L-Eċċellenza Tiegħek Monsinjur Arċisqof,
Onorevoli Prim Imħallef,
L-Eċċellenza Tiegħu President Emeritu,
Sinjuri,
Bi pjaċir nilqagħkom fil-Palazz ta’ Sant’Anton u nirringrazzjakom talli wassaltuli din l-istedina sabiex flimkien magħkom niċċelebraw l-Għaxar Anniversarju mill-Ordinazzjoni Episkopali tal-Eċċellenza Tiegħu Monsinjur Arċisqof Charles J. Scicluna.
Irrid nibda billi nagħti ħajr lir-Reverendu Dottor Stefan Attard u lil Dottor John Berry ta’ din l-inizjattiva sabiħa li diġà smajna ħafna fuqha, jispjegawlna kif bdiet u kif inħadmet. Kif qalulna, ilhom sentejn jaħdmu għall-okkażjoni tal-lum u bis-saħħa tagħhom ġiet ippubblikata din il-ġabra ta’ artikli li, bħalma ntqal, ivarjaw minn filosofija, skrittura, storja tal-Knisja, teoloġija, liġi kanonika, u l-Iżlam, fost suġġetti oħra. Nemmen li din għad tkun ta’ referenza akkademika u storika importanti ħafna fil-futur. Mhux biex jitgara l-ktieb imma biex jinqara u jiġi studjat tajjeb.
Nammetti li fil-bidu kont sorpriż li Dottor Attard u Dottor Berry bdew jaħdmu b’daqshekk żmien kmieni biex jippreparaw din il-produzzjoni. Iżda meta rajt l-aħħar verżjoni tal-ktieb stajt napprezza kemm xogħol u dedikazzjoni tinvolvi pubblikazzjoni ta’ din ix-xorta. U għalhekk nirringrazzjahom, f’isimkom kollha, għall-opportunità li taw lili u lill-oħrajn li nkunu kontributuri, bil-kontribut modest tiegħi fejn ridt nuri xi tfisser li tkun mexxej u qaddej.
Fl-artiklu tiegħi, Servitor et Praefectus, tajt rendikont personali għal dak li għalija jfissru l-kliem ‘servizz’ u ‘tmexxija’. Joħroġ ċar li l-kariga ta’ Kap ta’ Stat iġġorr dmirijiet u responsabbiltajiet simili ħafna għal dawk ta’ Arċisqof.
Hawnhekk ħafna drabi wieħed jara l-problemi u l-isfidi jtaqqluk u jinkwetawk u jibqgħu jittantawk u jberrnu f’moħħok sakemm tittieħed id-deċiżjoni.
Spiss issib ruħek waħdek. Aktar iva milli le.
Minkejja li mdawrin b’persuni validi li jagħtu l-opinjoni tagħhom, ħafna drabi mirquma u studjata, dwar xi każ jew ieħor, il-piż tar-responsabbiltà, bħalma jaf kull min ikollu jiddeċiedi, tad-deċiżjoni finali jibqa’ dejjem ta’ dak li jiddeċiedi, u trid iġġorr il-konsegwenzi, tajbin jew anqas tajbin, tad-deċiżjonijiet li tkun ħadt.
Nemmen li l-esperjenza tal-ħajja tgħin ħafna u hija fost l-akbar gwida biex tkun mexxej u fl-istess ħin qaddej tajjeb. Trid tmexxi bil-Ħaqq u fl-istess ħin b’empatija u b’umanità. Irridu nkunu aħna l-eżempju tal-għaqda u tal-imħabba u rridu naraw li din tissawwar anki fil-poplu.
Dan kollu ngħidu u nagħmlu kuljum b’umiltà u naf fiċ-ċert li l-esperjenza twila li għandu l-Monsinjur Arċisqof fil-karigi varji li okkupa, kienet għalih għodda neċessarja li ggwidatu tul dawn l-aħħar għaxar snin. Kienet id-dawl li mexxieh, kienet il-ħażna tal-għerf li għenitu jieħu d-deċiżjonijiet li kellu jieħu.
Fil-pożizzjoni tiegħu bħala Kap tal-Knisja f’Malta, lill-Monsinjur Arċisqof narawh jieħu rwoli differenti. Narawh bħala għalliem, bħala duttur fil-qasam legali, ambjentali u ċiviku, iżda fuq kollox, jippersonifika l-għożża u l-imħabba għall-ħajja, kif qal diġà, mill-bidu sat-tmiem tagħha. Bosta drabi jservi wkoll bħala l-leħen tal-kuxjenza li ma jiddejjaqx iwiddeb fejn ikun hemm bżonn. Kliemu dejjem ċar u meqjus, magħżul apposta skont l-okkażjoni, u dan huwa frott ta’ dixxerniment, ta’ preparazzjoni u ta’ ħsieb.
Irrid nieħu din l-opportunità sabiex inroddlu ħajr tal-appoġġ li dejjem sibt minnu u mill-Uffiċju tiegħu kull meta ħdimna flimkien, u meta kultant ukoll, bi tbissima mqarba, jgħidli xi ħaġa żgħira minn taħt l-ilsien. Dawn l-appoġġ u l-kooperazzjoni spikkaw l-aktar matul iż-żjara tal-Papa Franġisku li seħħet f’April li għadda. Kienet okkażjoni unika fejn Stat u Knisja ħadmu flimkien biex laqgħu b’mod eċċellenti lill-Kap tal-Istat tal-Vatikan, u fl-istess ħin il-Kap tal-Knisja Kattolika, f’pajjiżna.
Eċċellenza, grazzi ta’ dan kollu. F’dan l-anniversarju sabiħ nawguralek ħafna saħħa, ħafna kuraġġ u serenità sabiex tkompli sservi ta’ Ragħaj tal-Poplu Malti fis-snin li ġejjin.
Nawguralek.