The President of Malta

Diskors mill-President ta’ Malta George Vella fl-okkażjoni ta’ Jum ir-Repubblika

Onorevoli Prim Ministru

Onorevoli Speaker

Onorevoli Ministri

Onorevoli Kap tal-Oppożizzjoni

Kollegi Presidenti Emeriti

Eċċellenzi

Mistednin Distinti

Dan huwa r-raba’ diskors tiegħi fl-okkażjoni ta’ Jum ir-Repubblika.

Illum qegħdin niċċelebraw it-48 anniversarju minn meta pajjiżna laħaq l-ogħla livell ta’ sovranità li pajjiż jista’ jilħaq. Għal pajjiż li sa għaxar snin qabel kien għadu kolonja tal-Imperu Ingliż, dan ma kienx żvilupp żgħir. Minkejja li kien f’din is-sena li għall-ewwel darba fl-istorja ta’ pajjiżna kellna Kap ta’ Stat Malti, pajjiżna kien għadu ma laħaqx dik l-indipendenza ekonomika li setgħet tagħmlu verament ħieles.

Din kienet ħolma li ġenerazzjonijiet sħaħ ta’ Maltin kellhom matul is-snin.

Mexxejja differenti tal-poplu Malti ħeġġewh jieħu rajh f’idejh. Kien hemm min beża’ li weħidna ma nkampawx. Għamilna l-ewwel passi bħala poplu meħlus mill-kolonjaliżmu, meta ħadna l-Indipendenza, u bdejna mill-ewwel nimirħu fl-oqsma tal-politika internazzjonali, spalla ma’ spalla ma’ pajjiżi akbar, u pajjiżi iċken minna, fis-swali tal-Ġnus Magħquda, il-Kunsill tal-Ewropa, u fora oħra internazzjonali.

Pajjiżna kiseb identità ġdida.

Stajna nimxu ’l quddiem bla tfixkil politiku u bl-anqas taqlib soċjali. Biex wasal sa dakinhar, f’pajjiżna ma nxteridx demm. Ma kellniex priġunieri politiċi. Ma kienx hemm, bħalma sar f’ċerti pajjiżi oħra, il-bżonn ta’ xi proċess ikkumplikat ta’ rikonċiljazzjoni, jew tpattija ta’ danni. Il-maġġoranza mxiet flimkien b’mod demokratiku, matur u mimlija bit-tama. Bħala pajjiż sovran bdejna nerfgħu responsabilitajiet ġodda. Ridna nipprovdu l-għajxien, u ridna ntejbu ċ-ċirkostanzi ta’ madwarna biex nagħtu lil ħutna ħajja dejjem aħjar.

Gvern wara gvern mexxa lil pajjiżna ’l quddiem f’dawn iż-żminijiet li mhux dejjem kienu faċli, la mill-aspett ekonomiku dinji, u lanqas min-nuqqas ta’ sigurtà u stabilità fir-reġjun ta’ madwarna. Fit-tħaddim tal-politika interna tagħna, għaddejna minn żminijiet li kultant kienu diffiċli. Dak li żammna fuq it-triq id-dritta kien dejjem it-tħaddim tad-demokrazija. Saru kemm saru argumenti, u kienu kemm kienu sħan id-dibattiti, fl-aħħar mill-aħħar kulħadd baxxa rasu għar-rieda tal-poplu kif espressa meta mitluba.

Aktar ma ġiet apprezzata l-libertà politika, ’il bogħod kemm jista’ jkun mit-toqol tal-kolonjaliżmu, aktar kibret ix-xewqa li ma nerġgħux ngħaddu minn dak li għaddejna minnu għal sekli sħaħ… ix-xewqa li ma nservu qatt aktar bħala bażi li minnha pajjiż jattakka pajjiż ieħor. Tħabatna u ħaqqaqnieha biex nuru kemm kienet utli l-paċi fil-Mediterran għas-sigurtà tal-Ewropa, u ddikjarajna lil pajjiżna bħala pajjiż newtrali. Fil-qasam internazzjonali saħħaħna l-identità tagħna bħala pajjiż Mediterranju, b’interessi kemm fil-pajjiżi tan-naħa ta’ fuq tal-kontinent Afrikan, kif ukoll fil-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea.

Meta wasal iż-żmien, u l-poplu ddeċieda, in-newtralità tagħna ma żammitniex milli niddeċiedu li bħala pajjiż sovran, insellfu – aktar milli nċedu – is-sovranità tagħna lill-Unjoni Ewropea, biex flimkien mas-sovranità ta’ pajjiżi oħra nagħtu s-saħħa li biha niggvernaw lilna nfusna għall-ġid komuni tal-Istati Membri li għażlu li jissieħbu f’din l-għaqda.

In-newtralità sal-lum ma fixklitniex milli nieħdu pożizzjonijiet ċari kontra min iwettaq il-ħażen, l-atroċitajiet, u kontra min jisfida l-liġijiet u l-konvenzjonijiet internazzjonali. F’kull okkażjoni li nħolqot ikkundannajna dak li kien ħażin, u xejn ma żammna milli ngħinu lill-vittmi ta’ dawn l-abbużi bil-mezzi kollha possibbli, ħlief dawk ta’ natura militari li jkunu jistgħu jintużaw biex jinqatlu persuni oħra.

