Sinjuri,
L-ewwel nett ippermettuli nibda billi nrodd ħajr lil Dr Vincent Marmarà u s-Sur Lou Bondì, li għal darba oħra, din l-inizjattiva għal Konferenza dwar l-Istat tan-Nazzjon, qegħdin nerġgħu ningħaqdu flimkien biex nagħmlu dan l-avveniment li, bħalma ntqal diġà, is-sena l-oħra kienet l-ewwel darba li sar, kien suċċess enormi, għall-inqas hekk wieħed imur minn kemm ġie mogħti coverage ġewwa l-midja u kemm ġie segwit il-kontenut.
Jiena nirringrazzja wkoll lilkom il-mezzi tax-xandir u tal-midja, li lqajtu l-istedina tagħna biex issegwu din il-Konferenza Stampa, u minn hawn nitlobkom minn issa biex toqogħdu wkoll attenti għal dak li ser isir fil-Konferenza biex tagħtuna kemm jista’ jkun coverage għaliex dan huwa ovvjament fl-interess tal-pajjiż kollu.
Kif tiftakru, l-għeluq tal-ewwel Konferenza kien, is-sena l-oħra, fl-4 ta’ Ġunju u konna diġà wrejna li din mhix ser tkun okkażjoni ta’ darba, iżda kellna l-ħsieb li dan jiġi msarraf f’appuntament annwali. U niftakar kont qabbilt dan l-eżerċizzju mal-eżerċizzju li kien beda fl-1997, dak li konna ngħidulu “State of the Environment Report”, li baqa’ jsir kull sentejn, u jiena nemmen li mal-Istate of the Environment Report jista’ jkollna wkoll dan ir-rapport ta’ kull sena jew fuq bażi regolari tal-Istat tan-Nazzjon.
U għalhekk nilqa’ b’sodisfazzjon ħafna l-fatt li qed nerġgħu niltaqgħu fl-istess żmien, sena wara.
L-importanti huwa li s-sena l-oħra, mir-rapporti li ħarġu, tgħallimna ħafna affarijiet. U jien nemmen li ħafna minnhom għadhom siewja sal-lum u għandna nkomplu nibnu fuq dak li tgħallimna u skoprejna s-sena l-oħra.
Għalhekk it-temi u s-suġġetti li ser ikunu mistoqsija lill-pubbliku, kif qal is-Sur Marmarà, ser ikunu prattikament l-istess li kien hemm fis-sondaġġ tas-sena l-oħra, però mbagħad dawn ser jiġu diskussi fil-Konferenza tad-9 ta’ Ġunju u ma jfissirx li d-diskussjoni ħa tkun marbuta strettament biss ma’ dawk is-sejbiet. Kif semmejna, il-panel ta’ kelliema li hemm huma kollha nies ta’ esperjenza u m’għandix dubju li ser ikunu qegħdin hemmhekk biex jiftħu dwar dan is-suġġett u anki jagħmlu diskussjonijiet ħafna iktar wiesgħa mis-sempliċiment fatti xotti li jistgħu jinġabru mill-istatistika permezz tar-riċerka li ser issir. Jiena nemmen li dawn ser ikunu hemm biex jibnu fuq dak li sirna nafu dwarna nfusna, u anki biex ikollna stampa dejjem iktar ċara u kompluta ta’ aħna fejn qegħdin.
Is-sena l-oħra jiena niftakar li kont għamilt il-punt illi dan l-istħarriġ, iktar milli jgħidilna “min aħna”, kien qiegħed jagħtina anki l-possibbiltà li naraw “min sirna”. Għaliex? Għaliex il-ħajja tagħna l-Maltin mhix statika, imma qed tevolvi maż-żminijiet, maċ-ċirkostanzi, u ma’ dak kollu li ngħaddu minnu.
Biex nifhmu sew dak li ser joħroġ mill-istħarriġ, tajjeb li nqisu l-kuntest, kemm lokali kif ukoll globali, li fih qed isir dan l-istħarriġ, kif fissru l-kelliema ta’ qabli, li huwa totalment differenti minn dak li kien tas-sena l-oħra.
