The President of Malta

Diskors mill-Eċċellenza Tiegħu George Vella waqt l-Għotja tal-Midalja “Ġwanni XXIII għat-Tjubija – 2021”

Premju Papa Gwanni XXIII

Nibda, l-ewwel nett, billi nilqagħkom hawnhekk u nirrimarka li meta wieħed iqis x’tip ta’ ħajja qegħdin ngħixu u jkejjel minn dak li jidher fil-gazzetti, is-social media, il-lingwaġġ tat-tgħajjir li nużaw, l-insulti, il-ġlied, l-insinwazzjonijiet u d-diskors baxx, wieħed ġustament jistaqsi għadx fadal tjubija.

U Patri Dijonisju għamel diskors mirqum ħafna u studjat, li naqsam totalment il-ħsibijiet tiegħu miegħu, fejn ipprova jislet fejn rajna tjubija, kif ngħidu bl-Ingliż, “in action” meta kellna l-COVID.

Dan huwa veru, għaliex is-solidarjetà li rajna u l-espressjonijiet ta’ affett u dover fl-oqsma kollha, hija xi ħaġa li tikkwalifika veru bħala tjubija. Però mbagħad fir-riflessjonijiet, jiena ngħid ir-riflessjonijiet Franġiskani, li għamel: imħabba lejn in-natura, imħabba lejn l-annimali, imħabba lejn dak kollu li hu maħluq, dawn huma affarijiet li sfortunatament għadna m’aħniex edukati sew fihom u nibża’ wkoll li ħafna minn dak, ħalli ngħid il-kelma, “sentimentaliżmu” li rajna matul il-COVID, malli bdejna ħerġin minnu, bdejna nerġgħu naraw l-inkwiet, il-ġlied, il-piki, it-tgħajjir li assolutament huma xi ħaġa li diffiċli biex wieħed joħroġ minnhom.

Però, għall-grazzja t’Alla, l-imħabba u l-mogħdrija jegħlbu kull diffikultà fil-ħajja u, kif għidt u kif qal Patri Dijonisju, rajnihom jitħaddmu proprju f’dawk il-ġranet.

Dal-premju li tajjeb illi jġedded il-kunċett ta’ tjubija kull sena, wara das-snin kollha, iktar minn 50 sena jiġi mogħti, bħalma tafu, ġie ispirat minn Papa Ġwanni XXIII li kien jemmen bis-sħiħ fl-atruwiżmu.

Patri Dijonisju wkoll jemmen fl-altruwiżmu għax inutli jkollok xi ħadd, xi patri, kien min kien, jiġi jippritkalna x’għamel ħaddieħor jew x’qal ħaddieħor, u mbagħad tħares lejh u tgħidlu “Int x’għamilt?”

Patri Dijonisju, kif jgħidu, he stands the challenge. Patri Dijonisju daż-żmien kollu, sena wara sena, rajnieh jaqsam ħajtu u kulm’għandu ma’ ħaddieħor, prinċipalment ma’ barranin. U kif qed ngħid, dan huwa eżempju ta’ kif wieħed jagħti lilu nnifsu lil ħaddieħor però fl-istess ħin ukoll ikun eżempju ħaj ta’ dak li qed jipprietka.

Illum għandna hawnhekk lil Kylie u lil Valentina. U dawn ukoll urewna tjubija differenti, ta’ ċertu tip. Spjegat kif għenu lil xulxin u għalhekk huwa tajjeb li wieħed jirrikonoxxi kif il-ħbiberija tagħhom u anki bis-saħħa ta’ din il-ħbiberija kienu ta’ eżempju sabiħ għal sħabhom, huma stess u anki għall-għalliema u l-edukaturi tagħhom.

L-istorja ta’ dawn iż-żewġ tfajliet laqtitni u emozzjonatni. Jiena naf li s-soltu ġieli jkollok lil min qed jagħmel l-att u min qed jirċevih. F’dal-każ, kif spjegat tajjeb fid-dettalji li tat, jidher li kien hemm interazzjoni bejniethom u t-tnejn iggwadanjaw bis-sħiħ minn din ir-relazzjoni u għalhekk huwa importanti li wieħed jirrikonoxxi dawn l-atti u dawn, ħa ngħid hekk, is-sitwazzjonijiet fejn jispikkaw dawn l-emozzjonijiet.