Sal-lum in-newtralità għadha pożizzjoni politika valida u ma tfixkilniex fil-ħidma ta’ pajjiżna fit-twettiq tal-politika la tal-Unjoni Ewropea u lanqas fil-politika barranija ta’ pajjiżna.

Għat-tieni darba minn mindu sirna Repubblika, se nerġgħu nieħdu postna għal sentejn fil-Kunsill tas-Sigurtà tal-Ġnus Magħquda, minn Jannar li ġej. Din mhix biss pożizzjoni prestiġjuża, iżda wkoll waħda li turi l-fiduċja li wrew tant pajjiżi minn madwar id-dinja meta vvutawlna biex nokkupaw din il-pożizzjoni. Din il-ħatra tgħabbina b’responsabilitajiet mhux żgħar. M’aħniex se mmexxu d-dinja, imma se nkunu wieħed mill-ħmistax-il pajjiż li fost responsabilitajiet oħra, jieħdu d-deċiżjonijiet għaż-żamma tal-paċi u s-sigurtà fid-dinja.

Il-Ġnus Magħquda għandu bżonn riformi mhux żgħar fit-tħaddim tal-istrutturi tiegħu, imma minkejja dan xorta jibqa’ l-aktar forum importanti għall-ħidma kollettiva qalb il-ġnus.

Malta se tkun fil-Kunsill tas-Sigurtà fi żmien mhux faċli, u diġà ddikjarat x’se jkunu l-prijoritajiet tal-ħidma tagħna f’dawn is-sentejn. Jien konvint li bħalma konna kapaċi nirbħu l-appoġġ ta’ tant pajjiżi biex ingħatajna dan l-inkarigu, hekk ukoll konvint li se nagħmlu dak mistenni minna u nirbħu r-rispett ta’ kulħadd.

Dawn is-sentejn se jagħtuna l-okkażjoni li leħinna jinstema’ b’aktar saħħa, speċjalment fejn jidħlu r-rwol tan-nisa fil-kisba tal-paċi u s-sigurtà, il-kundanna tal-użu tat-tfal f’attivitajiet militari, il-ħarsien tal-klima u r-rabta mal-ibħra u l-oċeani, kif ukoll l-importanza tal-litteriżmu, u l-edukazzjoni. Nittama li ma’ dawn il-messaġġi, f’kull okkażjoni li nsibu, nikkundannaw bla riżervi l-mentalità tal-gwerra u s-saħħa tal-industriji li jipproduċu u jfornu armi, armamenti, u munizzjon, li f’ħafna pajjiżi huma parti sostanzjali tal-ekonomiji tagħhom.

Għadna kemm għaddejna minn pandemija li matul sentejn biddlitilna ħajjitna, ġegħlitna nirrealizzaw realtajiet ġodda, u ħallitilna effetti negattivi fuq l-ekonomija tagħna u ta’ ħafna pajjiżi oħra madwar id-dinja.

Matul il-pandemija l-istil ta’ ħajjitna tbiddel. Il-biża’ mill-mewt sar reali. F’pajjiżna eluf għaddew minn żmien ta’ iżolament. Mijiet oħra, għalkemm mogħtija l-aqwa attenzjoni medika, ħallewna, imċaħħda milli jiġu mwennsa fl-aħħar ħinijiet ta’ ħajjithom mill-għeżież tagħhom. Ir-ritmu tal-ħajja soċjali tbiddel radikalment u lkoll kemm aħna ngħalaqna fina nfusna. In-negozji ħadu daqqa ta’ ħarta, u t-turiżmu kważi sparixxa.

Rajna s-saħħa u l-kobor tax-xjenza li fi ftit żmien skopriet u pprovdiet tilqim effettiv, li bil-mod il-mod dawwar l-andament ta’ din il-pandemija. Rajna l-pajjiżi sinjuri jkunu aktar ippreferuti minn dawk fqar, bħalma sfortunatament jiġri dejjem. Fuq kollox, rajna ekonomiji jiddgħajfu taħt it-taħlita ta’ nuqqas ta’ dħul, u ħruġ ta’ ammonti kbar ta’ flus kemm biex jipprovdu għall-kura, kif ukoll biex imantnu lil dawk li tilfu xogħolhom, jew intlaqtu ħażin fin-negozji tagħhom.

Il-qawwa tal-pandemija għaddiet, imma l-impatt li ħalliet fuq is-saħħa mentali ta’ ħafna, f’kull faxxa tas-soċjetà tagħna, għadu hemm, u nagħmlu tajjeb li nkunu attenti għalih u ngħinu bil-mezzi kollha possibbli.

Meta ħsibna li l-kbir kien għadda, u konna qegħdin nittamaw li mmorru lura għall-ħajja normali ta’ qabel, faqqgħet l-invażjoni tar-Russja fl-Ukrajna. Gwerra proprju fil-qalba tal-kontinent Ewropew. Gwerra aktar minn tmenin sena wara l-aħħar gwerra dinjija li dejjem ħsibna li kellha tkun l-aħħar waħda fuq dan il-kontinent. Gwerra li għadha għaddejja bil-qawwa kollha tagħha, u li sa issa ma hemm ebda ħjiel kif se tiżvolġi.