Jekk nibdew mill-kuntest lokali, pereżempju, naraw li għadna kemm għaddejna minn kampanja politika li wasslet għal elezzjonijiet u għażla ta’ gvern, bid-diskussjonijiet imqanqla li wieħed dejjem jassoċja ma’ dan il-proċess elettorali. Kompliet tiżdied ukoll il-ġibda tal-Maltin lejn il-politika partiġjana. Ovvjament, meta għandek elezzjoni għaddejja iktar ikollok akkanitiżmu. Però hemmhekk tidħol il-mistoqsija mbagħad, b’mod iktar profond, il-politika għalina ħa tibqa’ tfisser biss l-għażla bejn il-partiti jew inkella politika partiġjana, jew politika iktar wiesgħa li tinkludi ħafna iktar affarijiet?
Kellna wkoll, reċentement, bħalma tafu, iż-żjara tal-Papa Franġisku f’Malta. Kien hemm entużjażmu kbir. Però, mill-istħarriġ, nistgħu naraw jekk kemm-il darba din ħallietx impatt fuqna? Jekk ħallietx iktar min huwa interessat fil-fidi, fir-reliġjon? Il-valur tbiddlu? Kellna mistoqsijiet is-sena l-oħra dwar twemmin, dwar Alla, ir-reliġjon; wieħed forsi jara jekk kemm-il darba dan hux ser ikollu impatt fuq dawn il-mistoqsijiet.
Fl-istess spirtu ta’ żvilupp lokali, ovvjament kompliet għaddejja bla waqfien xejn il-kampanja favur l-ambjent. Nafu li dan huwa suġġett li ma qamx f’dawn l-aħħar tnax-il xahar, kien hemm minn dejjem, però nħoss, anki jien personalment, li iktar u iktar nies, speċjalment żgħażagħ, qegħdin jassoċjaw ruħhom ma’ dan is-suġġett, ovvjament, b’raġuni, għaliex dan iħares l-ambjent naturali tagħna, u wieħed hemmhekk irid jara x’ser ikun l-effett ta’ kampanji bħal dawn u anki x’effett qed ikollha, jekk qed ikun hemm biżżejjed – u din hija mistoqsija parti minnha wkoll – edukazzjoni favur l-ambjent liż-żgħażagħ tagħna.
Oġġett ieħor goff li ser jaffettwa l-mod kif naħsbuha, bla dubju ta’ xejn, huwa l-pandemija. Bħalma tafu għadna qegħdin, prattikament, ħerġin minnha, u apparti l-aspett immedjat tas-saħħa, bħall-bqija tad-dinja kollha, illum qegħdin inħossu wkoll l-effetti ekonomiċi li din ġabet magħha. Barra hekk ukoll, kellna okkażjonijiet u anki laqgħat proprju reċenti fejn konna qegħdin niddiskutu l-pandemija, x’effett kellha fuq is-saħħa mentali ta’ setturi differenti tal-popolazzjoni Maltija: tat-tfal, taż-żgħażagħ, tal-anzjani, tal-miżżewġin. Naturalment, wieħed ser jara r-riżultat ta’ x’ser jirrispondu n-nies. Ħawwditna? Speċjalment mill-aspett tas-saħħa mentali? Kellha effett fuq li qegħdin naħsbu?
Barra minn hekk, hemm ukoll il-kwistjoni tal-gwerra fl-Ukrajna, li din qed iġġib anki nuqqas ta’ stabbiltà fil-livell internazzjonali u qed ikompli jkollha effett ukoll, bħalma nafu diġà, fuq dawk li huma prezzijiet, mezzi tat-trasport, l-ispiża biex iġġorr l-affarijiet minn post għall-ieħor u s-sigurtà tal-provvista. Dawn ukoll huma affarijiet li probabbilment ser insibu li ser jiġu riflessi fil-ħsibijiet u fir-risposti li ser jagħtu min ser jieħu ħsieb li jirrispondi dan l-istħarriġ.
Dwar l-Ukrajna mhux ser noqgħod nidħol fid-dettall, però nħoss li għandi nagħmel aċċenn żgħir proprju hawnhekk dwar ix-xeni tal-waħx li qegħdin naraw fejn ġenituri qed jidfnu l-uliedhom f’darhom stess, familji mifrudin, ġuħ u disprament. Dawn huma affarijiet li qed insemmihom għaliex jekk il-Malti ser jirrifletti bis-serjetà fuq l-istat tan-nazzjon, jista’ jkun intelliġenti biżżejjed biex jara kemm hu xxurtjat li aħna s’issa, sal-lum, għadna qegħdin ingawdu ċertu livell ta’ paċi u kemm huwa importanti u kemm hi ta’ valur il-paċi meta wieħed ikun qiegħed iqabbel ma’ minn xiex jgħaddi ħaddieħor li jitlef il-paċi.
