Onorevoli Ministru,
Onorevoli Segretarju Parlamentari,
Onorevoli Cutajar,
Kummissarju,
Mistednin Distinti,
Sinjuri,
Nixtieq nibda l-ewwel nett billi nirringrazzja lil kulħadd għal din l-istedina biex inkun qiegħed hawnhekk. Nilqagħkom ġewwa Sant’Anton ħalli jiġi varat dan il-proċess.
U qabel nibda nixtieq inkompli fuq dak li ntqal diġà billi ngħid kemm kienu diskorsi pożittivi li saru, diskorsi li jagħtu ħafna tama u nawgura minn qalbi li dan li qegħdin toħolmu fuqu, dan li qegħdin tippruvaw li twettqu, tilħquh fl-iqsar żmien possibbli u bl-ikbar kooperazzjoni minn kulħadd.
Ir-riformi li tkellimtu fuqhom, għadna kif smajna bihom issa, jiġifieri bid-dettalji fid-diskorsi tagħkom, u lqattu l-punti kemm dawk legali li jsawru s-settur tal-volontarjat, dawk ekonomiċi, kif ukoll dawk li jirregolaw il-ħidma tal-Uffiċċju tal-Kummissarju għall-Organizzazzjonijiet Volontarji. U kif għidtu tajjeb, dan qed jiġi mniedi proprju lejlet il-Jum Internazzjonali tal-Volontarjat. Jiena rrid nifraħ lil Jesmond hawnhekk għad-dinamika u d-dinamiżmu li daħal bih f’dan l-Uffiċċju. Insellem lil dawk li ħadmu f’dan l-Uffiċċju qabel, mhux b’nuqqas ta’ ħafna diffikultajiet li tfaċċaw huma u jaħdmu f’dan is-settur, però nammira u nawgura lil Jesmond ħalli jkompli għaddej bl-inizjattiva u bid-dinamika li daħal biha.
Din is-sena, bit-tema Volunteer now for a Common Future, in-Nazzjonijiet Uniti qed tfakkarna dwar l-importanza ta’ dan is-settur tal-volontarjat u kemm jagħmel ġid fil-ħajja ta’ ħafna nies madwar id-dinja. Dan mhuwiex settur ta’ ħafna kapriċċużi. Dan huwa settur ta’ nies committed, nies li għandhom ideal, nies li għandhom ir-rieda li jagħtu xi ħaġa mill-ħin tagħhom mhux bi ħlas, la ta’ flus u lanqas ta’ affarijiet oħra, biex jaraw li dak li jemmnu fih jitwettaq. Dan huwa fi kliem sempliċi l-volontarjat.
Bħalma għidtu diġà, f’Malta teżisti din ir-realtà wkoll. 1700 organizzazzjoni mhix ċajta, li meta inti mbagħad timmultiplika bin-numru ta’ nies li jkunu involuti, wieħed jifhem il-persentaġġ għoli f’dan il-pajjiż ta’ nies li b’xi mod jew ieħor qegħdin jiddedikaw ruħhom għall-volontarjat. Dan huwa numru sabiħ ħafna li minkejja ċ-ċokon fiżiku ta’ pajjiżna, dawn in-nies kollha jaħdmu u jolqtu kull settur tas-soċjetà tagħna.
Jiena nemmen għalhekk li struttura b’saħħitha li tieħu ħsieb l-interess kemm tal-voluntiera u l-għaqda tagħhom, kif ukoll ta’ dawk li jkunu qed jirċievu s-servizzi tagħhom hija mhux biss importanti imma anki bżonjuża.
Dawn ir-riformi li tkellimtu fuqhom dalgħodu diġà għandhom ikunu mezz ta’ kif is-settur jista’ jiġi megħjun jimraħ aktar, ikun iktar komdu f’qafas legali modern li jirrifletti l-prattiki tal-ħidma kemm preżenti kif ukoll dawk tal-futur.
Kollox jiddependi, kif diġà ġie indikat, fuq id-djalogu. Id-djalogu mal-partijiet kollha interessati fil-qasam tal-volontarjat huwa l-bażi għal riforma wiesgħa u inklussiva. Flimkien mal-partijiet kollha jista’ jiġi apprezzat u vvalorizzat aħjar dak it-tajjeb kollu li diġà jeżisti fuq livell legali, livell amministrattiv, u fil-prattika. B’hekk jistgħu jiġu identifikati l-oqsma li għad hemm bżonn li jiġu indirizzati bir-riforma li qegħdin nitkellmu fuqha.