Rajna numru kbir ta’ rifuġjati Ukreni jaħarbu minn pajjiżhom, u jfittxu rifuġju f’pajjiżi Ewropej oħra, anke f’pajjiżna. Rajna d-diżastru tal-gwerra jerġa’ jseħħ fuq l-iskrins tat-televiżjonijiet fid-djar tagħna. Rajna l-imwiet; rajna l-ħerba; rajna l-qerda ta’ tant postijiet fl-Ukrajna.

Għenna kif u milli stajna, imma qatt ma huwa biżżejjed. X’se jiġri għad irridu naraw. S’issa l-kuraġġ u d-determinazzjoni tal-forzi Ukreni huwa impressjonanti, imma l-imwiet biex jiddefendu pajjiżhom iġibulek ħasra. Ma’ ħafna pajjiżi oħra nikkundannaw bla riżervi din l-aggressjoni insensata tar-Russja, u nawguraw li b’mezzi diplomatiċi jinstab kif jinġieb fl-għeluq tiegħu dan il-konflitt.

Effett immedjat li nħass f’ħafna pajjiżi kawża tal-gwerra kien iż-żieda f’daqqa waħda fil-prezzijiet tal-enerġija, minħabba d-dipendenza qawwija li kienet żviluppat matul iż-żmien mill-provvista tal-gass li jiġi mir-Russja. Għolew ukoll ħafna prezzijiet, speċjalment il-prezz tat-trasport, u kien hemm theddid li provvisti regolari ta’ qmuħ u ċereali ma jaslux b’mod regolari fejn kellhom jaslu.

Kelli l-okkażjoni niddiskuti l-gwerra fl-Ukrajna u l-konsegwenzi wiesgħa li ġabet fl-Ewropa u lil hinn minnha mal-Kapijiet ta’ Stat Mhux Eżekuttivi tal-Unjoni Ewropea, waqt il-laqgħa li ospitajt f’pajjiżna tal-hekk imsejjaħ Grupp Arraiolos nhar is-6 ta’ Ottubru. Din kienet opportunità f’waqtha fejn, fost oħrajn, stajna niddiskutu b’mod dirett u wiċċ imb wiċċ l-impatt qawwi li qiegħed ikollha din il-gwerra fuq l-ekonomija dinjija u fuq is-sigurtà tal-provvista tal-enerġija.

Dan huwa l-isfond taċ-ċirkostanzi li jinstab fihom pajjiżna.

Pajjiż li jrid jiffaċċja dawn il-problemi li ftit li xejn għandna kontroll fuqhom, imma li l-effetti tagħhom jolqtu direttament l-ekonomija, il-finanzi, u l-ħajja soċjali ta’ pajjiżna.

Bħalissa l-poplu Malti u Għawdxi għandu numru ta’ sfidi li rridu niffaċċjaw flimkien jekk irridu nirnexxu.

Pajjiżna mhuwiex xi ġenna tal-art, imma lanqas mhuwa l-infern li wħud fostna qegħdin ipenġuh. Veru m’hawnx, u ma jista’ jkun hawn qatt l-opportunitajiet li jistgħu joffru liż-żgħażagħ tagħna pajjiżi ħafna akbar minna, imma żgur li ma nistgħux inżebilħu isem pajjiżna b’dan il-mod.

Jekk aħna stess insawtu lilna nfusna, kif se nippretendu li jurina rispett il-barrani?

Liż-żgħażagħ tagħna qegħdin noffrulhom l-edukazzjoni kollha li kapaċi jixorbu biex jilħqu l-ħolm tagħhom, u huwa pjaċir għalina li naraw uħud miż-żgħażagħ tagħna jimirħu ’l bogħod minn xtutna u jagħmlu s-suċċessi li ħafna minnhom jagħmlu. Kien ikun aħjar kieku kien possibbli ma nħallux dawn it-talenti jintilfu, imma pajjiżi d-daqs tagħna kollha jgħaddu minn din l-esperjenza.

Jiena nawgura li dawn iż-żgħażagħ tagħna, meta jasal iż-żmien, ikollhom l-opportunità jagħtu l-kontribut tagħhom għall-ġid u l-iżvilupp ta’ pajjiżna u jħossuhom kburin li huma Maltin.

Minkejja l-miżuri soċjali kollha, u l-miżuri finanzjarji korrettivi kollha biex jonqsu d-diżugwaljanzi, xorta għad għandna fostna faqar moħbi, u faqar li kultant mhux daqshekk mistur. Ikun qiegħed jidħaq bih innifsu min jew ma jemminx, jew jagħlaq għajnejh għal din ir-realtà.