Il-ħajja tgħallimna li hija mimlija tlugħ u nżul u b’dawn l-esperjenzi aħna, anki meta naqraw fuqhom u narawhom, nissaħħu fil-karattru. Nużawhomx jew nitgħallmux mingħandhom hija storja oħra. Però, normalment aħna nibdew napprezzaw dawn l-affarijiet meta nibdew nitfarfru xi ftit. Meta nkunu għadna żgħar ma tantx napprezzawhom. Ħafna drabi meta nkunu għadna żgħar inkunu għadna m’aħniex moħħna, ħalli ma nużax dik il-kelma “vvalenat”, imma kkontaminat forsi mill-preġudizzji jew inkella minn ideat u allura aħna ngħidu t-tfal kemm huma ħelwin għaliex jaġixxu b’mod naturali.

Meta nibdew nikbru, sfortunatament, u għalhekk Patri Dijonisju għamel enfasi enormi fuq l-edukazzjoni, l-edukazzjoni hija importanti li ma tħallix li aħna nikkontaminaw moħħ it-tfal. Insemmi pereżempju xi ħaġa żgħira, l-ideat razzjali, wieħed jara tfal żgħar ġo klassi mħallta kuluri differenti, reliġjonijiet differenti jilagħbu flimkien, jgħannqu lil xulxin, m’għandhom l-ebda idea ta’ differenzi bejniethom. Meta jibdew jikbru, jibdew imbagħad l-influwenza tal-familja, l-influwenza tal-midja, l-influwenza tal-affarijiet kollha. U dawn isiru mbagħad razzisti, nibdew insiru iktar selettivi aħna u nikbru.

Niġu lura għall-każ ta’ Kylie u Valentina. Sa minn ċkunitha, Kylie ċ-ċirkostanzi f’ħajjitha kienu diffiċli. Però minkejja dan, Kylie kienet reżiljenti. Uriet kemm avolja ta’ età daqshekk żgħira, m’għandek qatt taqta’ qalbek. Jekk taħdem u tistinka, xi darba tasal. U llum għandek prova ta’ dak li qegħdin ngħidu.

Apparti minn hekk, Kylie wkoll uriet kemm anki jekk kellha d-diffikultajiet personali u akkademiċi tagħha, hi xorta riedet tkun ta’ għajnuna għal ħaddieħor.

Kif rajna, bil-paċenzja u b’ħafna pożittività, Kylie fetħet dinja ġdida lil Valentina.

Permezz ta’ dan, Valentina irnexxielha tilħaq miri akkademiċi li forsi qatt ma kienet taf li kienet kapaċi tilħaqhom għaliex ovvjament fejn hemm tnejn jaħdmu flimkien, one plus one make three f’dal-każ.

Kylie min-naħa l-oħra wriet lil kulħadd kemm l-indifferenza taf tkun kerha u taf titfgħek f’dinja ta’ solitudni fejn tħossok li ma tiswa xejn.

U allura rrid ngħid grazzi f’isem kulħadd lil Kylie u anki llum lil Valentina għaliex dawn tgħallmu jaħdmu flimkien, tgħallmu jesprimu ruħhom, u bis-saħħa t’hekk għamlu ħbieb ġodda, u twessa’ ċ-ċirku soċjali tagħhom.

Sinjuri,

Jiena naħseb, forsi qed nerġa’ nirrepeti, għaliex kif qalet Jessica, inħoss li hemm ħafna x’nitgħallmu minn dawn iż-żewġ tfajliet. U bħalma semmejt, iktar ma mmorru ’l isfel fit-tfal, iktar naraw in-naturalezza, naraw is-sinċerità, naraw l-innoċenza. Iktar ma nikbru, iktar wieħed japprezza li wieħed jibqa’ jżomm it-tjubija għax ikun qed iżommha kontra l-mewġiet li sfortunatament titfgħalna s-soċjetà.

Kif tafu, jiena għandi ħafna għal qalbi u nitkellem ħafna dwar l-importanza tal-għaqda nazzjonali. U din tibda tintwera f’għemejjel żgħar li jibnu kollha flimkien biex fl-aħħar jaslu biex naslu xi mkien u għal dan irid ikollok ħafna eluf ta’ Kylie u eluf ta’ Valentina li flimkien, minkejja d-differenzi, jippruvaw jgħinu lil xulxin.

Jiena konvint li l-għaqda nazzjonali mhix għażla. L-għaqda hija bżonn. Anki mil-lat ekonomiku għall-pajjiż, mil-lat politiku, mil-lat soċjali. Din mhix kapriċċ, ngħidu “Ejja nippruvaw inneħħu d-differenzi ta’ bejnietna”.

Jiena nemmen li din hija bżonn għas-suċċess biex nimxu ’l quddiem. U waqt li fl-ebda ħin, u nirrepetiha kif jgħidu ad nauseam, mhu qed ngħid li ħa nispiċċaw ngħannqu lil xulxin u nitbewsu kollha bejnietna qisu m’hemm differenzi xejn bejnietna, jien dejjem ninsisti li meta ngħid l-għaqda nazzjonali qed nifhem li nnaqqsu l-firdiet li hemm bejnietna, li nnaqqsu l-preġudizzji li hemm bejnietna, li nnaqqsu s-sens ta’ superjorità li wħud minna għandhom fuq oħrajn.

