The President of Malta

Diskors mill-Eċċellenza Tiegħu George Vella waqt is-serata Premju Anzjanità Attiva 2022

Onorevoli Ministru,

Onorevoli,

Sinjuri,

L-ewwel nett, bħas-soltu, wieħed jirringrazzja lil min ikun stedinna biex inkunu qegħdin hawnhekk, jiena u Miriam, biex nattendu għal attivitajiet bħal dawn. Bla dubju, dawn huma attivitajiet sbieħ fejn, fost affarijiet oħra, niċċelebraw il-kwalitajiet u s-sehem siewi tal-anzjani fis-soċjetà tagħna, proprju fil-Jum Internazzjonali tal-Anzjani.

Kieku kellna l-ħin, naħseb kont nagħmel daqsxejn riflessjoni fuq il-kelma “anzjani” u nispjegaw għaliex il-kelma li fid-dinja Għarbija ġġib ħafna rispett – ix-“xiħ” – aħna neħħejnieha, u hemm raġunijiet soċjoloġiċi għaliex neħħejnieha. Għaliex fil-passat ix-xiħ ma kienx stmat u ma kienx miżmum kif inhu miżmum illum. Ix-xjuħija kienet iġġib magħha ċertu twaqqigħ fil-livell tal-individwu u l-kelma beda jkollha implikazzjonijiet derogatorji. Jiġifieri tlifnieha sempliċiment għaliex is-sitwazzjoni nbidlet. U hawnhekk wieħed irid jagħmel distinzjoni bejn il-qabża li kien hemm ħamsin/sittin/sebgħin sena ilu, kif kienu l-anzjani f’dak iż-żmien, u kif inhuma l-anzjani llum.

U hawnhekk jiena rrid, anki f’isem il-poplu Malti, nirringrazzja lill-anzjani kollha għall-kontribut kbir li taw matul ħajjithom – ħaddiema tal-idejn, professjonisti, nisa, irġiel – li b’mod jew ieħor ikkontribwew bla qies biex inbniet l-ekonomija li għandna llum. Dan li għandna madwarna, li qegħdin ingawdu aħna llum, ma ġiex mix-xejn. Dan ġie bil-ħidma ta’ min ġie qabilna u min għamel l-isforzi tiegħu kollha, kulħadd fil-livell tiegħu, biex l-ekonomija marret kif marret.

Però, fl-istess ħin ukoll imbagħad, jiena rrid nieħu l-okkażjoni biex f’isem l-anzjani kollha, u qed inġib quddiem għajnejja bħalissa l-Knisja ta’ Raħal Ġdid ippakkjata, kif kienet ftit ġranet ilu bl-anzjani li ġew hemmhekk biex jiċċelebraw Jum l-Anzjani, f’isimhom irrid ukoll nirringrazzja lill-poplu Malti, lill-amministrazzjonijiet, waħda wara l-oħra, li bit-tajjeb u bil-ħażin, min ħafna u min ftit, ikkontribwew biex il-ħajja tal-anzjani tal-lum hija dik li qegħdin jgħixu llum.

Wieħed mill-akbar kontributi li ngħataw kienet mhux biss il-bidla ħafna għall-aħjar fis-sitwazzjoni ekonomika tal-anzjani llum il-ġurnata, però anki fil-livell u l-kwalità tal-ħajja li qegħdin igawdu. Għandna pajjiż, u dan irridu nirrikonoxxuh, fejn il-livell tal-kura tal-anzjani huwa wieħed mill-aqwa li hemm fid-dinja. U ma nistgħux ma nirringrazzjawx lil kull min ħadem biex dan seħħ u biex l-anzjani llum qegħdin igawdu dawn il-benefiċċji.

Din is-sena, bħala tema għal dan il-jum, in-Nazzjonijiet Magħquda għażlet ‘ir-reżiljenza tal-anzjani f’dinja li qed tinbidel’, b’enfasi partikolari dwar ir-reżiljenza u kontribuzzjoni tan-nisa anzjani kif ukoll l-anzjani bħala kontributuri attivi fit-tibdil fil-klima.

Huma temi li filwaqt li jaffettwaw lill-anzjani kollha madwar id-dinja, huma wkoll riflessi fl-oqsma magħżula għall-premjazzjoni tas-serata tal-lum. L-attiviżmu mill-anzjani fil-qasam akkademiku, sportiv, kulturali u interġenerazzjonali juri biċ-ċar l-importanza li l-anzjani jibqgħu membri attivi fis-soċjetà.

Dan jagħmel ġid lill-persuna anzjana billi tħossha parti mill-komunità tagħha, u fl-istess ħin, bl-attiviżmu tagħha, tkun qed tagħti kontribut dirett fl-iżvilupp ekonomiku u soċjali tal-pajjiż u anki fil-ħarsien tal-ambjent.

Anzjan attiv u indipendenti jissarraf f’kuntentizza li tgħin mhux ftit fis-saħħa kemm fiżika kif ukoll dik mentali ta’ dan l-individwu. Matul dawn is-sentejn li għamilna mifruda minn xulxin minħabba l-pandemija, ġarrabna l-kruha tas-solitudni, fejn li tkun anzjan, u għaldaqstant fiżikament vulnerabbli, kien kważi ta’ xkiel għall-għajxien ta’ ħajja normali, biex ma nsemmux is-sagrifiċċji u t-tbatijiet li għaddew minnhom l-anzjani tagħna, speċjalment dawk li kienu fid-djar tal-anzjani, maqtugħin u mċaħħda milli jiltaqgħu mal-għeżież tagħhom minħabba l-miżuri li konna qegħdin nieħdu minħabba l-COVID.

