Il-lejla t-tajba lil kulħadd,
L-ewwel nett, nagħtikom merħba fil-Palazz ta’ Sant’Anton għal din
is-serata fejn qegħdin fil-fatt niċċelebraw l-Ilsien Malti.
Nixtieq nibda, l-ewwel nett, billi nifraħ lis-Sinjura Brockdorff għal dak li akkwistat matul ħajjitha bħala fama, bħala kapaċità u qed naraw każ ieħor fejn dak li jkun, bix-xogħol tiegħu, jirbaħ ir-rispett u jirbaħ anki l- unuri li jkunu jixirqulu. F’dal-każ huwa importanti għaliex qed nitkellmu fuq xi ħadd illi dak li għamel kien kontribut għal-lingwa Maltija. Kontribut għal dak li jiena nemmen li hija waħda mill-iktar pilastri sodi tas-sovranità tagħna, ta’ dak li jagħmilna Maltin. U għalhekk, filwaqt li nifraħ lis-Sinjura Brockdorff u anki lil dawk kollha li jkunu ħadmu magħha u kif smajna wkoll dawk li jikkooperaw u jaħdmu flimkien, nixtieq ukoll nifraħ għal darb’oħra anki lill-Akkademja tal- Malti li ta’ kull sena bħal dan iż-żmien tagħraf tirrikonoxxi l-kontribut ta’ wieħed minn fostna. U dan kif qed ngħid illi dak li jkun għamel illi bil-pinna tiegħu, kif semmitilna s-Sinjura Brockdorff, ħa ngħid hekk, kważi minn ġo darha, maqtugħa, spiss ukoll b’għemilhom, imma iktar bil-pinna, jagħrfu jseddqu l-letteratura u l-għarfien tal-lingwa Maltija.
B’dan il-ġest l-Akkademja tagħraf il-valuri u l-impenn tal-ħidma. M’hemmx dubju li min jirċievi unur bħal dan tal-lejla żgur li jkun qiegħed jagħti eżempju lil ħaddieħor biex jitħabat, biex iħabrek, ħalli jimxi ’l quddiem u anki jkun rikonoxxut.
Din id-darba l-Akkademja għarfet tagħżel, kif qegħdin ngħidu, lis- Sinjura Lina Brockdorff li tagħha għadna kemm smajna bijografija interessantissima.
Is-Sinjura Brockdorff kelli l-opportunità niltaqa’ magħha ftit tax-xhur ilu f’waħda mil-laqgħat ma’ awturi tal-letteratura Maltija li kienet issir kull xahar qabel ma l-pandemija ħallietna mbegħdin – fiżikament għalkemm mhux fil-ħsieb u fl-impenn biex nibżgħu għal xulxin.
Dakinhar skoprejt li din il-veterana tal-letteratura ta’ pajjiżna, li hi fost dawk li ilha l-aktar tikteb, kemm proża kif ukoll poeżija, kitbet ammont konsiderevoli li jixhed għal ħajja attiva u impenn sħiħ favur l-ilsien Malti.
Tgħarrfitli dwar ħidmietha fil-qasam tax-xandir u l-programmi li
tellgħet minn żmien għal żmien – numru pjuttost imdaqqas ta’
produzzjonijiet, kif smajna anki fl-intervisti li saru, inkluż ir- radjudrammi li kitbet għar-radju bħalma smajna ftit tal-ħin ilu.
Bħala awtriċi, Lina Brockdorff hija fost dawk il-ftit li l-istorja qasira għamluha waħda mill-isbaħ ġeneri fil-letteratura Maltija. Lina tintgħaraf mill-iċken dettall li hi pittriċi ta’ ruħ il-bniedem. Mhix ir- ritrattista ta’ karattri li ma jeżistux.
Illejla, kif għidt, qegħdin inroddu ħajr lil mara li tat ħajjitha għal-lingwa Maltija mhux biss bil-kitba, li nstemgħet ukoll ’il bogħod minn xtutna fl-Awstralja, iżda wkoll bix-xandir tagħha. U fakkritni meta konna għadna żgħar, il-Professur Aquilina, li kien iħajjarna konna studenti… niftakar darba wasalt fil-programm tiegħu, poeżija li kien ħeġġiġni biex naqraha hemmhekk, u kien qalli bħalma kien qal lilha: “Kompli ejja”, però darba biss mort. U niftakar konna rċevejna ħlas ta’ nofs lira, dik il-ħabta, għall-kontribuzzjoni tal-programm. Affarijiet li forsi dawn qed jintesew imma ta’ min wieħed… Kif qalet hi r-redifjuxin kien l-unika sfog li kien hemm u kien il-post fejn wieħed jisma’ l-letteratura, jisma’ l-qari tar-rumanzi u anki min jikkontribwixxi għall-qari tal-Malti.