Dawn irridu naraw kif ser jaffettwawlna ħajjitna b’mod dirett. Meta wieħed ikun qed iqabbel ma’ dawn ix-xeni globali li llum mhumiex xi ħaġa sigrieta imma kif tafu malli tixgħel it-televiżjoni kulħadd jarahom quddiem għajnejh.
Jien naħseb li ser ikun interessanti wkoll naraw jekk dawn l-iżviluppi li għadni kemm semmejt, fost numru ta’ fatturi oħra, hux ser ikollhom impatt fuq kif jaħsbuha ċ-ċittadini tagħna, u jekk hux ser ikun hemm ċaqliq minn dak li rajna fl-istħarriġ tal-2021. Dan ser ikun interessanti.
Dakinhar, kien hemm bosta xejriet ta’ min wieħed jixtarr u jistudja fuqhom bis-serjetà li nistqarr li anki dak iż-żmien, wieħed jekk jirrifletti fuqhom jara li kienu xi ftit inkwetanti.
B’mod pożittiv dakinhar konna rajna li l-Malti huwa “kburi” li hu Malti, li huwa kuntent b’ħajtu, li kien iżomm, qalulna, lill-familja fil-qofol tad-deċiżjonijiet tiegħu, iħoss li l-livell tal-għajxien tiegħu kien aċċettabbli, kien tajjeb ħafna u li anki kien qiegħed iħoss li qed igawdi d-drittijiet tiegħu għaliex kien hemm min, biex ngħid hekk, qiegħed iħarishomlu, jiġifieri kien hemm ċerta sigurtà.
Tkellimna wkoll, l-aħħar darba, fuq l-ilsien Malti. U rridu naraw, u dan huwa xi ħaġa li, sfortunatament, nafu li qed jiġi milqut minn ħafna fatturi, jekk kemm-il darba għadux jiġi meqjus bl-istess prominenza bħala l-lingwa prinċipali tal-Maltin.
Kien instab ukoll kif il-Malti, b’mod b’saħħtu ħafna, kien għadu jemmen f’Alla, is-sena l-oħra, u kemm il-politika hija fattur importanti ħafna għal aktar minn nofs il-popolazzjoni.
Riżultat ieħor prominenti kien dak li għandu x’jaqsam mal-midja u l-midja soċjali, u smajna ħafna diskorsi tajbin l-aħħar darba rigward kif għandna nivvalutaw il-midja soċjali u ħareġ ċar li iktar milli għodda għalina, wieħed irid joqgħod attent li aħna ma nispiċċawx għodda f’idejn min qed iħaddem il-midja soċjali għall-iskopijiet tiegħu. Li hija xi ħaġa li meta tirrifletti fuqha ġġiegħlek taħseb bis-serjetà. Però bla dubju ta’ xejn il-midja saret element fundamentali fil-ħajja tagħna. Però iktar reċenti kellna konferenza fejn konna qed nitkellmu fuq is-saħħa mentali taż-żgħażagħ fejn ħarġet ċara d-dipendenza, ħalli ma ngħidx l-addiction, imma d-dipendenza qawwija li ż-żgħażagħ tagħna għandhom fuq il-midja; kemm għall-informazzjoni, kemm biex isibu soluzzjonijiet, kemm biex jiddiskutu, kemm biex jiddevertu… hija xi ħaġa tal-għaġeb li naħseb li min qiegħed fis-soċjoloġija jrid jara li dan huwa fenomenu qawwi ħafna.
Ftit iktar kmieni semmejt punti li ħassbuni, u fost dawn primarjament kien hemm ukoll il-punt tal-multikulturaliżmu. Tkellimna fuq l-aħħar darba u anki kien hemm kważi terz ta’ dawk li ħadu sehem fl-istħarriġ li qalu li mhumiex komdi bit-taħlit kulturali li kellna f’pajjiżna. Però ma ninsewx li dan huwa fenomenu li ma nistgħux nikkontrollawh kif irridu aħna, mhuwiex fenomenu li nistgħu ngħaddu mingħajru – din hija id-dinja moderna – u tajjeb li wieħed jara jekk kemm-il darba hux ser ikun hemm xi tibdil f’dak li huwa l-akkomodazzjoni tal-Maltin mal-persuni li għandna jgħixu magħna li ġejjin minn kulturi differenti.
