawkom għal Malta.

Mill-banda l-oħra, ninsab konvint li ġew mumenti ta’ xogħol intensiv ta’ natura konsolari, fejn kellkom tipporvodu assistenza sabiex dawk li nqabdu Malta fuq xogħol jew inkella għal xi btala, tgħinuhom imorru lura pajjiżhom b’mod urġenti.

Meta wieħed iqis kemm kibret il-preżenza tal-barranin f’pajjiżna, min għal xogħol, min bħala turist, jew bħala studenti, malajr wieħed jifhem kemm żdiedu r-responsabbiltajiet tagħkom fil-qasam konsolari.

Il-kontribut tagħkom f’dan ir-rigward kien bla dubju ta’ xejn wieħed importanti ħafna, għaliex għentu mijiet, jekk mhux eluf, ta’ individwi u familji.

Bħalissa ninsabu f’sitwazzjoni fejn nistgħu inħarsu ‘l quddiem b’ċertu ottimiżmu, hekk kif ġie identifikat u awtorizzat vaċċin biex jiġi użat, li nittamaw għad joħroġna minn din il-morsa li sibna ruħna fiha.

Nemmen li nistgħu bil-mod il-mod, nerġgħu nibdew inħejju għall-ħajja normali, li wkoll għad twassalna għal rutina ta’ xogħol kif nafuh. Dan ikun

ifisser li terġgħu taqbdu l-funzjonijiet marbuta mal-kariga tagħkom, li jafu jkunu fundamentali sabiex tirpilja l-ekonomija Maltija.

Dan proċess li jitkejjel b’xhur u mhux ġimgħat.

Ilkoll nistgħu naraw b’għajnejna t-tisbita li ħadu ċerti negozji, u bosta oqsma fl-ekonomija ta’ pajjiżna.

Huwa veru li l-ħatra tagħkom ta’ Konsli hija maħsuba biex tħarsu l-interessi tal-pajjiż barrani li jkun ħatarkom biex tirrapreżentawh f’pajjiżna. Dan ma jfissirx li intkom b’xi mod tpoġġu l-interess ta’ pajjiżna fil-ġenb.

Għall-kuntrarju, intkom bħal pont, li b’saqajkom f’pajjiżna minn naħa, u marbutin b’obbligi mal-pajjiż li jafdakom u ħatarkom minn naħa l-oħra, tiffaċilitaw l-iżvilupp bejn iż-żewġ pajjiżi, ta’ xogħol, negozju, servizzi, u taħlit soċjali u kulturali fost affarijiet oħra.

Intom, permezz tal-kuntatti tagħkom, speċjalment mal-pajjiżi li tirrapreżentaw, tistgħu tagħtu kontribut imprezzabbli biex nerġgħu nilħqu dawk il-figuri ta’ tkabbir li sa ftit ilu kienu impressjonanti.

Inħeġġiġkom tkomplu tibnu fuq dawk l-inizjattivi fl-oqsma tal-kummerċ, tal- investiment, is-servizzi b’mod ġenerali, it-turiżmu, it-tagħlim tal-Ingliż, skambji edukattivi u attivitajiet oħra kulturali.

Bl-istess mod, bis-saħħa tagħkom irridu nerġgħu nibdew inħajjru l-interess f’ dak li Malta għandha x’toffri fil-qasam marittimu, l-avjazzjoni, is-servizzi finanzjarji, u servizzi oħrajn bħat-turiżmu li tant aħna magħrufin u mfittxija għalihom.

Irridu nkomplu ninvestu f’oqsma innovattivi li Malta kompliet tissaħħaħ fihom, iżda wkoll f’intrapriżi ġodda li taħsbu li jistgħu jaqbdu sew f’Malta.

Bis-sehem tagħkom, Malta terġa ssir ċentru ta’ innovazzjoni kreattiva li tiġbed lejha l-aqwa mħuħ, filwaqt li tagħti opportunità lill-ħaddiema tagħna, speċjalment dawk żgħażagħ, jiżviluppaw il-kapaċitajiet tagħhom f’pajjiżna stess.

Wara d-dieqa u r-restrizzjonijiet ta’ dawn l-aħħar xhur, nixtieq li dan il- messaġġ ikun wieħed ta’ inkoraġġiment.

Hekk kif qegħdin insellmu l-ħruġ ta’ sena iebsa, niftħu l-bieb għal dawk l- opportunitajiet li hemm jistennewna fix-xhur li ġejjin.

Il-proċess ta’ rkupru tal-ekonomija, u tas-sistema soċjali, kemm f’pajjiżna kif ukoll fil-pajjiżi li tirrapreżentaw intkom, irid jieħu ż-żmien meħtieġ biex iseħħ.

Kulħadd għandu kontribut x’jagħti biex negħlbu l-effetti negattivi li ġiebet magħha l-pandemija, filwaqt li ma nwarrbux it-tagħlimiet li tagħtna.

Nagħlaq billi nwassal lilkom u lill-familji tagħkom l-isbaħ xewqat għal-Sena Ġdida mimlija hena, u fuq kollox saħħa.

GRAZZI.

Skip to content