The President of Malta

Search
Close this search box.

Diskors tal-E.T. George Vella, President ta’ Malta Ċerimonja Jum Għawdex u Għotja tal-Premju Ġieħ Għawdex

Onor. Ministru

Onor. Membri Parlamentari President tar-Reġjun Sinjuri Sindki

Kunsilliera Sinjuri

Nibda billi nirringrazzjakom talli għoġobkom tistednuni, flimkien ma’ marti Miriam, sabiex għal darb’oħra nattendu din l-okkażjoni.

Ma nistax, fil-kuntest tal-lum, ma nibdiex u nsellem lill-kollega u ħabib tagħna l- Onor. Frederick Azzopardi, li tlifnieh ftit tal-ġranet ilu.

Fiż-żmien li qattajna bħala kollegi fil-Kamra tar-Rappreżentanti, fil-qadi ta’ dmirijietna u waqt safar uffiċjali flimkien, dejjem sibt li Frederick kien raġel

korrett, rispettuż u fuq kollox ġentlom, mgħoni wkoll bid-don ta’ sens tal- umoriżmu, mhux daqstant komuni fost il-politiċi.

Minn hawn insellem il-memorja tiegħu, u ntenni l-kondoljanzi tiegħi u ta’ Miriam lill-familja tiegħu, lill-uliedu, u l-għeżież tiegħu.

Bix-xieraq insemmi wkoll l-unuri li qed ikompli jikseb il-Mons. Mario Grech, l- Isqof uxxenti ta’ Għawdex, mhux lill-Għawdex biss, imma anke għall-gżira Maltija. Il-Poplu Malti u Għawdxi kollu bil-ħatra tiegħu kuntent u m’hemmx dubju li wieħed jistenna l-festeġġamenti għada pitgħada meta jiġi maħtur Kardinal mill-Qdusija Tiegħu l-Papa Franġisku. Minn hawnhekk insellimlu.

M’għandi l-ebda dubju li, f’dan l-irwol ġdid, Mons. Grech ser jagħmel użu mill- għarfien, mill-għerf li għandu, mill-esperjenza u l-umiltà tiegħu għall-ġid ta’ kulħadd. Filwaqt li din hija waħda mill-karigi l-aktar għolja u impenjattiva tal- Knisja Kattolika, naf biċ-ċert li l-Mons. Grech ser jibqa’ jżomm lill-komunità Għawdxija fuq quddiem ta’ ħsibijietu u talbu.

Kif titlob l-okkażjoni tal-lum ser insellem bi pjaċir liż-żewġ personalitajiet li ser jiġu ppremjati llejla – Dr Justyne Caruana u Dr Chris Said.

Ftit nista’ nżid ma’ dak li qalu ta’ qabli. Ningħaqad ma’ dak li għadu kemm qal il-Ministru, bil-kliem sabiħ li uża fuqhom it-tnejn, u jien inżid li dan il-premju huwa xhieda ta’ kemm tul il-karriera politika tagħhom, dawn iż-żewġ Membri Parlamentari, u anki lil hinn minn kull ħatra jew titlu li kellhom fil-karrieri tagħhom, poġġew dejjem il-komunità Għawdxija fuq quddiem nett ta’ ħidmiethom.

Għalkemm intom – Dr Caruana u Dr Said – tirrappreżentaw żewġ partiti differenti, dejjem ħabriktu mhux għal xi struttura jew oħra iżda għall-interess, l- ewwel u qabel kollox, ta’ Għawdex.

Dejjem bqajtu qrib iċ-ċittadin u ħaristu l-bżonnijiet tiegħu.

Jien dejjem emmint li l-umiltà m’għadha qatt titwarrab mill-politika. Il-vera premju għal min joħroġ għall-ħajja pubblika hija dik il-‘Grazzi’ li jgħidlek min hu l-aktar batut fis-soċjetà tagħna.