Sfortunatament dan mhux faċli jinqata’ għalkollox, u nieħu din l-okkażjoni biex nirringrazzja lil dawk il-mijiet, jekk mhux eluf, ta’ voluntiera li permezz ta’ diversi organizzazzjonijiet mhux governattivi jiddedikaw mill-ħin tagħhom biex jgħinu lil dawk fostna li jispiċċaw għandhom bżonn l-għajnuna taħt forom differenti.

Faqar differenti, pjuttost relattiv, huwa dak ta’ dawk li minkejja li għandhom dħul diċenti, u bħal kulħadd igawdu minn edukazzjoni b’xejn, servizzi ta’ saħħa b’xejn, u numru ta’ miżuri oħra ta’ għajnuna soċjali, xorta jsibu diffikultajiet biex ilaħħqu mal-bżonnijiet tal-ħajja.

Fattur li jissemma spiss minn min ikun f’dawn is-sitwazzjonijiet huwa l-kera. Minkejja li tiela’ bini ġdid kuljum, il-prezz tal-kirjiet flok jinżel, kif wieħed jistenna mil-liġijiet ta’ domanda u provvista, għall-kuntrarju dejjem jogħla.

La qegħdin insemmu l-bini ġdid, ma nistgħux ma nsemmux l-isfida kbira l-oħra li għandu pajjiżna… dik tal-ħarsien tal-ambjent rurali mill-firxa kontinwa tal-bini, tal-infrastruttura, u dak kollu li jaqa’ taħt il-kappa tal-hekk imsejjaħ ‘żvilupp’. Dak li qegħdin naraw iseħħ madwarna f’dan il-qasam ma jagħmlilniex kuraġġ.

Pajjiżna qegħdin narawh jitgħatta bil-mod il-mod taħt it-tarmak tat-toroq, taħt il-bini li jinfirex dejjem aktar, u taħt oqsma industrijali. Eżempju ċar li għandu jiftħilna għajnejna huwa l-mod kif qiegħed jitbiddel b’mod mgħaġġel Għawdex.

L-ambjent mhuwiex riżors infinit. F’pajjiżna huwa limitat ħafna, u ladarba nitilfuh ma nistgħux inġibuh lura. Aħna lkoll inkunu t-telliefa. Ir-rebbieħ ikun biss min ikun ħaxxen butu jinnegozja riżorsa daqshekk prezzjuża.

Hawnhekk ma nistax ma nsellimx il-memorja ta’ tant ħaddiema li sfortunatament jitilfu ħajjithom fuq il-lant tax-xogħol, u li l-maġġoranza tagħhom iseħħu fl-industrija tal-kostruzzjoni. Wieħed mill-aktar każijiet riċenti kien tal-ġuvni Jean Paul Sofia li tilef ħajtu ta’ biss għoxrin sena. Hemm bżonn żgur aktar sorveljanza, aktar infurzar, u aktar dixxiplina.

Nappella minn qalbi biex l-awtoritajiet li jippjanaw l-iżvilupp, u l-awtoritajiet regolatorji, jeżerċitaw id-dixxiplina li tagħtihom il-liġi biex jevitaw l-abbużi, u jassiguraw il-protezzjoni sħiħa tal-ambjent li pajjiżna mogħni bih. Jekk xejn, dawn l-aħħar żviluppi fil-qasam internazzjonali ġegħluna nifhmu l-bżonn li huwa għaqli li jkollna biżżejjed art agrikola biex nissodisfaw il-bżonnijiet tagħna f’sitwazzjonijiet ta’ emerġenza. L-art agrikola mhijiex lussu jew kapriċċ. Hija bżonn ekonomiku, u anke fattur importanti fil-kunċett ta’ sigurtà ta’ pajjiżna.

Naf li dan il-kontroll mhux dejjem faċli, imma nħoss li l-poplu Malti u Għawdxi dan jippretendih.

La qiegħed insemmi l-ambjent, ma nistax ma nsemmix problema li naraha tikber magħna ta’ kuljum… il-problema tat-traffiku fit-toroq tagħna. Din qed jgħaddi minhha kulħadd. Fost il-fatturi prinċipali hemm li hawn wisq vetturi għaċ-ċokon ta’ pajjiżna. La ma nistgħux inkabbru t-territorju tagħna, irridu nsibu esperti li jindikawlna liema miżuri, minbarra t-titjib konsiderevoli li qiegħed isir fl-infrastruttura, irridu nieħdu biex it-traffiku ma jispiċċax iġġammjat fit-toroq tagħna.

Irrid hawnhekk ngħid li qiegħed ikollna wisq imwiet kawża ta’ inċidenti tat-traffiku fit-toroq tagħna. Li nsellmu l-memorja tal-vittmi wara li jkun sar l-inċident mhux biżżejjed. Irridu nanalizzaw x’inhu jiġri u nieħdu l-miżuri kollha neċessarji biex dawn ma jseħħux.

