The President of Malta

Diskors qasir tal-E.T. George Vella, il-President ta’ Malta, waqt it-tnedija tal-ktieb ‘Colours of the North’ mir-Reġjun Tramuntana, 17 ta’ Settembru 2021

Nixtieq nibda l-ewwel nett billi nirringrazzja lil min organizza din is-serata talli għoġbu jistedinni niġi hawn magħkom u qabel ngħid il-ftit kelmiet li għandi ngħid, irrid ukoll ngħid prosit lill-orkestra, is-Surmastrijiet, il-mużiċisti, iż-żeffiena u kull min ħa parti minn din is-serata ħelwa illi ġabet tant nies flimkien u ġabet tant lokalitajiet tal-istess reġjun flimkien.

Jiena ma rridx inkun ninstema’ dejjem nirrepeti imma meta nara dan it-tip ta’ għaqda, dan it-tip ta’ koperazzjoni, nifhem fejn nistgħu naslu bir-rieda tajba u bil-ftehim li jista’ jkun hemm bejnietna filwaqt li jkollna d-differenzi tagħna. Però nirrispettaw lil xulxin u nikkoperaw flimkien għax għandna għan wieħed biss. U jien konvint li lkoll kemm aħna jimpurtana biss li ntellgħu kemm jista’ jkun ’il fuq l-isem ta’ pajjiżna u anki, għaliex le, il-kwalitajiet sbieħ, differenti u interessanti li għandna fil-lokalitajiet tagħna.

L-ewwel nett nirringrazzjakom, ngħidilkom prosit ta’ dawn l-għaqdiet, dawn il-laqgħat li qegħdin tagħmlu biex wieħed ikun jista’ jagħmel dawn l-affarijiet. Biex norbot ma’ dak li qal is-Sur Fava rigward il-Konferenza tal-Għaqda Nazzjonali li jiena ħa nkompli fuqha, irrid ninforma illi dik ma waqfitx hemmhekk, wegħedt u se nagħmel Fondazzjoni għall-Għaqda Nazzjonali. Irrid ngħidilkom li l-istatut ormaj lest, jonqsu xi affarijiet li rrid niddiskutihom, il-Bord tal-Amministraturi diġà hemm intendiment min se jkunu u nispera fil-futur mhux ’il bogħod invaraw din il-Fondazzjoni għall-Għaqda Nazzjonali.

Jien ma nistax ma ngħidx li hu pjaċir tiegħi ħafna li nkun magħkom, kif għidt, għat-tnedija uffiċjali ta’ din il-biċċa xogħol ta’ riċerka u dokumentazzjoni importanti ferm imtella’ mir-Reġjun tat-Tramuntana. Inizjattivi simili għal din huma utli għall-pajjiż kollu u jkomplu jkattru l-patrimonju kbir kulturali Malti. Għalhekk, niżżi ħajr lill-awtur, f’isimkom, is-Sur Natalino Fenech, ta’ din il-ġabra ta’ riċerka ħajja, narrata u viżiva. Nesprimi wkoll l-apprezzament tiegħi lill-President tar-Reġjun, is-Sur Anthony Mifsud, u s-sindki u l-kunsilliera kollha tar-Reġjun tat-Tramuntana li kienu strumentali biex Colours of the North ikun suċċess.  Jien nieħu pjaċir nosserva li dawn il-Kunsilli, minkejja d-differenzi politiċi u l-prijoritajiet varji li għandhom fl-irħula u fl-ibliet tagħhom, jingħaqdu flimkien u jaħdmu bis-sħiħ mal-awtur biex tinħareġ pubblikazzjoni tal-ogħla livell li hija ferm bżonjuża biex wieħed iniżżel bil-miktub għall-posterità, għall-quddiem, għat-tfal tat-tfal tagħna, l-affarijiet sbieħ li hemm f’dawn ir-reġjuni u f’dawn il-lokalitajiet.

Jiena naħseb li kultant għandna tendenza wisq li niffukaw fuq t-teknoloġija moderna u l-iżvilupp, mingħajr ma verament nifhmu kemm għandna teżori moħbija madwarna u kemm għandna biex inkunu kburin. Illum iż-żgħażagħ jiddispjaċini, bl-ebda nuqqas ta’ rispett, medhijin wisq bit-teknoloġija, bil-mobiles f’idejhom, medhijin fuqu, u dak li hemm madwarna, dak li suppost inkunu nafu li huwa tant għażiż u tant għandu importanza, pjuttost naraw il-barranin jiġu biex igawduh huma u aħna kemm kemm nagħtu kas x’għandna madwarna.