Nikkomunikaw ta’ persuni ċivilizzati, b’mod rispettuż, b’mod dinjituż u bla ma ninsultaw. Naqsmu l-opinjonijiet, mela le, niddiskutuhom, nippruvaw nikkonvinċu lil ħaddieħor, nippruvaw inwasslu l-messaġġ, però ma nistgħux inkunu qegħdin jiena wara sur fuq naħa u inti wara sur in-naħa l-oħra ngaraw il-ġebel, ngħajru lil xulxin, ninsulentaw lil xulxin u nittamaw li bl-allegazzjonijiet li nagħmlu nħammġu lil ħaddieħor. Dan mhux il-mod kif jimxi pajjiż.

Jien nemmen li qatt ma jista’ jkollna l-għaqda jekk inħallu l-indifferenza u l-egoiżmu jirbħuna.

Il-valuri tar-rispett, l-empatija u l-imħabba huma l-blata li twassal għall-għaqda.

Dawn jibdew jinħmew ġo fina minn meta nkunu żgħar, kif spjegajt diġà, imbagħad ikomplu fil-familji u fl-iskejjel tagħna. U sfortunatament wieħed jipprova jifridhom meta niġu għall-influwenza tas-soċjetà, tal-ħbieb u dik li ngħidulha l-peer pressure.

Għalhekk nemmen ħafna fl-edukazzjoni u fil-ħin ta’ kwalità li jingħataw it-tfal.

Qabel ma faqqgħet il-pandemija, ħajjitna kienet qisha vleġġa li ma tieqaf qatt. Kulħadd għaddej xkanat, kulħadd għandu x’jagħmel, u ħadd ma kien qiegħed jagħti wisq attenzjoni għal dak li kellna bżonn nagħmlu għal xulxin. Fr Mintoff spjegaha ħafna fid-dettall u kif għidt diġà hemm ħafna x’tirrifletti f’dak li kien qed jgħid.

L-imxija u l-pandemija ġabu restrizzjonijiet soċjali li kollha għexnihom, li kollha nafu x’jiġifieri, però fiha nnifisha wkoll uriet ċertu aspett ta’ għaqda li, bħalma għidt, sfortunatament hi għaqda li minn issa qed naraw diġà tinħall, mhux qed tkompli.

Aħna rawwimna fina l-bżonn li nieħdu ħsieb lil xulxin u għamilna ħafna eloġji lill-frontliners u nċapċpulhom u nagħmlu dawn l-affarijiet kollha. Però għadna qegħdin bejnietna, fejn ma tidħolx il-COVID, nittrattaw lil xulxin aħjar milli konna nittrattawhom qabel? Jiena għadni m’iniex konvint.

Għall-inqas kif għidt fil-bidu jekk wieħed ikejjel minn dak li naqraw fuq is-social media u fuq dak li Patri Dijonisju għamel referenza għalih u hemm ħafna f’dak li qal illi t-tfal jagħfsu erba’ buttuniet u jispiċċaw jiżfnu, jibku, jidħqu, jagħmlu x’għandhom jagħmlu, miġbudin bl-ispag ta’ dawk il-kbar li qegħdin iħaddmu.

U rrid nistqarr li qabel il-Konferenza, Patri Dijonisju, jien ukoll kont nemmen illi l-kbar bħal Facebook u l-oħrajn qed jagħtu servizz u li aħna konna qegħdin nagħmlu użu minn dan is-servizz. Illum konvint, għaliex xprunawni ċertu ħsibijiet li ntqalu dakinhar u fittixt u qrajt li aħna, bla ma qed nindunaw, qegħdin pawns f’idejn dawn l-organizzazzjonijiet li taħt it-titlu ta’ servizz qegħdin jużawna għall-interess tagħhom biex jagħmlu l-biljuni.

U hawnhekk irridu noqogħdu attenti u nappella lit-teachers li hawn hawnhekk li għandhom xi effett fuq it-tfal biex iwissuhom, biex ikunu jafu x’inhuma l-perikli li qegħdin fihom. Li dak li jidher ħelu, dak li jidher tajjeb, dak li jidher faċli, dak li jidher li huwa divertiment, qegħdin nieħdu gost bih, inkunu qegħdin nidħlu bil-mod il-mod fin-nassa ta’ dawk il-kumpaniji li minna qegħdin jagħmlu negozju tremend.