Fuq skala akbar irridu nagħmlu dak kollu possibbli biex, flimkien ma’ pajjiżi oħra madwar id-dinja, nagħtu sehemna fil-ġlieda kontra l-ħin li għandna biex inreġġgħu lura, jew għall-anqas inwaqqfu, il-ħsara li l-bniedem għamel lill-atmosfera tad-dinja matul is-snin. Din il-ħsara qegħdin narawha u nħossuha bħala dak li llum nirreferu għalih bħala tibdil fil-klima. Jekk minkejja l-isforzi kollha ma jirnexxilniex inwaqqfu li d-dinja tkompli tisħon, il-futur li hemm għal uliedna mhuwiex sabiħ. Dan ħareġ fil-messaġġi ċari li twasslu mill-esperti internazzjonali fl-aħħar konferenza dwar it-tibdil fil-klima li saret f’Sharm El‑Sheik, l-Eġittu.

Il-bniedem jgħix f’armonija mal-ambjent ta’ madwaru, u llum huwa magħruf sewwa l-impatt qawwi, tajjeb jew ħażin, li ambjent iħalli fuq is-saħħa mentali taċ-ċittadin. Dan flimkien mal-ammont kbir ta’ fatturi oħra li fil-ħajja mgħaġġla ta’ kuljum iħallu effett fuq is-saħħa mentali tagħna.

Pajjiżna mhux eċċezzjoni u sfortunatament għandna biżżejjed xhieda biex dan il-qasam tas-saħħa nagħtuh l-attenzjoni li jixraqlu. Effetti negattivi għas-saħħa mentali jiġu minn ħafna fatturi, u jħallu effett fuq kull età. Mhux il-post hawn li wieħed jelenka dawn il-fatturi, imma wieħed malajr jifhem li l-ħajja llum sar fiha aktar tensjoni minn kif kienet qabel… pressjoni soċjali, miri ogħla fil-qasam edukattiv, diffikultajiet biex wieħed ilaħħaq mal-pass mgħaġġel tal-ħajja, inċertezzi fil-futur, li wieħed iħossu waħdu jew abbandunat, il-bullying, u l-esklużjoni.

Ir-rata allarmanti li biha żdiedu s-suwiċidji f’pajjiżna għandha tkun fiha nfisha twissija biex dan il-fenomenu jiġi studjat aktar, analizzat aħjar, mifhum, u jitwettqu b’aktar attenzjoni u insistenza l-pjanijiet li diġà jeżistu dwar il-ħarsien tas-saħħa mentali f’pajjiżna. Nemmen li dan is-suġġett ta’ saħħa mentali għandna nibdew nitkellmu dwaru fil-qasam edukattiv sa mill-ewwel snin tal-formazzjoni tat-tfal tagħna.

Fl-istess waqt irridu nibqgħu viġilanti, speċjalment fuq iż-żgħażagħ tagħna li ma jispiċċawx ifittxu s-soluzzjonijiet għal kundizzjonijiet bħal dawn ta’ stress u tensjoni, billi jirrikorru għal aktar konsum ta’ xorb alkoħoliku, logħob tal-azzard, u t-teħid ta’ sustanzi psikotropiċi, kemm legali kif ukoll illegali. Nappella lill-forzi tal-ordni, l-awtoritajiet tas-saħħa u l-awtoritajiet regolatorji l-oħra f’dan il-qasam li jagħmlu minn kollox biex titnaqqas il-ħsara li sfortunatament ilna, u għadna, naraw isseħħ madwarna.

Pjagi oħra soċjali li għandna fostna huma dawk tal-bullying, il-fastidju sesswali speċjalment fuq il-postijiet tax-xogħol, u l-vjolenza domestika.

Dawn huma pjagi tas-soċjetà li sfortunatament huma mxerrda kemm fuq etajiet differenti, kif ukoll fuq il-klassijiet kollha tas-soċjetà, mingħajr distinzjoni.

Il-bullying f’età żgħira, speċjalment fl-iskejjel tagħna, huwa marbut ħafna ma’ żvilupp ta’ problemi psikoloġiċi u ta’ mġiba li jafu jwasslu għal kundizzjonijiet bħal anoressija, jew agħar. Imma l-bullying jeżisti taħt forom differenti anke fil-kbar, u l-konsegwenzi tiegħu jirriżultaw f’ħafna każi ta’ ħsara lis-saħħa mentali.

L-istess il-fastidju sesswali, li dan l-aħħar qegħdin naraw aktar vittmi jsibu l-kuraġġ li jitkellmu u jakkużaw lil min ikun jippersegwitahom. B’hekk biss nistgħu nbiegħdu mis-soċjetà tagħna prattiki bħal dawn li jkissru karrieri, individwi, u familji sħaħ.

Il-vjolenza domestika, jiddispjaċini ngħid, hija mxerrda ħafna aktar milli naħsbu. Tista’ tkun fiżika, psikoloġika jew taħt forom oħra. Tkun taħt liema forma tkun, din trid tiġi miġġielda, b’pieni ħorox, b’edukazzjoni kontinwa, u billi jingħata s-support kollu meħtieġ lill-vittmi ta’ dawn l-abbużi.

Ma nistax ma nagħmilx referenza għall-qtil tas-Sra. Bernice Cassar li kexkex lill-Poplu kollu.  L-ebda kliem ta’ faraġ mhu ser ireġġa lura din l-omm lil uliedha, u din il-bint lill-ġenituri tagħha.  Huwa d-dmir tagħna lkoll li naraw li dawk iċ-ċirkostanzi li jistgħu jwasslu biex mara oħra terġa’ tinqatel b’dan il-mod orribbli ma jirrepetux ruħhom.

