Irrid nibda billi nsellem lill-kelliema distinti li qiegħdin magħkom illum sabiex tiġi mnedija il-Konferenza dwar il-Ġejjieni tal-Unjoni Ewropea.
Irrid insellem ukoll lil dawk kollha li ingħaqdu magħna permezz tal-midja soċjali hekk kif l-iskop tal-okkażjoni tal-lum huwa propju l-inklużjoni taċ-ċittadini tagħna f’dan id-dibattitu.
Dibattitu li għandu jwassal sabiex jipprovdi direzzjoni ċara lill-istituzzjonijiet tal- Unjoni Ewropea ta’ xi jridu ċ-ċittadini għall-ġejjieni tagħha.
Ma nistax nibda l-messaġġ tiegħi mingħajr ma’ nirreferi għal dak li ġara propju wieħed u sebgħin (71) sena ilu, meta bid-Dikjarazzjoni ta’ Schuman ġiet imsawwra l-bażi ta’ dik li nirreferu għaliha bħala l-Unjoni Ewropea.
Wara snin twal ta’ konflitti, fosthom żewġ Gwerer Dinjija, li oriġinaw mill- kontinent Ewropew, kienet inħasset il-ħtieġa għall-għaqda. Il-Pajjiżi li waqqfu din l-Unjoni fehmu li l-paċi kienet ferm iktar ta’ benefiċċju mill-konflitti. Li diskussjoni f’ambjent fejn kulħadd huwa meqjus indaqs, bla ebda diskriminazzjoni, kienet bażi solida fuq xiex tinbena għaqda dejjiema li tkattar il- ġid għal dawk kollha fi ħdanha.
Is-snin gerbu u l-Unjoni Ewropea evolviet u kibret tant li tgħodd bosta mill-pajjiżi tal-Ewropa bħala membri tagħha. Żviluppaw l-istituzzjonijiet u l-Unjoni Ewropea bdiet timraħ ukoll barra l-konfini tagħha, hekk kif saret preżenza importanti fuq livell internazzjonali.
Nagħrfu wkoll madanakollu, li f’okkażjonijiet varji, l-Unjoni Ewropea setgħet kienet aktar proattiva u skjetta fl-interventi tagħha, kemm fl-affarijiet interni kif ukoll fix-xena internazzjonali, speċjalment fir-reġjuni li jmissu direttament mal- fruntieri tagħna.
Aktar minn hekk, beda jinħass distakk, bejn iċ-ċittadini Ewropej u l- istituzzjonijiet tal-Unjoni.
Huwa għalhekk li nħass il-bżonn li l-Unjoni tirriforma ruħha b’tali mod li taqdi u tirrifletti l-ħtiġijiet tar-realtajiet tal-lum. Nemmen bi sħiħ li dan hu pass pożittiv għat-tiġdid tal-Unjoni Ewropea, u nisħaq ukoll li dan għandu jsir dejjem b’rispett lejn il-valuri fundamentali li fuqhom issawwret l-istess Unjoni.
It-temi tad-diskussjoni huma pertinenti ħafna fosthom it-tibdil fil-klima, is-saħħa hekk kif qegħdin f’sitwazzjoni ta’ pandemija, it-trasformazzjoni diġitali, ir-rwol taż-żgħażagħ, is-sigurtà u l-migrazzjoni fost l-oħrajn.
Bi pjaċir ninnota li dawn it-temi huma riflessi fl-Aġenda l-ġdida għall-Mediterran li adottat l-Unjoni Ewropea fi Frar ta’ din is-sena.
Għalhekk insellem lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għad-dokument li fiħ il- konklużjonijiet dwar sħubija mġedda mal-Viċinat tan-Nofsinhar.
Ikolli ninnota li dan id-dokument ikopri l-oqsma kollha li ripetutament ilna nitkellmu fuqhom għal snin twal meta nitkellmu dwar aktar sigurtà, stabbilita u prosperità fil-Mediterran, kemm fuq bażi bilaterali kif ukoll matul konferenzi multilaterali dwar dan ir-reġjun.
Irridu nammettu li dawn l-għanijiet mhux faċli jintlaħqu, u dan ġie ppruvat matul dawn l-aħħar ħamsa u għoxrin sena li fuqhom ilna nikkoperaw flimkien fil- proċess ta’ Barċellona.
Id-dokument per eżempju jitkellem dwar koperazzjoni fl-Unjoni Ewropea dwar l-immigrazzjoni illegali meta nafu li l-Patt dwar l-Imigrazzjoni u l-Ażil, kixef in- nuqqas ta’ qbil unanimu dwar din l-isfida fi ħdan l-Unjoni Ewropea.
