The President of Malta

Diskors mill-Eċċellenza Tiegħu George Vella waqt l-Għotja tal-Midalja “Ġwanni XXIII għat-Tjubija – 2022”, 24 ta’ Ġunju 2022

President Emeritu,

Reverendu Dionysius Mintoff

Sinjorini

Għalliema u Edukaturi

Sinjuri

Għal sena oħra qed niltaqgħu sabiex flimkien niċċelebraw it-tjubija fost it-tfal tagħna.  Nippremjaw ġesti żgħar, li għal min ikun qed jirċevihom ifissru d-dinja.

Hekk juruna Chayenne u Szintia. 

Ir-rabta ta’ bejnietkom, għeżież tfal, jew żgħażagħ pjuttost, tfakkarna kemm bl-empatija u l-mogħdrija, kapaċi negħlbu d-diffikultajiet u nwettqu u nilħqu għanijiet li ma konna qatt nimmaġinaw. 

Ħafna drabi dik il-kelma ta’ kuraġġ jew sempliċiment li xi ħadd li jisimgħek u jifhem is-sitwazzjoni tiegħek taf tkun dak kulma jkun hemm bżonn biex wieħed iqawwi qalbu.

Jew min ifakkrek li minkejja t-taħbit, dejjem għad hemm it-tama ta’ ġejjieni sabiħ.

Ilkoll għadna kemm ħriġna, kif qal Patri Dijonisju, minn sentejn diffiċli immens. Il-pandemija ġabet magħha sens ta’ biża, inċertezza u qtugħ ta’ qalb.  Ħafna minna ġarrabna mumenti ta’ dwejjaq speċjalment dawk li kienu waħedhom, speċjalment l-anzjani, maqtugħin minn nieshom u ħbiebhom għax kienu vulnerabbli. Bħalma nafu lkoll, il-firda kienet wisq kiefra.

Dawk iż-żminijiet għallmuna ngħożżu lil dak kollu li verament iġibilna ferħ f’ħajjitna. Ħafna drabi mhux dak li konna nimmaġinaw imma affarijiet oħra. Kellna ċ-ċans nirriflettu kemm il-materjaliżmu, il-flus, il-poter u dak kollu li jinxtara bil-flus ma kellux is-saħħa la biex ifejjaqna fiżikament u lanqas biex ikattar il-paċi u jimla l-vojt tar-relazzjonijiet li tassew konna mixtieqa minnhom.

Kienet tassew ħasra li filwaqt li kellna ċ-ċans nixtarru fuq dak li vera jgħodd, b’tama li nibdew nibnu ħajjitna mill-ġdid, kellna nixhdu għal att ta’ mibegħda u kruha ta’ gwerra oħra li għandha wkoll effett dirett fuqna. Gwerra li ma hi xejn ħlief riżultat ta’ kilba għall-poter, u fantasija ta’ saħħa militari u politika.

Nixtieq li ma ninsewx dak kollu li tgħallimna waqt li konna iżolati u msakkrin u maqtugħin ġo djarna.  Nixtieq li bħala poplu wieħed u magħqud nitgħallmu minn dawn iż-żewġ tfajliet. 

L-egoiżmu, l-indifferenza u r-rgħiba jwasslu biss għal firda u jeqirdu l-umanità li tant ħassejna n-nuqqas tagħha matul il-pandemija. 

Tul il-Presidenza tiegħi tkellimt u appellajt ħafna drabi għall-għaqda nazzjonali.  Din ma tiġix mix-xejn.  Din trid tibda minn qafas familjari u tibqa’ tikber u titkattar f’kull livell u b’hekk jitkattar il-ġid komuni li jikber u jissaħħaħ fuq livell nazzjonali u dak internazzjonali. 

Dan kien ukoll stqarru l-Papa Ġwanni XXIII inniffsu fl-enċiklika tiegħu Pacem in Terris.  Minkejja li din inkitbet fl-1963, il-ħsieb ta’ din l-enċiklika għadu validu sal-lum.

Sa mill-kitbiet tal-Atti tal-Appostli nafu li l-poplu tagħna dejjem kien poplu li jgħożż il-paċi u li jilqa’ fi ħdanu lil dawk kollha li jfittxu kenn mill-jasar.  Il-Papa Franġisku waqt iż-żjara tiegħu f’Malta fakkarna kemm-il darba dwar dawn l-episodji u rrepetih anke qabel ġie hawn Malta u wara li telaq. 

Fil-bidu ta’ Ġunju, Malta ġiet mogħtija siġġu fil-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti.  B’hekk se nkomplu naqdu l-missjoni tagħna li nagħżlu l-paċi flok il-gwerra, li nagħżlu d-djalogu flok l-indifferenza u li nkunu vuċi għal dawk li m’għadhomx, filwaqt li naraw li l-ġid komuni dinji jiġi mħares.  Dan ser inkunu qed nagħmluh b’umiltà ta’ pajjiż li dejjem tkellem dwar ir-rispett bejn il-popli kollha tad-dinja.

L-istorja millenarja ta’ dan il-pajjiż ċkejken hija xhieda tassew li fejn hemm l-għaqda hemm is-saħħa.  Jiena nerġa’ ntenni li din l-għaqda hija msejsa fuq l-empatija u r-rispett li jibdew fil-familja, li jinfirxu fil-klassijiet tal-iskejjel u jissaħħu fuq il-postijiet tax-xogħol u fil-ħajja ta’ kuljum.

Fuq dan l-isfond ta’ pajjiż li dejjem ħadem favur u pprietka l-paċi, għan-nom tal-Poplu Malti nirringrazzja lil Patri Dijonisju Mintoff li kien pijunier fil-promozzjoni tal-paċi u tal-inklużjoni f’pajjiżna.  Il-ħidma tiegħu fil-Laboratorju tal-Paċi kienet xprun fit-tkattir tat-tjubija u tal-għaqda. Dan minbarra x-xogħol siewi li għamel matul is-snin mal-immigranti. Din hija ħidma li ġiet rikonoxxuta b’mod ċar mil-Q.T. Papa Franġisku li għamel iż-żjara tiegħu fil-Laboratorju tal-Paċi waħda mill-avvenimenti importanti taż-żjara tiegħu f’Malta.

Nifraħ lil Chayenne talli qed tħaddan il-valuri nobbli tal-ħbiberija, u l-altruwiżmu billi qed tkun ta’ spalla importanti għal Szintia. Fuq kollox, nifraħlek ukoll li qed tiġi mogħtija l-Midalja “Ġwanni XXIII għat-Tjubija” għal din is-sena.

Nifraħ lill-edukaturi tiegħek li għarfu l-kwalitajiet sbieħ li għandek.

Nifraħ lill-ġenituri tiegħek li għenuk tiżviluppa dawn il-kwalitajiet tajba fik.

Fuq kollox nawgura li Szintia tkompli tapprezza dak kollu li qiegħda tagħmel magħha Chayenne.

Lil Chayenne nawguralha u nħeġġiġa tkompli tkabbar fiha dan is-sens ta’ altruwiżmu, dan is-sens li tgħin lil ħaddieħor.

Konvint li minbarra li l-aġir tagħha qiegħed jgħin lill-ħaddieħor, qiegħed ukoll jagħti sens ta’ sodisfazzjon lilha f’qalbha.

-tmiem-

Skip to content