Irrid ukoll insellem lil dawk l-eluf li jaħdmu f’għaqdiet volontarji, li jagħtu servizz lill-vittmi ta’ dawn l-abbużi; servizz b’żieda ma’ dak li jagħtu d-dipartimenti tal-gvern li għandhom x’jaqsmu ma’ dawn l-oqsma.

L-għaqdiet volontarji f’pajjiżna jagħmlu xogħol imprezzabbli. Fost il-kważi elfejn għaqda reġistrata għand il-Kummissarju għall-Għaqdiet Volontarji, hemm maġġoranza li fl-għanijiet tagħhom ikopru kważi kull qasam soċjali, ambjentali, u altruwistiku. Inħoss li wħud minn dawn l-għaqdiet għandhom kważi l-istess għanijiet, u naħseb ikun għaqli kieku dawn jingħaqdu flimkien, u jakkwistaw aktar saħħa, kemm organizzattiva kif ukoll finanzjarja.

Iż-żieda fil-popolazzjoni ta’ pajjiżna hija fenomenu li rajna jseħħ b’aktar għaġla matul l-aħħar snin, b’rabta diretta mat-tkabbir u l-firxa dejjem usa’ ta’ oqsma ġodda tal-ekonomija tagħna. Kellna bżonn ħaddiema barranin f’ħafna oqsma, l-aktar tas-saħħa, tas-settur turistiku, dak tal-kostruzzjoni u oqsma oħra speċjalizzati bħal dak tal-gaming. Illum ħaddiema barranin jinstabu fl-oqsma kollha tal-ħajja Maltija.

Dan il-fenomenu ġieb miegħu problemi ġodda, kulturi ġodda, sfidi ġodda, u forsi anke abbużi ġodda. Nisimgħu b’każi ta’ allegat sfruttar tal-ħaddiema f’ċerti setturi. Nisimgħu bi problemi ta’ akkomodazzjoni li jsibu ma’ wiċċhom uħud minn dawn il-ħaddiema. Nafu l-effetti li kellhom fuq il-kirjiet tal-proprjetà f’pajjiżna. Kultant nassistu wkoll għal inċidenti li jiksru l-paċi pubblika.

Dawn huma nies li ġew milqugħa f’pajjiżna biex jagħmlu xogħol bżonjuż, bħal fil-qasam tas-saħħa. Imma kemm qegħdin naħdmu flimkien biex isseħħ bis-serjetà l-integrazzjoni fis-soċjetà Maltija? Qiegħed nirreferi għaż-żewġ naħat. Uħud minnhom għad m’għandhom lanqas biss post fejn jipprattikaw it-twemmin reliġjuż tagħhom. Min-naħa l-oħra, hemm uħud li ftit li xejn jippruvaw jitgħallmu jitkellmu bi lsienna. Huwa fatt ukoll li għad hawn Maltin li ma jħossuhomx komdi b’dawn il-barranin fostna. Dan huwa ħażin u bħala poplu rridu naċċettaw il-fatt li l-futur tagħna huwa marbut mal-fatt li pajjiżna, aktar ma jgħaddi ż-żmien, aktar se jsir multikulturali, u rridu nkunu lesti biex naħsdu l-vantaġġi li ġġib magħha sitwazzjoni bħal din. Anke f’dan il-qasam hija kwistjoni ta’ edukazzjoni u preparazzjoni tal-poplu tagħna għall-futur.

L-istess irid jingħad rigward l-immigrazzjoni irregolari. Hawn l-istampa hija ħafna differenti. Kieku kien possibbli dawn il-persuni ma jkollhomx għalfejn jitilqu minn pajjiżhom, u la jiġu f’pajjiżna, u lanqas imkien ieħor. Imma l-immigrazzjoni għadha, u se tibqa’, fenomenu li se nibqgħu nħossu l-effetti tiegħu. Aħna d-doveri tagħna, b’rispett u b’obbligi internazzjonali versu dawn il-persuni, nagħmluhom, kif dejjem għamilna bil-mezzi limitati tagħna. Dak li dejjem krabna għalih huwa l-appoġġ, l-għajnuna, is-solidarjetà li wieħed jistenna bi dritt minn pajjiżi ħafna akbar minna, biex jeħdulna minn fuq spallejna tagħbijiet li ċ-ċokon ta’ pajjiżna ma jippermettilniex nerfgħu.

Minkejja li s-sitwazzjoni f’xi każi kienet, jew taf tkun, diffiċli, irridu nieħdu l-okkażjoni biex bla tlaqliq ta’ xejn nikkundannaw bla ebda riżerva kull att jew kliem ostili, offensiv, jew addirittura razzist jew xenofobiku li jsir minn min huwa intolleranti jew b’xi mod iħoss żbaljatament li huwa superjuri għal bnedmin oħra. Anke f’dan il-qasam irridu mhux biss edukazzjoni imma anke programmi ta’ integrazzjoni.