Ninsab konvint li intom it-tnejn, bħalma għamlu ta’ qabilkom, ser tgħożżu dan il- premju – u li ser ikun ta’ motivazzjoni għalikom biex tkomplu ttejbu il-ħajja ta’ ħutna l-Għawdxin.

Sinjuri,

Kif ġa ssemma, 222 Sena ilu, Saverio Cassar, Arċipriet tal-Katidral, ħareġ rebbieħ fuq il-forzi Franċiżi. Għawdex kien meħlus, l-Ingliżi rrikonoxxew x’kien għamel l-Arċipriet Cassar għall-gżira Għawdxija, għalkemm imbagħad iktar tard, l- għeluq ta’ ħajtu ma tantx kien wieħed feliċi.

Kien ġust u mistħoqq, li dan il-persunaġġ beda jiġi mfakkar mill-2005 ’l hawn, fl-istess waqt meta beda jiġi mfakkar “Jum Għawdex”. Jiena nirringrazzja b’mod partikolari liċ-Centro Gozitano, ir-Reġjun t’Għawdex, u l-Ministru għall- Għawdex li jtellgħu din il-kommemorazzjoni kull sena.

Ilkoll nafu kemm dawn huma żminijiet diffiċli u kemm l-imxija tal-COVD biddlet bosta xejriet minn ħajjitna. Imma xorta sibt kull mezz, b’rispett lejn ir- regolamenti tal-awtoritajiet tas-saħħa biex din iċ-ċerimonja ma nħassruhiex.

Wieħed mill-impatti immedjati ta’ din il-pandemija, kien propju t-tnaqqis, jew inkella tibdil, f’avvenimenti li jgħaqqdu lill-komunità.

Nifraħ għaldaqstant lill-organizzaturi talli ma qatgħux qalbhom u ħejjew il- preparamenti kollha, kif jitolbu r-regolamenti tas-Saħħa.

Huwa dejjem gost u pjaċir tiegħi niġi Għawdex jew inkella niltaqa’ mal- Għawdxin.

Dawn l-aħħar ġimgħat kelli l-opportunità nżomm kuntatti ma’ bosta minnkom, bosta Għawdxin, li għoġobhom iwassluli l-messaġġi tagħhom.

Smajt kif iċ-ċirkostanzi preżenti kellhom effett fuq l-oqsma kummerċjali u soċjali, u fuq kollox fuq il-ħajja taċ-ċittadin u l-familji tagħhom.

Rajt kif, bħal dejjem, l-ispirtu Għawdxi jibqa’ dejjem wieħed kumbattiv u jara dejjem il-pożittività fl-isfidi.

Naf ukoll kemm hemm sens ta’ inċertezza fuq il-ġejjieni hekk kif l-ivvjaġġar kważi waqaf għalkollox. Qed nirreferi għall-ivvjaġġar tat-turisti.

Dan kollu ovvjament kellu impatt dirett u indirett tista’ tgħid fuq kull qasam u kull livell.

L-element komuni li jgħaqqad dawn l-isfidi hija r-rieda li tingħeleb din l- inċertezza. Hemm bżonn li lkoll naħdmu lejn għan wieħed, inkomplu nsibu soluzzjonijiet flimkien mibnija fuq id-diversifikazzjoni, il-flessibbilità u l- innovazzjoni.

Fuq kollox m’għandniex nitilfu t-tama li ma ndumux ma niġu lura għan-normal.

B’xorti tajba, l-ispinta li ngħatat lit-turiżmu intern, voldieri dak ta’ bejn Malta u Għawdex, taffa xi ftit jew wisq minn dan l-impatt.

Is-sbuħija naturali ta’ din il-gżira ġibdet eluf ta’ Maltin li flok ivvjaġġaw lil hinn minn xtutna għoġobhom iqattgħu xi btajjel qosra hawnhekk ġewwa Għawdex.