Malta, u d-differenzi bejn ir-reġjuni huma l-aktar ġawhar prezzjużi li għandna. L-istorja u l-kultura. Ikun ta’ għajb għalina jekk ma nippreservawhomx bħala patrimonju naturali u patrimonju storiku. Ulied uliedna, diġà ntqal, għandhom id-dritt igawdu l-Malta li nafu aħna, il-Malta li hawn miġbura f’dan il-ktieb u f’kotba oħra bħalu illi jniżżlu b’mod viżiv, bir-ritratti, miġbudin b’sengħa kbira u anki mbagħad bit-test li jkun hemm madwarhom biex jispjega x’hemm f’dawn ir-ritratti. Fuq kollox Malta li tkompli tiġġedded mingħajr ma titlef ruħha fit-triq. Din hija l-Malta li rridu, ma rridux Malta illi titbiddel maċ-ċirkustanzi għal dak li jkun hemm bżonn. L-essenzjal irridu nagħmlu minn kollox biex inżommuh.

Jien nixtieq naqsam magħkom silta qasira mill-poeżija ta’ Dun Karm, il-poeta nazzjonali, Lil Malta, fejn fost oħrajn qal:

… Għaliex jekk inti żgħira

setgħetek huma kbar fir-ruħ u l-ġisem

u ġmielek sa fil-kbar nissel l-għira …

Nemmen li Dun Karm, fil-bidu tas-seklu għoxrin kien diġà qed iwasslilna messaġġ importanti u li jista’ jnebbħilna moħħna anki llum. X’kien qed jgħid Dun Karm? Kien qed jgħid li minkejja ċ-ċokon ta’ pajjiżna u l-isfidi varji li minn żmien għal żmien jheddu wiċċ din il-gżira, u aħna nafu bħalissa għadna għaddejjin minn sfida mhix żgħira, bħalma huwa l-iżvilupp mhux sostenibbli, it-tniġġis u t-tħassir tal-ambjent, il-poplu Malti dejjem wera reżiljenza u determinazzjoni biex jipproteġi dak li hu naturali, dak li hu storiku, dak li hu tiegħu bħala nazzjon.   

Sinjuri,

Malta qatt ma kienet u ma tista’ qatt tkun gżira iżolata fis-sens li tkun maqtugħa mill-madwar. Gżira kemm trid ġeografikament, imma qatt ma kienet maqtugħa mill-bqija tad-dinja. Għalkemm il-baħar iżommna relattivament maqtugħa mill-art tal-kontinenti li hemm madwarna, il-baħar minn dejjem kien sors fl-istess ħin ta’ ġid u li jgħaqqadna ma’ popli oħra. Fil-fatt, anki kif jidher tajjeb f’dan il-ktieb illi għadkom kemm ħriġtu, Malta dejjem kienet miftuħa għal numru kbir ta’ kulturi, reliġjonijiet u fehmiet differenti. Illum ukoll qed inkomplu niġġeddu permezz ta’ numru ġmielu ta’ barranin li għamlu Malta d-dar tagħhom ukoll. Napprezza għalhekk li din il-pubblikazzjoni nkitbet f’lingwa li tista’ tilħaq udjenza barranija, udjenza aktar wiesgħa, u għaliex le, tħajjar aktar nies, Maltin u barranin, biex iżuru l-mużajk storiku u kulturali li joffri r-Reġjun tat-Tramuntana.

Nagħlaq billi nirringrazzja mill-ġdid lil kulħadd, lil dawk kollha li b’xi mod jew ieħor taw kontribut biex ġie ppubblikat dan il-ktieb. Fl-aħħar u mhux l-anqas, lir-residenti kollha ta’ dan ir-reġjun li ninsab ċert huma kburin bis-sbuħija unika fir-raħal rispettiv tagħhom, u wisq aktar b’din il-pubblikazzjoni.

U qabel nagħlaq irrid nagħmel l-aħħar rimarka li jiena nemmen, bħalma tafu u dan urejtu, illi r-reġjuni għandhom lok għalihom fl-istruttura amministrattiva ta’ pajjiżna. Nafu kif il-Kunsilli ħadmu matul is-snin. Wara dawn is-snin kollha, il-fatt li bdejna nagħmlu r-reġjuni, hija xi ħaġa li jiena nemmen fiha u nimbottaha u naġevolaha. Bħalma tafu kelli l-pjaċir niltaqa’ magħkom diġà, reġjun wara l-ieħor, smajt il-problemi tagħkom, għaddejt il-messaġġi tagħkom, u fejn ikun hemm bżonn qed nistedinkom biex tkomplu żżommu kuntatt ħalli nkunu nistgħu, fejn nistgħu, intellgħu ’l fuq dik li hija l-amministrazzjoni lokali f’pajjiżna bħalma hemm f’pajjiżi oħra madwar id-dinja.

Nirringrazzjakom u nixtiqilkom il-lejla t-tajba.

Grazzi ħafna.

-Tmiem-

Skip to content