L-istess meta fil-Konklużjonijiet terġa tiġi proposta Żona ta’ Kummerċ Ħieles Approfondita u Komprensiva meta dan ġie ppruvat snin ilu b’riżultat fqir minħabba nuqqas serju ta’ bdil kummerċjali ħieles speċjalment bejn il-pajjiżi tal- Afrika ta’ Fuq membri ta’ din is-sħubija bejn l-Unjoni Ewropea u l-Viċinat tan- Nofsinhar.
Ma rridx niftiehem ħażin.
Id-dokument mimli proposti interessanti u li jġorru miri li faċilment naqblu li jkunu ideali jekk jirnexxielna nilħquhom, imma li nafu mill-esperjenza li huma biss xewqat sbieħ li ftit li xejn hemm ċans nilħquhom.
Hemm bżonn li mill-kitba u d-dokumenti, dawn il-miri jsiru fatti li jistgħu verament igawduhom iċ-ċittadini ta’ dawn il-pajjiżi.
Proposta li nemmen ħafna fiha u li sal-lum ma tajnijhiex ċans titħaddem biżżejjed hija dik li għandha x’taqsam maż-żgħazagħ tal-pajjiżi tal-Viċinat tan-Nofsinhar u l-proposti li noħolqulhom opportunitajiet ta’ tagħlim u taħriġ fl-Unjoni Ewropea, possibbilment fi ħdan programm li jixbaħ dak magħruf bħala Erasmus Plus.
Nemmen li ż-żgħażagħ huma l-bażi ta’ dan kollu.
Ninvestu fihom f’pajjiżhom u nipprovdulhom l-għodda neċessarji sabiex huma stess jikkontribwixxu għat-tisħieħ ta’ pajjiżhom billi jsiru aktar reżiljenti u stabbli
Qiegħed nagħmel din l-enfasi dwar dawn il-Konklużjonijiet għaliex sinċerament nemmen li l-kontribut ta’ Malta fid-diskussjoni dwar il-Futur tal-Ewropa ma jistgħux ma jkunux marbutin intimament mal-Futur tar-relazzjonijiet tal-pajjiżi tal-Afrika ta’ Fuq u mal-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea.
It-tisħiħ ta’ dan ir-reġjun huwa kruċjali sabiex tinkiseb il-paċi u l-istabilità fil- pajjiżi ġirien tagħna fit-Tramuntana tal-Afrika. Dan iwassal ukoll għal aktar sigurtà fil-Mediterran u fil-kontinent Ewropew kollu.
L-għaqda u d-djalogu ma’ dawn il-pajjiżi huma l-unika ċavetta sabiex inkunu tassew nistgħu nindirizzaw sitwazzjonijiet diffiċli u jwasslu għal soluzzjonijiet dejjiema u li jkattru opportunitajiet ekonomiċi b’rispett lejn l-istat tad-dritt, il- governanza tajba u l-ambjent.
F’pajjiżna din is-sena qed niċċelebraw il-mitt sena mill-kisba tal-Kostituzzjoni tal-1921 li bil-ħidma ta’ niesna, rat li Malta kellha l-ewwel Gvern tagħha. Bl- istess mod nixtieq li llum intom ikoll, ċittadini, soċjetà ċivili u istituzzjonijiet tieħdu sehem attiv f’dan id-dibattitu rigward il-futur tal-Unjoni Ewropea li jolqotna direttament.
Għandkom l-opportunità li taraw li għall-għaxar snin li ġejjin, l-Unjoni Ewropea taħdem fuq mandat li tkunu tajtuha intom stess.
Ejja naraw li bil-proposti tagħna stess, nagħmlu suġġerimenti ta’ kif l-Unjoni Ewropea ikollha politika socjali aktar b’saħħitha u fejn iċ-ċittadin ma jħossux imwarrab minn sistema burokratika li ma jifhimx, iżda li jkun iħossu parti sħiħa minn struttura li tifhem sew il-bżonnijiet taċ-ċittadini tagħha.
Nittama li jsiru proposti li jaraw rispett fuq kull livell għad-diversitajiet li jħaddnu ċ-ċittadini kollha filwaqt li nsaħħu aktar dak li jgħaqqadna. Importanti wkoll li naraw Unjoni Ewropea li taħdem aktar bis-sħiħ kontra l-esklużjoni soċjali u l- faqar.
L-inklużjoni ta’ kulħadd fid-dibattitu hija fundamentali sabiex ikun hemm suġġerimenti li tassew iwasslu għal bidla li nixtiequ, kif ukoll jiġu indirizzati oqsma li bħalissa m’humiex jiġu indirizzati
Nemmen li fi spirtu ta’ għaqda, l-Poplu Malti għandu ħafna xi jrodd, speċjalment dwar is-sitwazzjoni fil-baħar Mediterran, sabiex naraw li l-Unjoni Ewropea tkun aktar reżiljenti, ġusta u sostenibbli fis-snin li ġejjin.
Grazzi.
0 Comments