Onorevoli Ministru, Sinjura Abela,
Sur Mario Cutajar, Segretarju Permanenti Ewlieni, Mistednin Distinti,
Nibda billi l-ewwel u qabel kollox nifraħ lil dawk kollha nominati għal dawn il- premjijiet differenti li ttieħdu llejla. Il-fatt li tkun innominat għalija diġà jfisser li tkun spikkajt, li tkun ġbidt l-attenzjoni ta’ xi ħadd u xi ħadd ħass li għandu jimbottalek ismek – jimbotta ismek ’il quddiem ħalli tiġi għall-attenzjoni tal- ġurija.
Hawnhekk ukoll nirringrazzja lill-ġurija li nemmen li tkun għarblet sew u kif spjegalna tajjeb is-Sur Portughese kif dawn in-nomini ġew mgħarbula u kif waslet biex tagħmel l-għażliet tagħha.
Fuq kollox, għan-nom ta’ kulħadd preżenti nifraħ lis-Sinjura Rodry Ann Maria Celeste ta’ dan il-premju prestiġjuż li għadha kif rebħet issa.
Sinjura, il-fatt li ġejt nominata u saħansitra magħżula bħala l-Ħaddiem Nazzjonali tas-Sena, ifisser li bħala ħaddiema, bla dubju ta’ xejn, urejt li kellek kwalitajiet sbieħ li ma jurux biss il-kapaċitajiet tiegħek fuq livell professjonali, iżda wkoll fuq livell personali.
Fi kliem ieħor, m’hemmx dubju li inti mort lil hinn minn dak li hu mistenni minnek bħala dover, li mhux biss taqdi dmirijietek, iżda wkoll tkun ta’ servizz għall-kollegi u għall-klijenti tiegħek. Jiena ċert li rċevejt dan il-premju għax dawk ta’ madwarek għarfu l-kapaċitajiet tiegħek u apprezzaw ħidmietek.
Fl-ispirtu ta’ dan insellem ukoll lilkom ilkoll li kontu nnominati li bl-istess mod tas-Sinjura Celeste tagħmlu l-almu tagħkom, bla interess jew stennija ta’ rikonoxximent, fil-qadi ta’ dmirijietkom.
Intom ilkoll rebbieħa llum.
Intom ilkoll ix-xempju tal-karattru tal-ħaddiem Malti. Il-ħaddiem Malti huwa magħruf li huwa bieżel u huwa ddedikat sabiex ix-xogħol jew is-servizz li jagħti jew li jagħmel ikun tal-aqwa kwalità. Tul l-istorja tagħna dejjem hekk konna magħrufin u jien nieħu gost nara li dawn il-kwalitajiet għadna tassew inħaddnuhom, speċjalment f’dawn l-aħħar xhur li biddlu kompletament il-mod ta’ kif ngħixu u kif naħdmu.
Bħalma lkoll tafu, l-imxija tal-COVID-19 affettwat lil kulħadd, irrispettivament mill-età, l-istat jew ix-xogħol ta’ dak li jkun. Kellna nerġgħu nitgħallmu mill- ġdid metodi ġodda ta’ kif inkomplu naħdmu u nagħtu sehemna sabiex fil-futur qarib, nerġgħu niksbu dik in-normalità li tant ilna nixxenqu għaliha u nistennew.
Hawnhekk, irrid inrodd ħajr pubblikament lill-Awtoritajiet u lil min iħaddem, li qed jużaw kemm jistgħu, sistemi ta’ teleworking, u fejn dan mhux possibbli, jaraw li kull ħaddiem jinżamm sikur skont id-direttivi maħruġin mill-Awtoritajiet tas-Saħħa.
Jien napprezza ferm li qed jiġu rikonoxxuti wkoll trejdjunjins u għaqdiet ta’ min iħaddem.
Bil-ħidma tagħkom, u hawn qed nindirizza lit-trejdjunjins, tiżguraw li jinżamm bilanċ bejn id-drittijiet u d-dmirijiet ta’ kull ħaddiem, biex b’hekk naraw li nkattru xogħol li jagħti valur lis-soċjetà kollha, u fuq kollox tinżamm il-paċi industrijali, li hi tant bżonnjuża jekk wieħed irid jara ġej f’pajjiżna investiment ġdid.
L-apprezzament tiegħi jmur ukoll għall-fatt, li minkejja li għaddejjin minn żminijiet diffiċli, bqajtu tħaddnu l-importanza ta’ miżuri favur il-familja kif ukoll favur is-sostenibbiltà u r-responsabbiltà soċjali. Dawn huma żewġ elementi li llum ukoll ġew ippremjati. U dan huwa ġust u xieraq ħafna hekk kif jiġi żgurat li l-ħaddiem ma jitqiesx bħala numru jew parti minn makkinarju, iżda jkun meqjus bħala individwu sħiħ bid-dinjità kollha li tixraqlu.
Il-benefiċċju ta’ dawn il-miżuri u din il-politika favur il-ħaddiem għandu impatt pożittiv, kemm għas-saħħa tal-individwu, kif ukoll għall-produttività tiegħu fuq il-post tax-xogħol.
Inħeġġeġ għalhekk lil kull min iħaddem, sabiex ikomplu jinvestu fl-iktar riżorsa importanti li għandu x’joffri pajjiżna: li huwa l-ħaddiem. Komplu rrikonoxxu lil dawk li ta’ kuljum, bla ħafna daqq ta’ trombi, jagħtu valur miżjud lil xogħolhom filwaqt li jdaħħlu prattiċi ġodda ta’ xogħol sabiex il-kwalità ta’ ħidmiethom titjieb.
Filwaqt li napprezza li dawn huma żminijiet diffiċli, kif diġà ntqal, ejja ma ninsewx lil dawk fostna, li minkejja l-bżulija tagħhom, u mhux tort tagħhom, sfortunatament tilfu l-impjiegi tagħhom.
Ejjew inkomplu naħdmu flimkien bħala pajjiż magħqud sabiex dawk kollha li tilfu xogħolhom jerġgħu jsibu impjieg mill-aktar fis possibbli, u jsibu posthom lura fid-dinja tax-xogħol kif kienu qabel u jakkwistaw mill-ġdid id-dinjità li jagħtik ix-xogħol.
Hekk kif inħares lejn din l-udjenza, nagħmel kuraġġ u nemmen li flimkien, bil- ħidma ta’ kulħadd, se negħlbu dawn iż-żminijiet diffiċli.
Pajjiżna jiddependi mix-xogħol ta’ kulħadd u għaldaqstant insellem lil ħafna, inkluż dawk li llum huma rtirati, li taw kontribut validu matul ħajjithom sabiex pajjiżna jimxi ’l quddiem.
Nixtieq nagħlaq billi nirringrazzja mill-ġdid lill-Ministeru u lill-Bord tal-Għażla li għal sena oħra organizzaw dan il-Premju, u lil min innomina għaliex permezz tagħhom, tajna rikonoxximent fil-kategoriji rispettivi lil min kien jistħoqqlu.
Mill-ġdid nifraħ lil dawk kollha nominati u lil dawk ippremjati u nawguralhom ilkoll aktar ħidma għal ġid ta’ pajjiżna.
Nirringrazzjakom. Nixtiqilkom il-lejl it-tajjeb.