Illum, għall-grazzja t’Alla, dawn ir-restrizzjonijiet m’għadhomx qegħdin hemmhekk u nistgħu naraw kemm l-esperjenza u l-għarfien tal-anzjani huma ta’ valur imprezzabbli. L-anzjani kapaċi jagħtu viżjoni mifruxa f’diversi oqsma msejsa fuq l-esperjenzi tagħhom tal-ħajja. Dan narawh b’mod partikolari fil-ħafna organizzazzjonijiet volontarji li jipparteċipaw fihom l-anzjani kif ukoll f’impenji ċiviċi oħra li jieħdu interess u li jkunu involuti fihom.

Dan jgħodd ukoll għal dawk l-anzjani li jibqgħu jaħdmu wara l-età tal-irtirar. It-tagħlim li jistgħu jipprovdu lill-impjegati iżgħar minnhom huwa wiesa’ u jwassal fit-tisħiħ tal-kumpanija jew tal-entità li jkunu qegħdin jaħdmu fiha.

Bil-Malti ngħidu: “kliem ix-xiħ żomm fih”.

Huwa tassew importanti li l-għarfien ta’ dawk akbar fl-età ma jintilifx u ma jitwarrabx. Kulħadd igawdi mit-taħlit interġenerazzjonali, fejn filwaqt li ż-żagħżugħ jipprovdi ideat ġodda u enerġija, l-anzjan għandu l-għodda li biha jista’ jagħmel evalwazzjoni ħajja u aktar realistika tal-implimentazzjoni tagħhom.

Minn studji varji joħroġ kemm, aktar ma jmur, il-popolazzjoni ta’ pajjiżi żviluppati qiegħda dejjem aktar tikber fl-età. Dan huwa fenomenu li għaddej mad-dinja ċivilizzata kollha. Huwa maħsub li sas-sena 2050, ftit inqas minn tletin fil-mija (30%) tal-popolazzjoni fl-Unjoni Ewropea tkun magħmula minn nies li għandhom ’il fuq mill-ħamsa u sittin sena.

Meta nqisu dan il-fatt, inkunu nistgħu napprezzaw aktar l-importanza li jkollna pajjiż fejn il-pensjonijiet u l-qasam tas-saħħa u l-kura fil-komunità jkunu u jibqgħu essenzjali sabiex kull anzjan jingħata d-dritt ta’ kwalità ta’ ħajja xierqa u dinjituża. Inkluż għal dawk l-anzjani li għandhom diżabilità u anki dawk li għandhom problemi ta’ saħħa fiżika u mentali. Dawn huma sfida għall-bqija tas-soċjetà biex nibqgħu ngħożżuhom, inħarsuhom u nagħtuhom il-kura kollha li għandhom bżonn sakemm il-Bambin jislifhom l-għomor.

Jiena nieħu gost nara li dan il-punt ġie mifhum u apprezzat anki fuq livell Ewropew bit-tnedija tal-hekk imsejħa “European Care Strategy” proprju xahar ilu. U hawnhekk irrid nagħmel rimarka żgħira meta semmejt fil-bidu kif inbidel il-kunċett tal-anzjani tagħna. Jekk wieħed jara t-Trattati tal-Unjoni fil-bidu, l-anzjan mhu msemmi mkien. Illum il-ġurnata hemm strateġiji u hemm policies li jmorru direttament għall-kura tal-anzjani.

Tkun xi ħaġa sabiħa wkoll li nibdew naraw l-anzjanità b’lenti aktar pożittiva.

Inħoss li fil-ħajja tal-lum hawn sens ta’ biża’ mix-xjuħija. Hemm min li għalih li ssir anzjan huwa rigal. Huwa żmien, għal ħafna, fejn, dejjem jekk is-saħħa tippermetti, l-individwu jista’ jwettaq affarijiet li minħabba l-ħafna impenji li kellu matul is-snin meta kien iżgħar, qatt ma sab iċ-ċans jew l-opportunità li jagħmilhom.

Bħalma hemm min iħares lejn l-anzjanità bħala rigal, sfortunatament nafu ħafna min, minħabba l-mard u l-kumplikazzjonijiet, jibda jħares lejn iż-żmien tax-xjuħija bħala tbatija u bħala anki dwejjaq. Però ma nħallux l-ideat jidħlu li nistgħu b’xi mod li lil dawk li jħossuhom frustrati f’dawn il-perjodi, niddeċiedu meta ntemmulhom ħajjithom. Dik mhijiex f’idejna u m’għandna qatt nitkellmu fuqha.

Qabel nagħlaq, nixtieq nagħti ġieħ mill-ġdid lill-Professur Victor Mallia Milanes, lil Henri Diacono, lil John Vella, lil James Evans kif ukoll lill-persuna li ftit tal-ħin ieħor se tirċievi l-Premju Anzjanità Attiva. Apparti s-sodisfazzjon personali, bl-attiviżmu tagħkom komplejtu tagħtu kontribuzzjoni diretta fit-tkattir tal-ġid ta’ pajjiżna.

F’isem kulħadd, nirringrazzjakom u nifirħilkom.

Skip to content