The President of Malta

Diskors mill-Eccellenza Tieghu George Vella, President ta’ Malta waqt it Tnedija tal-ktieb ta’ tifkiriet ‘Oliver u Jien’ ta’ Paul P. Borg, Il-Palazz ta’ Sant’Anton, 22 ta’ April 2022

President u Membri tal-Akkademja tal-Malti,

Mistednin Distinti,

Sinjuri

Huwa pjaċir tiegħi li nagħtikom merħba fil-palazz ta’ Sant’ Anton. Ninsabu hawn llum biex niċċelebraw pubblikazzjoni li terġa mill-ġdid tressqilna quddiemna l-legat straordinarju tal-Prof. Oliver Friggieri. Din hi biss l-aħħar minn sensiela ta’ inizjattivi li l-Presidenza ħadmet fuqhom matul dawn l-aħħar sentejn, b’mod partikolari qabel l-pandemija tal-COVID-19. Ħadna ħsieb li niltaqgħu u nonoraw awturi u kittieba veterani Maltin minn żmien għal żmien fejn kelli wkoll ix-xorti li nitħaddet magħhom u nislet għarfien dwar ħidmiethom, ħajjithom u dak kollu li nebbaħ il-pinna tagħhom. Sellimna wkoll lill-Prof Friġġieri innifsu f’attività kommemorattiva li kienet fost l-aħħar li għaliha kien preżenti hu wkoll qabel ma ħalliena.

Pawlu u Oliver kienu ilhom jafu ’l xulxin mill-Moviment Qawmien Letterarju. It-tifkiriet ta’ Oliver li jgħożż Pawlu konvint li huma bosta u bħal Pawlu, kull wieħed u waħda minna għandu t-tifkiriet tiegħu ta’ Prof. Oliver – speċjalment intom li ħidimtu tant qrib tiegħu, kemm jekk kontu studenti jew kollegi tiegħu, kemm jekk laqatkom bħala awtur ħabib tagħkom jew missejtu miegħu fl-attivitajiet li organizzajtu flimkien. Min jaf kemm ispirakom mhux biss bl-intellett tiegħu imma fuq kollox bl-umiltà, bil-fidi u bl-impenn sħiħ tiegħu, speċjalment fl-oqsma tal-letteratura Maltija. Imma l-wirt kbir li ħallielna Oliver ma jitkejjilx biss bil-kontribut letterarju li fawwarna bih, jew bil-kapaċità filosofika u profonda tiegħu imwassla b’mod li jifhimha kulħadd, mill-kbir saż-żgħir. Oliver kien, għadu u jibqa’’ l-kuxjenza tan-nazzjon – il-Poeta li jirrifletti fuqna u lil hinn minna dwar min aħna bħala ġens u fejn sejrin bħala poplu.

Ippermettuli hawnhekk naqsam magħkom riflessjoni.

Oliver, bħal kull wieħed u waħda minna, kien jinkwieta fuq l-impatt li l-iżvilupp sfrenat qed iħalli fuq l-ambjent. It-twissija kontra l-qerda tan-natura nsibuha minn kmieni f’kotba bħal L-Antoloġija tan-Natura (1995) miġbura minnu u minn Mario Azzopardi. Il-karba mbagħad tixref aktar fil-poeżiji twal tiegħu, fosthom Il-Bikja tal-Masġar u L-Assedju Finali taMalta. Kif jistqarr Oliver stess fid-daħla għall-poema Il-Bikja tal-Masġar:

Il-Bniedem hu meqjus bħala turista u kollega tal-ħlejjaq l-oħra li bħalu u miegħu huma turija tal-misteru tal-ħolqien u tal-kobor tal-Ħallieq. L-ambjent, għalhekk, hu meqjus bħala mezz ewlieni, kważi waħdani, tal-għarfien uman, il-kanal minn fejn jasal il-leħen taAlla. Alla jitkellem ukoll bil-leħen tal-Ħxejjex u tal-Annimali, għaliex huma Tiegħu”.

(N.B. xi wħud minn dawn is-siltiet inqraw matul il-programm televiżiv Mill-Palazz).

L-ambjent hu element b’saħħtu li jżewweġ ħidmet dawn i-żewġ awturi. Bħal Oliver Friggieri, Paul P. Borġ, impenja ruħu bis-sħiħ favur ambjent.  Insemmi hawnhekk il-ktejjeb tiegħu Minn fuq għal Isfel (1991) – li Oliver innifsu sejjaħlu “Manifest b’Risq l-Ambjent” – u pubblikazzjonijiet oħra bħal Ċikku Fenek (1998), Stejjer minn Wied Għarbiel (2006), Il-Kmandament Numru 11: Ħobb lill-Ħolqien (2016/2017). Wieħed jifhem għaldaqstant bis-sħiħ għaliex Paul P. Borg (Pawlu) jagħżel li jiftaħ il-ktieb tiegħu billi fil-frontispizju jqiegħed din il-kwotazzjoni ta’ sieħbu Oliver: “M’hemmx kuluri (politiċi) fl-ambjent. L-ambjent qed jinqered.”

Tabilħaqq l-impenn tagħna favur ambjent aħjar għandu jmur lil hinn mill-partiġġjaniżmu politiku.

Għandu jkun impenn li jgħaqqadna.

Dan il-ktieb hu l-aħħar minn damma ferm itwal ta’ pubblikazzjonijiet ta’ apprezzament lejn dan il-patrijott Malti ta’ żmienna. Huma tabilħaqq bosta l-pubblikazzjonijiet li dehru f’ħajtu li fissru l-apprezzament tagħhom u rrikonoxxew il-ħidma kbira li wettaq fostna bħala ġens u nazzjon. Ir-rikonoxximent ta’ dan il-ġgant tal-letteratura Maltija llejla ma jorbotx biss ma din il-pubblikazzjoni iżda ferm aktar minn hekk mal-għarfien li wasslilna tul ħajtu, u li jerġa jfakkarulna f’din il-pubblikazzjoni Paul P. Borg, u li għadu siewi u meħtieġ llum aktar minn qatt qabel

Dan mhux biss apprezzament letterarju, u ta’ dak li kien Oliver Friggieri, imma jiftaħ tieqa fuq il-ħajja ta’ kuljum, fuq x’kien iħobb, xi programmi televiżivi kien iħobb, u fuq ħafna aspetti oħra tal-ħajja ta’ Oliver Friggieri, li kienu jafuhom biss dawk li kienu xxurtjati li gawdew ħbiberija intima personali miegħu. 

Is-Sur Borg b’dan il-ktieb għamel servizz kbir lill-figura u l-memorja ta’ Oliver Friggieri.

Wieħed japprezza l-kontribut kbir tal-qraba ta’ Oliver, li qasmu mal-qarrej, permezz tal-awtur, dettalji li qajla wieħed ikun jista’ jkun jaf dwarhom, hekk mhux kif ngħidu, minn ħalq il-qraba tiegħu stess.

Nittama u konvint minn dan li ser jibqa’ jkun ta’ xprun fis-snin li ġejjin.

Skip to content