Huwa inkwetanti li skont l-istatistika tal-Istat tan-Nazzjon (2022), huma biss 27% li huma komdi jew komdi ħafna bil-multikulturaliżmu, filwaqt li 49% jgħidu bla tlaqliq li la huma komdi u lanqas mhux komdi u 23% jistqarru ċar li mhumiex.

Hawnhekk irrid f’isem il-poplu Malti u Għawdxi nsellem lill-Forzi tal-Ordni li matul is-sena kollha, billejl u binhar, jaħdmu bla nifs fil-qasam tal-kontroll tal-immigrazzjoni irregolari f’pajjiżna.

Sħaba sewda li għadha titfa’ dell ikrah fuq pajjiżna hija s-saga li għadna għaddejjin minnha biex dawk kollha li b’xi mod kienu allegatament involuti fl-assassinju tal-ġurnalista s-Sinjura Daphne Caruana Galizia, jinġiebu quddiem il-qrati tal-Ġustizzja u jingħataw il-pieni li jixirqilhom jekk jinstabu ħatja.

Il-proċessi ġudizzjarji jieħdu ż-żmien tagħhom. Uħud diġà ġew ipproċessati u kkundannati.

Xejn minn dan kollu mhu se jġib lura lis-Sinjura Caruana Galizia. Bħala pajjiż obbligati moralment li lill-poplu inġenerali, u b’mod partikolari lill-familjari tagħha, naraw li jkunu sodisfatti bil-mod korrett u komplet, kif tkun tħaddmet il-ġustizzja.

Dan iġibni biex nirrifletti ftit dwar ir-riformi li għaddejjin bħalissa biex il-media f’pajjiżna tingħata l-opportunitajiet kollha li jagħtuha l-libertajiet wiesgħa meħtieġa, biex taqdi dmirha lejn is-soċjetà, mingħajr xkiel, biża’, jew theddid. Dan huwa qasam delikat ħafna li jinvolvi t-tfassil ta’ linji legali ċari li jissalvagwardjaw lill-ġurnalist filwaqt li ma jnaqqarlu xejn mil-libertajiet tiegħu. Daqstant ieħor iridu jkunu liġijiet li jipproteġu liċ-ċittadin minn akkużi infondati, allegazzjonijiet fortuwiti, u dikjarazzjonijiet malafamanti, li faċli jsiru u jinxterdu, imma diffiċilissimu li wieħed jitnaddaf minnhom.

Irid jinstab il-bilanċ ġust, li jgħin biex titwettaq il-ġustizzja, u titħalla titħaddem id-demokrazija.

Nappella biex fl-isfond ta’ rieda tajba li nħoss li teżisti, li jkollna l-aħjar regolamenti biex nassiguraw il-ħelsien tal-istampa, isiru dawk id-diskussjonijiet kollha neċessarji, biex dak li fl-aħħar jiġi maqbul ikun aċċettat u jkun fl-aħjar interess tad-demokrazija.

L-isfidi marbutin mat-tħaddim kif suppost tal-media soċjali mhumiex żgħar. Intenni l-appell tiegħi biex min jagħmel użu minn dawn il-mezzi ta’ komunikazzjoni soċjali ikun rispettuż fil-messaġġi tiegħu.

F’pajjiżna, kull meta kien hemm ir-rieda, dejjem sibna triq minn fejn ngħaddu. Dawn l-aħħar sena, sentejn, pajjiżna għamel tibdil sostanzjali, ta’ natura kostituzzjonali, fejn jidħlu ħatriet tal-President tar-Repubblika, tal-Prim Imħallef, tal-membri tal-Ġudikatura, tal-funzjonijiet ta’ dak li qabel kien l-Avukat Ġenerali, u fil-liġijiet elettorali, fost tibdil ieħor.

Barra minn hekk, dan l-aħħar ukoll assistejna għall-isforz kollettiv bejn l-Eżekuttiv u l-esperti fis-Servizz Pubbliku biex jitwaqqfu dawk l-istrutturi li bihom irnexxielna nikkonvinċu li rridu naraw aktar serjetà fil-qasam finanzjarju, wara li ġejna relegati għal dik magħrufa bħala l-Lista l-Griża mill-entità internazzjonali magħrufa bħala l-Financial Action Task Force. B’dawn l-istrutturi regolatorji se nassiguraw li jkun hemm il-massimu tat-trasparenza f’dak li għandu x’jaqsam ma’ provenjenza, ownership, u dwar min verament ikun il-benefiċjarju leġittimu ta’ dawn il-fondi u l-qligħ li jsir minnhom.

Dan huwa kollu tajjeb, imma rridu noqogħdu attenti li dawn l-iskrutinji ġodda bil-burokrazija u sistemi ġodda li ddaħħlu ma jkollhomx effetti negattivi fuq l-andament tan-negozji ta’ investituri ġenwini u onesti.

