Dott. George Farrugia, President tal-Akkademja tal-Malti,
Sinjuri,
Għeżież membri tal-Akkademja tal-Malti,
Nistqarr magħkom li l-ewwel darba li sirt naf lill-Prof. Albert Borg kien meta ġejna biex inniedu l-Kampanja għall-Ilsien Malti fl-2020.
Kif tafu, sa mill-ewwel indirizz li għamilt lill-poplu Malti meta sirt President, l-ilsien Malti kien fost l-impenji li ħassejtni fid-dmir li nagħti prijorità, kif fissirt magħkom drabi oħra f’ħafna okkażjonijiet differenti. Jiena nemmen li għandna lkoll neżaminaw u nixtarru x’inhuma l-isfidi li qed iħabbat wiċċu magħhom ilsienna, nagħrfu x’inhuma l-problemi u nsibu, jekk nistgħu, is-soluzzjonijiet. Il-mistoqsijiet li qara l-Professur Farrugia, minn Cremona, huma validi llum. Però ċ-ċirkustanzi huma totalment differenti. L-aħħar darba konna qed nitkellmu jiena u l-mara, qiegħda tagħmel ċertu visti fl-iskejjel minħabba l-Piggy Bank Campaign, u qed jistqarru magħha li ma tistax titkellem bil-Malti fil-klassi għax f’ħafna klassijiet il-maġġoranza mhumiex Maltin. Jiġifieri mhux qed ngħid li m’għandniex nużaw il-Malti imma rridu anki naraw din ir-realtà li tiffittja ċ-ċirkustanzi li għandna llum il-ġurnata. Li hija xi ħaġa li f’ċertu skejjel, ovvjament, hija ħafna aktar akuta minn skejjel oħra.
Il-kampanja ‘L-Ilsien Malti għal Qalbi’ kellha tkun l-azzjoni u l-impenn li qegħdin nieħdu matul il-Presidenza sabiex inwasslu messaġġ bżonjuż u meħtieġ. Ilsienna jenħtieġ li nagħrfu nużawh tajjeb. Nerġa’ ntenni dak li għidt żmien ilu fit-tnedija ta’ din il-kampanja li din il-ħidma għandha twassal biex il-Maltin u l-Għawdxin japprezzaw iżjed l-ilsien Malti, element ewlieni tal-identità tagħna, u jħossuhom komdi jużawh mal-pubbliku, kemm fit-taħdit tagħhom, kif ukoll fil-kitba. U jiena dejjem kont ngħid: nużaw il-Malti tajjeb, u nużaw tajjeb il-Malti. Li huma żewġ affarijiet totalment differenti imma kumplimentari.
Jiena ma stajtx ma nibdiex billi nsemmi dan kollu għaliex l-għan aħħari ta’ din is-serata hu l-għoti tal-midalja tad-deheb lil dik il-persuna li tul ħajjitha ħadmet bis-sħiħ, u rajnieh fil-filmat, u tat kontribut eċċezzjonali biex jiżdied l-interess kemm akkademiku kif ukoll letterarju fi lsienna u huwa ħolqa minn din is-sensiela ta’ inizjattivi li għalihom qiegħda tikkontribwixxi wkoll il-Presidenza. L-iskop aħħari tiegħi huwa li nwasslu messaġġ ċar u mingħajr ekwivoku dwar l-importanza tal-ilsien Malti.
Kif stajtu taraw matul il-programm li tħejja llejla, il-Prof. Albert Borg jixraqlu tassew li jidħol f’din ix-xirka ta’ Akkademiċi tal-Malti Onorati, aktar u aktar meta wieħed iżomm f’moħħu li mal-mixja tas-snin huwa ħadem u stinka mingħajr wisq daqq tat-trombi, fis-skiet tal-istudju tiegħu, mal-istudenti u l-kollegi tiegħu, u l-mara tiegħu, jirriċerka, jeduka u jxerred it-tagħrif u t-tagħlim.
Sa mill-ewwel riċerka tiegħu l-Prof. Borg ippropona reviżjoni xjentifika tal-ortografija Maltija. Aktar tard akkwista dottorat b’teżi li eżaminat ir-relazzjoni tal-kategoriji tat-temp u tal-aspett kif tinsab imfissra fil-morfoloġija inflettiva tal-verb Malti.
Flimkien ma’ kollegi oħra waqqaf l-Istitut tal-Lingwistika fl-Università ta’ Malta u mexxieh minn Novembru tal-1994 sa Settembru tal-2008.
Kif stajna lkoll naraw u napprezzaw, apparti t-tagħlim, il-Prof. Borg stinka biex l-istudju tal-Malti jitpoġġa f’kuntest iktar wiesa’ f’kollaborazzjoni sfiqa ma’ entitajiet kemm lokali kif ukoll barra minn Malta. Dan minbarra l-pubblikazzjonijiet f’ismu, u ħafna xogħlijiet oħra flimkien ma’ studjużi minn oqsma differenti tal-Lingwistika. Kien wieħed mill-ewwel membri tal-AIDA, (l-Assoċjazzjoni Internazzjonali tad-Djaletti tal-Għarbi) u għen fit-twaqqif tal-Għaqda Internazzjonali tal-Lingwistika Maltija. Hu wkoll kien il-President tal-Akkademja tal-Malti minn Awwissu tal-2018 sa Lulju tal-2019. Kien f’dan il-perjodu li appuntu jien sirt naf lill-Prof. Albert Borg.
Għandi pjaċir ninnota li issa l-Professur Borg se jiżdied mal-lista twila ta’ persunaġġi prominenti rikonoxxuti għal ħidmiethom mill-Akkademja tal-Malti li fost dawn insibu wkoll nies bħall-Prof. Oliver Friggieri, il-Mons. Lawrenz Cachia, Trevor Żahra, Victor Fenech, Lina Brockdorff u l-Prof. Manwel Mifsud.
Illum qegħdin nagħtu għarfien mistħoqq għall-karriera twila mogħtija għall-imħabba tal-Malti.
Grazzi, Prof. Albert Borg, tal-viżjoni u l-ħidma tiegħek b’risq il-Malti. Ħafna drabi nies bħalek issibhom jaħdmu id f’id ma’ nies oħra mingħajr wisq protagoniżmu, dedikati tant li wara għexieren ta’ snin ta’ ħidma jkun jixirqilhom dan il-ġieħ f’ħajjithom – apprezzament ċkejken, verament, imma sinċier għal min tabilħaqq jagħraf is-siwi li jsaħħaħ l-ilsien li tagħtu ommu għax fih hemm ir-ruħ u l-għeruq ta’ nisel art twelidu.
Grazzi ħafna tal-attenzjoni tagħkom.
_____________________________