Dawn qed insemmihom għaliex jistgħu jkunu jew fatturi li jifirdu lill-poplu, jew inkella, jekk nużaw mezzi sew u naraw li nagħmlu politika tajba, jistgħu jkunu anki mezzi li jgħaqqduna u jġibuna aħjar flimkien.
U din hija r-raġuni għaliex il-Presidenza tinvolvi ruħha – u nerġa’ nirringrazzja lil Lou u lil Vince – f’eżerċizzji bħal dawn, fejn jien nara dan l-eżerċizzju biex b’mod xjentifiku, mhux bl-ideat u l-guesswork, nagħmlu analiżi akkademika dwar aħna min aħna, fejn qegħdin u x’inhuma l-perikli li qed niffaċċjaw.
Jiena, nirrepeti, li l-intenzjoni tiegħi hija li permezz tal-istħarriġ jiġu identifikati dawk l-oqsma li għad fadlilna x’nagħmlu iktar dwarhom. Tgħiduli: “Mhux f’kull qasam għandna x’nagħmlu?” Veru. Però hemm oqsma li b’mod kollettiv nistgħu nanalizzaw x’hemm xi jsir u nippruvaw b’xi mod nirranġaw jew inkella nbiddlu d-direzzjoni ħalli nevitaw li l-kwalità tal-ħajja tmur għall-agħar. Aħna nkunu dejjem irridu li l-poplu tagħna jgawdi kwalità tal-ħajja aħjar, mhux biss mil-lat ekonomiku, imma anki rridu nindirizzaw ħafna fatturi oħra li huma dawk il-fatturi li meta tgħoddhom flimkien dawn imbagħad jistgħu jwasslu anki għal ċertu firdiet f’nofsna. Bħalma tafu, dan anki jorbot mal-konferenza li konna għamilna dwar l-Għaqda Nazzjonali, li minn hawn u żmien ieħor, mhux tant fil-bogħod, ser inħabbru t-twaqqif tal-Fondazzjoni tal-Għaqda Nazzjonali li fiha nkomplu naħdmu ħalli dawk il-firdiet li hemm bejnietna naraw kif nagħmlu, kif jgħidu t-Taljani nissorvolawhom, nippruvaw nibnu pont bejn id-differenzi ħalli kemm jista’ jkun nakkwistaw iktar sens ta’ għaqda nazzjonali.
Jiena konvint li bħalma ġara s-sena l-oħra, issa fid-9 ta’ Ġunju, ser nieħdu sehem f’diskussjoni ħajja però, kif dejjem ninsistu, li ser tkun diskussjoni rispettuża. Huwa importanti li fil-Konferenza stess u bil-Konferenza stess nagħtu eżempju ta’ kif wieħed għandu jiddibatti bil-fatti f’idejh, bla ma juża ton arroganti u bla ma jipprova jwaqqa’ għaċ-ċajt jew ikisser l-opinjoni ta’ ħaddieħor. Wieħed jattakka l-argument, però wieħed jirrispetta ma’ min qiegħed jiddibatti.
Jien għalhekk nistieden lilkom membri tal-midja, u fuq kollox lill-membri tal-pubbliku tingħaqdu magħna għall-Konferenza nhar id-9 ta’ Ġunju dwar l-Istat tan-Nazzjon, fejn ċertament ser ikun hemm spazju biex kulħadd isemma leħnu, jgħid tiegħu, u forsi wkoll b’mod rispettuż, jirnexxilu jipperswadi lil ħaddieħor.
Nagħlaq billi nirringrazzja mill-ġdid lil Vince u lil Lou tal-inizjattiva tagħhom, tax-xogħol kbir li qegħdin jagħmlu u tas-sodisfazzjon li għandi bħala Uffiċċju tal-President li ningħaqad magħhom biex noffru lill-pajjiż forum fejn wieħed jista’ jgħin ħalli l-istat tan-nazzjon tagħna nagħmluh aħjar possibbilment minn dak li huwa llum.
Nirringrazzjakom.