U hawnhekk irrid nagħmel riflessjoni żgħira fuq dan l-ammont ta’ rieda tajba li għandna f’pajjiżna. Ħafna drabi nitkellmu b’mod negattiv, nitkellmu fuq in-nuqqasijiet, nitkellmu fuq il-firdiet, però ejjew nibdew nitkellmu l-ewwel u qabel kollox, biex nitilqu mid-diskussjoni x’irridu għall-futur ta’ pajjiżna, fuq dak li diġà jgħaqqadna, fuq dak li diġà qegħdin nagħmlu flimkien bla ebda sforz u bi żvilupp naturali matul is-snin.
Huwa tajjeb ħafna li l-Uffiċċju tal-Kummissarju għall-Organizzazzjonijiet Volontarji qed jiġi, ovvjament, mhux inkluż f’dan il-proċess, imma qed ikun dak li qed jinizja dan il-proċess. Dan l-Uffiċċju huwa ċentrali għat-tfassil u t-twettiq ta’ politika għall-volontarjat inklussiva li taqdi kull aspett ekonomiku, soċjali u kulturali ta’ pajjiżna.
Jiena rrid nieħu spunt mill-fatt li din ir-riforma se tmur lil hinn mill-Istrateġija Nazzjonali tal-Volontarjat li kienet imfassla, u saret referenza għaliha diġà, għas-snin 2019-2024, u se tkun qed testendi sal-2050. Jiena nfakkar fid-dover li pajjiżna għandu sabiex jilħaq il-miri stipulati min-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli (SDGs). Ma ninsewx li dawn suppost jintlaħqu sas-sena 2030, li huwa sempliċiment 8 snin ’il bogħod mil-lum.
Huwa għalhekk xieraq li napprezzaw is-settur tal-volontarjat f’dan il-kuntest ukoll, f’li wieħed jilħaq dawn il-miri tal-SDGs. In-Nazzjonijiet Uniti temmen li l-volontarjat fil-forom kollha tiegħu huwa għodda universali li kull pajjiż għandu juża sabiex jilħaq il-miri tal-iżvilupp sostenibbli. U kif għidt diġà, l-Aġenda 2030 tisħaq li l-volontarjat jifforma parti integrali mill-kuntratt soċjali sabiex jintlaħqu dawn l-għanijiet.
B’kuntratt soċjali, il-Programm tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Iżvilupp (UNDP) tifhem li huwa qbil unanimu bejn pajjiżi, komunitajiet u ċittadini dwar ir-rwol li kull wieħed għandu fit-tfassil, fit-twettiq u fl-evalwazzjoni ta’ politika tal-volontarjat li twassal għall-iżvilupp sostenibbli.
Jiena nħossni kburi meta naqra li n-Nazzjonijiet Uniti tirrikonoxxi u rrikonoxxiet il-kontribuzzjonijiet tal-għaqdiet voluntiera f’għadd ta’ pajjiżi, fosthom Malta, fejn jidħlu l-SDGs rigward il-protezzjoni tal-ambjent.
Huwa fatt li, bħalma nafu, il-qasam tal-ambjent huwa wieħed mill-oqsma li jiġbed u fih ħafna voluntiera li jaħdmu bil-lejl u bi nhar, għaddejjin sena wara l-oħra, biex jippromwovu l-affarijiet tajbin, il-pożittiv li joħroġ mill-ħarsien ta’ ambjent kif suppost ikun.
Jiena nixtieq li b’mod kollettiv, f’pajjiżna naraw li dawn il-miri jkomplu jintlaħqu f’kull qasam. Jiena nemmen li bis-saħħa tal-konsultazzjoni nazzjonali, li qiegħda tiġi varata proprju dalgħodu, dan għandu jseħħ biex b’hekk inkunu żguri li kulħadd ikollu aċċess għall-ġid nazzjonali b’mod ekwu u sostenibbli.
Għalhekk, biex nagħlaq, nawgura minn qalbi l-ħidma t-tajba lill-Uffiċċju tal-Kummissarju għall-Organizzazzjonijiet Volontarji fil-proċess ta’ riforma li għadu kif nieda, u nħeġġeġ lil dawk kollha involuti sabiex jieħdu sehem attiv u jkunu parti integrali fit-tisħiħ tal-qasam tal-volontarjat f’pajjiżna.
Nawguralkom suċċess fil-ħidma tagħkom.
Grazzi ħafna.