U dan iġibni għall-punt li nixtieq insemmi u li nsemmi ta’ sikwit fil-kuntest nazzjonali, u ser nisħaq fuqu, hawnhekk, f’Għawdex ukoll, b’mod partikolari minħabba l-ġmiel naturali ta’ din il-gżira.

Qed nitkellem dwar il-ħarsien tal-ambjent naturali. Sabiħ l-iżvilupp – u tajjeb li nkomplu niġġeddu.

Iżda dan m’għandux jiġi għad-detriment tal-ambjent naturali, karatteristiku tant ta’ din il-gżira ta’ Għawdex.

Hemm bżonn, dan għadni kif għidtu riċenti wkoll u nerġa’ nirrepetih, li jinstab bilanċ sostenibbli bejn bini u proġetti ta’ kostruzzjoni li huma ġodda u ħarsien tal-ambjent, li wara kollox għandna dmir u dover li nipproteġuh, għalina u għal min ġej warajna. Dan jekk verament nirrispettaw u nħobbu l-gżira ta’ Għawdex.

Ma ninsewx kemm l-ambjent naturali huwa essenzjali mhux biss biex jiġu ippreservati l-attrazzjonijiet li nsibu ġewwa Għawdex, iżda wkoll għas-saħħa fiżika u s-saħħa mentali tal-Għawdxin stess.

Issa, iktar minn qatt qabel, qed immissu b’idejna realtà fejn l-ispazji miftuħa u l- ambjent naturali huma bżonnjużi.

Nappella għalhekk biex tingħata iktar attenzjoni lil dawn il-kunsiderazzjonijiet meta niġu biex nieħdu dan it-tip ta’ deċiżjonijiet.

Irridu nkomplu nikbru u niġġeddu, però dan irid isir b’sens ta’ moderazzjoni.

Punt ieħor li nixtieq nitkellem dwaru hawnhekk huwa l-impatt li qed ikollha l- pandemija fuq dawk li jinsabu f’kundizzjoni ta’ vulnerabilità, hawnhekk f’Għawdex.

Naf li diġà hawn numru ta’ entitajiet governattivi, reliġjużi u oħrajn volontarji li diġà qegħdin iħarsu lejn dan l-aspett u jagħtu l-għajnuna f’diversi forom.

Għalhekk inrodd ħajr lil dawk kollha involuti f’ din il-ħidma u nħeġġiġhom ikomplu jindirizzaw il-ħtiġijiet ta’ din il-kategorija ta’ ċittadini.

Dan ma jgħoddx biss mil-lat ta’ saħħa medika jew fiżika, is-sitwazzjoni finanzjarja ta’ wħud mill-familji iżda wkoll il-ħarsien tas-saħħa mentali li għadna ma drajniex nagħtuha l-attenzjoni li jixirqilha.

Min kien diġà waħdu, dgħajjef u mitluf qabel il-pandemija kompla ħa tisbita dawn l-aħħar xhur, u għalhekk għandu bżonn l-attenzjoni tagħna u tagħkom.

Ejjew nagħmlu l-għalmu tagħna biex ħadd ma jibqa’ l-art u noħorġu lkoll kemm aħna minn din il-fażi kerha, noħorġu minnha b’saħħitna u magħqudin. Dan huwa konformi wkoll mal-messaġġ li għadu kemm ta l-Isqof fil-quddiesa li għadu kemm qaddes u fl-istess ħin ikun riflessjoni ta’ dak li qegħdin niċċelebraw illum. Niċċelebraw Ġieħ Għawdex, xi jfisser Għawdex, xi tfisser li tkun Għawdxi. Li tkun Għawdxi jfisser li inti dejjem ħsiebek, li inti tagħmel li jkun hemm bżonn u fl-istess ħin ukoll tagħmel minn kollox biex tara li ħadd ma jibqa’ lura.

U għalhekk nixtiqilkom ilkoll kull hena u kull barka, u fuq kollox nixtiqilkom is- saħħa.

Grazzi ħafna.

Skip to content