Bi kliemna u b’għemilna nistgħu nkunu wkoll, għax jiena forsi kont ftit negattiv, ta’ faraġ u ta’ kuraġġ. Nistgħu noffru tama fejn tama m’hemmx. Hekk tassew ħajjitna tieħu xejra differenti fejn aħna nkunu ta’ servizz għall-ħaddieħor u l-egoiżmu u l-frugħa ma jkollhomx post f’ħajjitna. Wieħed jekk iħares ħarsa waħda biss lejn id-Dar tal-Providenza u jħares f’uċuħ dawk il-pazjenti li hemm hemmhekk, jifhem x’qed ngħid u jinduna fejn wieħed jista’ jagħmel il-ġid.

Il-Papa Franġisku, fl-Enċiklika tiegħu Fratelli Tutti, jispjega kif l-imħabba tagħna lejn ħaddieħor, għal dak li vera huma, tixprunana biex dejjem infittxu l-aħjar f’xulxin. Din hi li tagħmel “l-imħabba soċjali”, li ma teskludi lil ħadd, fi spirtu ta’ fraternità li jżommna miftuħin għal xulxin. U hawnhekk wieħed meta jaqrahom dawn, kemm din u anki Laudato Si, huma żewġ enċikliċi li l-Papa, nafu li hu Ġiżwita, però l-isem ta’ Franġisku li ħa, ħadu għaliex verament jemmen fil-filosofija Franġiskana.

Fid-dinja tal-lum inħoss li nsejna kif nagħżlu dak li għandu jkun ta’ prijorità u dak li mhuwiex. Illum nagħżlu biss l-immedjat – dak li għandi bżonn jien u mbagħad jekk jibqa’, ħaddieħor jara hu. Imma l-eġoiżmu, nammettuh jew ma nammettuhx u l-mod kif aħna nħarsu lejn ħaddieħor, m’hemmx dubju illi għandna ħafna ħafna ħafna fejn aħna nirranġaw.

Kultant ninnota b’dispjaċir, li għal ħafna, il-valur tal-ħajja u l-kuntentizza tagħhom jiġu mkejla b’kemm għandhom “likes” jew kemm għandhom “klikks” fuq il-paġni soċjali li bħalma nafu jieħdu ħafna ħin mill-ħin tat-tfal tagħna u taż-żgħażagħ tagħna.

Jien nitħasseb ħafna meta dawn il-pjattaformi jintużaw biex ngħajru u nweġġgħu minflok biex inżommu kuntatt.

Nipprova nagħlaq, lil Kylie u lil Valentina ngħidilhom grazzi tal-fatt li ġibtuna flimkien u ġegħeltuna nirriflettu b’dal-ħsibijiet fuq x’jagħmel it-tjubija, x’messaġġ twassal, kemm tgħaqqad, u kemm iġġegħelna nirriflettu wara kollox li dan huwa ħafna iktar b’sintonija mal-bniedem milli l-għemejjel li mhumiex.

Il-bniedem biex jagħmel il-ħażin irid jisforza. It-tajjeb, jekk iħallih, jiġi waħdu.

Imma mbagħad, ħafna drabi, nibdew nagħmlu l-kalkoli u ngħidu: “Imma jaqbilli, ma jaqbillix? Se jiġri hekk, se nagħmel hekk” u mbagħad dak li huwa li nixtiequ li n-natura tħallina nagħmlu li inti tgħid: “Iva, qed nara bniedem imweġġa’, ħa mmur nipprova ngħinu, ħa mmur nipprova nagħtih l-għajnuna tiegħi”, imbagħad jekk inti tgħid: “Imma jekk immur ngħinu mbagħad jgħidu jien ħa mmur nipprova nisirqu”, mela tagħmel il-kalkoli u l-idea tbiddilha għalkollox.

U għalhekk irrid ngħidilkom li intom b’għemilkom urejtuna li fost is-superfiċjalità u l-affarijiet kollha li semmejt li qed ngħixu fihom, kemm għad hawn valuri li huma ħafna importanti illi jistgħu jiġu adottati f’kull età.

Jiena rrid nirringrazzja lil Patri Dijonisju Mintoff, bħalma għamilt is-sena l-oħra, li żamm din it-tradizzjoni sabiħa li jfittex u jippremja atti ta’ tjubija fost iż-żgħar tagħna.

Nirringrazzja wkoll lill-għalliema u l-edukaturi tal-Kulleġġ San Benedittu, Sekondarja ta’ Ħal Kirkop tas-sapport kontinwu li offrejtu lil Kylie u lil Valentina.

Nagħlaq billi nawgura lil Kylie għal dan il-premju mistħoqq u nħeġġeġ lill-istudenti l-oħra jsegwu l-eżempju tagħhom.

Nirringrazzjakom.

Skip to content