Dan kollu jorbot ħafna mal-impenn ta’ din il-Presidenza li l-ilsien Malti jintuża tajjeb u mingħajr tħassir għaliex ma’ kull tixlifa mhux f’postha, ma’ kull marka jew tebgħa mhux mixtieqa nkunu qegħdin inħassru l-
għelm per eċċellenza ta’ dak li jagħmilna Maltin – ilsien pajjiżna. U ma niddejjaqx kull darba nerġa’ nirrepeti dak li għidt kemm-il darba. Din il-ġimgħa miet l-Ex President Franċiż Giscard d’Estaing. U niftakar għal sena u tliet xhur konna niltaqgħu pjuttost regolari meta konna qed infasslu l-kostituzzjoni tal-Ewropa, mill-pajjiżi kollha tal-Ewropa. Però wara dak ix-xogħol kollu, wara sena u tliet xhur, fl-aħħar mill-aħħar meta qbilna fuq kollox u ffirmajna kull wieħed minna, ħareġ biex jgħidilna: “Dan kollu se jintbagħat lill-Akkademja Franċiża, l-Académie Française, ħalli jkollhom il-libertà li jbiddlu l-punteġġjatura, l-ispelling, il-frażijiet u jekk hemm bżonn il-kliem, basta ma jbiddlux is-sustanza”. Qed ngħidu dan fis-sens illi wara dak ix-xogħol kollu, dawk il-politiċi kollha, afdajna b’għajnejna magħluqa f’idejn l-Akkademja Franċiża li tieħu ħsieb il-lingwa Franċiża, l-oriġinal kien bil-Franċiż. U jiena qed nipprova nagħmel din l-analoġija għaliex l-Akkademja tal-Malti, u hawnhekk anki rrid nirringrazzja lill-Akkademja tal-Malti għax-xogħol li għamlet fil-Librerija Anton Buttigieg hawn ġewwa l-Palazz, tat ħafna u ħafna kontribut f’dak li huwa, l-iktar mod, kif jinkiteb il-Malti, l- ortografija. Huwa fatt illi fil-kotba ppubblikati u anki fl-istampa ppubblikata, wieħed ma tantx jista’ jsib wisq difetti ħlief l-għażla tal- kliem. Però l-ortografija tkun tajba. Li jien qed inweġġa’ ħafna, ħafna, ħafna, li ħadd mhu qiegħed jikkontrolla l-Malti mitkellem, speċjalment fuq ix-xandir. U qegħdin nisimgħu atroċitajiet ta’ kliem illi m’għandu x’jaqsam xejn mal-lingwa. M’iniex qed nirreferi għal-loan words, ngħidulhom, dak li inti qed iġġib bħalma kien qed jagħmel Vince issa,
interessanti uża l-kliem li daħal fil-lingwa tagħna emails u webcam u dawn l-affarijiet kollha, dak m’hemmx alternattiva għalihom. Però meta għandna kliem li diġà jeżisti, kliem li diġà użat, kliem li jinftiehem minn kulħadd illi qed jiġi mwarrab biex nużaw xi ħaġa differenti… kelli xi ħaġa proprju llum, sinċerament, meta qegħdin ngħidu “ċittadini pprivati”, “ċittadini privati” – apparti li l-ispelling kien ħażin, li kienet “ċittadini privati” u mhux “ipprivati” – flok ngħidu “ċittadini mċaħħda”
– għaliex qed inħallu dan jiġri. U mhux qed ngħollu leħinna biżżejjed, fl-opinjoni tiegħi, biex inwaqqfu l-Malti li qed jiġi mitkellem, speċjalment fuq il-midja tagħna. Dan jien ngħidu u ngħidu b’commitment għax inħoss illi rridu nagħmlu dan l-isforz jekk irridu nkomplu nsalvaw… għax inutli nsalvaw il-Malti fil-kotba miktub tajjeb, b’punteġġjatura tajba u ortografija tajba, jekk kemm-il darba l-lingwa li nitkellmu sejra mill-ħażin għall-agħar kuljum.
Jiena aktar minn kollox nixtieq, f’din l-okkażjoni, nagħti ġieħ lil Lina bħala eżempju sabiħ, barra ta’ kittieba, anki ta’ anzjanità attiva, bl- aħħar tliet pubblikazzjonijiet friski, friski li żdiedu mal-kullana twila li ġġib isimha ftit tal-ġimgħat ilu.
Nifhem aktar meta stqarret kemm-il darba li l-ħin prezzjuż u li mhux ta’ min jaħlih u li – din fil-fatt hi forsi l-aktar ħaġa li tolqotni – qatt ma hu tard biex wieħed jibda jistudja. It-tagħlim u l-għarfien jagħtuk skop fil-ħajja, u dan tistqarru u tixhdu s-Sinjura Brockdorff. Bla dubju din l-
istqarrija tlissnet minn fomm ta’ għalliema iżda siewi u li jgħodd għal
kull ġenerazzjoni.
Fl-aħħar u mhux l-anqas, lil Lina nixtieq nirrikonoxxiha għas-sehem sħiħ li tat, kif semmiet tajjeb hi, bħala President tal-Għaqda Letterarja Maltija u hawn nixtieq nislet ukoll il-bżonn u l-ħtieġa ta’ aktar parteċipazzjoni minn kull ġeneru, u mhux biss min-nisa, fil-ħajja politika, fil-ħajja soċjali, kulturali u anki oqsma oħra ta’ pajjiżna. Jiena nemmen bis-sħiħ li t-talent ma għandux ġeneru, il-ħila mhix frott id- distinzjoni bejn is-sessi.
Pajjiżna għandu ħafna talenti, u jeħtieġ li jagħmel użu minn kull talent li għandu, għaliex dan hu l-veru riżors tal-pajjiż li jrid, issa ħafna aktar minn qatt qabel, jixpruna u jnebbaħ u jdawwal it-triq lejn għarfien ġdid ta’ min aħna u ta’ dak kollu li jgħaqqadna flimkien u ta’ dak li jrid iżommna fil-futur biex inkomplu nżommu l-identità tagħna.
Nirringrazzjakom u nixtiqilkom il-lejla t-tajba. Grazzi ħafna.