Fejn ridna stajna. U allura għalhekk jien insibha bi tqila biex nifhem għaliex fi sfond ta’ dan kollu, kienet daqshekk tqila biex tinstab persuna adatta, li tgawdi l-fiduċja taż-żewġ naħat tal-Kamra, biex tokkupa l-post kostituzzjonali ta’ Ombudsman. Dan ilu biex isir minn Ottubru tas-sena l-oħra. Għandna wkoll vakanti bħalissa l-uffiċċju ta’ Kummissarju għall-Istandards. 

Nieħu l-impressjoni li filwaqt li l-bżonn ta’ qbil ta’ żewġ terzi għal ċerti ħatriet huwa ġust, u jirrifletti l-importanza ta’ dawn ir-rwoli, jidher sfortunatament li jista’ jwassal għal ċertu nuqqas ta’ qbil, u s-sistema tiġi mblukkata. Minn qalbi nappella biex dan l-impass jiġi żblukkat.

Jiddispjaċini ngħid li dan in-nuqqas ta’ ħeġġa qiegħed inħossu wkoll issa meta wasalna biex nagħżlu persuna idonea biex tieħu f’idejha u tmexxi lejn l-istadju li jmiss fil-proċess għat-twaqqif u t-tmexxija ta’ Konvenzjoni biex tikkunsidra hemmx bżonn ta’ tibdil fil-Kostituzzjoni.

Sfortunatament dan il-proċess intbagħat lura minħabba l-pandemija tal-COVID, u issa li kważi x-xogħol preparatorju sar kollu, irridu nimxu għall-istadju li jmiss, jiġifieri li tissejjaħ il-konvenzjoni. Dan jitlob bħala l-ewwel pass il-qbil fuq ħatra ta’ persuna kompetenti li tgawdi l-fiduċja ta’ kulħadd biex titwaqqaf l-istruttura amministrattiva meħtieġa biex tkun tista’ tmexxi l-konvenzjoni.

Forsi qiegħed ninstema’ wisq negattiv. Iktar inħoss li qiegħed inkun oġġettiv.

Bl-ebda mod ma rrid nagħti l-impressjoni li f’pajjiżna kollox ħażin. Għandna ħafna tajjeb. Jien qiegħed b’responsabilità nindika dawk l-oqsma li, tort tagħna jew le, irridu nirranġaw biex pajjiżna jkun aħjar.

F’dan il-kuntest, ser nagħmel referenza għad-diskussjoni imqanqla li għaddejja f’pajjiżna bħalissa.

Tafu sew li mhux prassi li l-President tar-Repubblika jitkellem dwar abbozzi ta’ liġi li għadhom quddiem il-Parlament. Kif dejjem sostnejt, il-proċess demokratiku għandu jitħalla jilħaq il-milja tiegħu bla ebda tfixkil.

Madankollu, inħoss li dawn huma ċirkostanzi partikolari u għalhekk għandi nesprimi t-tama tiegħi li bid-diskussjoniiet li għaddejjin, tinstab soluzzjoni li biha jiġu indirizzati l-punti kollha li qegħdin jiġu espressi mill-esponenti differenti f’dan id-dibattitu.

Fejn nixtieq nara dan il-pajjiż jasal fil-futur?

Nixtieq li dak kollu li għandna tajjeb nibżgħu għalih u ntejbuh.

Nixtieq nara s-servizz tas-saħħa eċċellenti li għandna f’pajjiżna jkompli jżomm il-pass mal-iżviluppi mediċi u teknoloġiċi f’dan il-qasam biex inkomplu ngawdu l-livell għoli li għandna llum.

Ma għandna qatt nieqfu naħdmu biex naraw li l-ogħla livell ta’ trasparenza, kontabilità, u ekwità jitħaddmu dejjem aħjar b’rispett sħiħ lejn id-demokrazija u l-ġustizzja ġewwa pajjiżna.

Hija xewqa tiegħi, bħalma jiena ċert li hija x-xewqa tal-maġġoranza tal-poplu tagħna, li naraw lil pajjiżna jkompli jgħix fil-paċi, u jaħdem bis-sħiħ biex ixerred il-politika tal-paċi u mhux il-politika tal-gwerer.

Irrid nara pajjiż fejn isseħħ u tidher li qed isseħħ il-ġustizzja soċjali. Minkejja li ddaħħlu ħafna miżuri biex tonqos il-burokrazija biex jinqeda ċ-ċittadin, għad fadal ħafna xi jsir.

Ningħaqad ma’ dawk kollha li jixtiequ jaraw qrati u sistemi ġudizzjarji li jkunu aktar spedittivi u li jiqsar iż-żmien biex jinqatgħu l-kawżi u ssir il-ġustizzja.

Nixtieq li ntaffu malajr kemm jista’ jkun il-problemi ta’ nies li m’għandhomx saqaf fuq rashom, jew akkomodazzjoni diċenti fejn joqogħdu.

Kif kelli okkażjoni ngħid ħafna drabi, il-ħolma tiegħi hija li nara aktar għaqda ġenwina fost il-Maltin u l-Għawdxin.

Fuq kollox nixtieq nara pajjiż fejn kull Malti jkun kburi li huwa Malti… u pajjiż fejn tirrenja s-solidarjetà kuljum u dejjem.

Viva Malta Repubblika.   

Skip to content