Sur Anthony Mifsud Professur Edward Warrington Sinjuri
Kien xieraq ħafna li jitfakkar il-ħamsa u għoxrin anniversarju mit-twaqqif tal-Uffiċċju tal-Ombudsman.
Kien xieraq ukoll li t-tifkira ewlenija tkun dan il-ktieb, Serving People and Parliament, li jirrakkonta l-istorja tal-istituzzjoni saħansitra minn qabel ma twaqqfet.
Fl-aħħarnett, huwa xieraq ukoll li t-tnedija ta’ dan l-istudju sseħħ hawn fil- Palazz ta’ San Anton, mhux biss bħala milja storika, iżda wkoll bħala turija ta’ rispett u apprezzament tagħna lkoll lejn din l-istituzzjoni, f’isem il-Poplu Malti u Għawdxi kollu.
Jiena rrid nibda billi nrodd ħajr lil kull min ta sehem u ta l-kontribut tiegħu għal-din il-pubblikazzjoni, fosthom ovvajment l-editur, il-Professur Warrington. Din hija opra tassew utli, hija referenza importanti mhux għalina li nistgħu ngawduha bħalissa biss, iżda wkoll għal kull min ġej warajna u jista’ jagħmel riċerka u jfittex f’kotba bħal dawn.
Il-ktieb jitfa’ lenti ċara ħafna dwar il-mixja demokratika u l-istat tad-dritt ta’ pajjiżna. Kif nafu sew, dawn il-prinċipji ma jilħqu qatt il-milja tagħhom, hekk kif socjetà li tikber u tevolvi, dejjem iġġib sfidi ġodda magħha u tifrex quddiemha oqsma oħra li jiżviluppaw maż-żmien, u dawn fi żmienhom iġibu magħhom l- isfidi tagħhom li jridu jiġu indirizzati.
Laqatni ħafna il-mod oriġinali u kważi personali wkoll, kif kull min mexxa dan l-Uffiċċju minn mindu twaqqaf ingħata l-ispazju jikteb dwar il-ħsibijiet tiegħu, ir-riflessjonijiet, u ċ-ċirkostanzi li fihom iddaħħlu bidliet radikali u kif il- poplu tgħallem ifittex u japprezza il-governanza tajba.
Ħadt gost nara kif il-ktieb huwa bbażat mhux fuq teorija, jew diskussjoni akkademika dwar amministrazzjoni biss – iżda fuq rendikonti ta’ żviluppi u ġrajja vera tal-protagonisti nfushom, fatti dokumentati u evalwazzjonijiet minn esperti f’dan il-qasam.
Dan il-ktieb, u oħrajn mirquma u riċerkati bħalu, għandhom isibu posthom fost l-għodda edukattiva għal min għandu għal qalbu kif titħaddem id- demokrazija, u kif tkun għal ġid taċ-ċittadini f’pajjiż demokratiku.
Sinjuri,
Aktar minn mitejn sena ilu, f’għeluq is-seklu tmintax, f’dan l-istess Palazz, iltaqgħu għall-ewwel darba fl-istorja ta’ pajjiżna, ta’ ġensna rappreżentanti tal- ibliet u rħula ‘ħielsa’ mill-ħakma tal-Franċiżi.
Il-Kungress, kif kien isejjaħ lilu nnifsu, ma kienx parlament kif nafuh illum, u lanqas ma kien demoktratiku, iżda fih twieldu idejat u ntisġu fl-
aspirazzjonijiet politiċi tal-Maltin: idejat dwar il-libertà tal-poplu u ta’ kull bniedem fi ħdanu u dwar id-dinjità inaljenabbli tal-bniedem; dwar id-dritt għal gvern kostituzzjonali li jħares il-ġid kollettiv tal-Maltin u l-Għawdxin.
Kien żmien ta’ gwerra, ta’ biża’ u ta’ ġuħ, żmien ta’ inċetezza u riskju kbir, żmien ta’ tbatija kollettiva. Kien ukoll żmien ta’ ħolm u ta’ ħidma sfieqa b’riżq il-ġejjieni ta’ ġensna.
Minn banda, l-Palazz ta’ San Anton kien iservi ta’ kwartieri ġenerali għat- tmexxija tal-imblokk kontra l-Franċiżi u d-diplomazija li biha l-Maltin kisbu l- għajnuna tal-potenzi l-kbar ta’ dak iż-żmien.
Iżda, aktar minn hekk, nistgħu ngħidu li l-Palazz sar il-benniena tal-istorja kostituzzjonali ta’ pajjiżna.
Hekk baqa’ matul iż-żewġ sekli u fuqhom u aktar minn żewġ sekli jiġifieri li għaddew minn dakinhar li l-ltaqa’ l-Kungress għall-ewwel darba. Hawn, fil- kwiet u b’sens kbir ta’ responsabbiltà, l-mexxejja ta’ pajjiżna matul is-snin iħarsu, iħaddmu u jiżviluppaw il-wirt kostituzzjonali Malti.
L-Uffiċċju tal-Ombudsman huwa element importanti ħafna ta’ dan il-wirt kostituzzjonali.
Kif diġa’ ntqal it-twaqqif tal-Uffiċċju fl-1995 kien pass ewlieni fl-iżvilupp kostituzzjonali ta’ Malta. Għalkemm dakinhar, il-kariga ma ngħatatx rikonoxximent kostituzzjonali, l-Ombudsman sa mill-bidu ingħata l-istatus ta’ ‘Uffiċjal tal-Parlament’.
B’hekk, minn banda, seta’ jaġixxi bl-awtorità sħiħa tal-leġiżlatura; u mill- banda l-oħra, il-Parlament ingħata għodda li permezz tagħha seta’ jissorvelja l- amministrazzjoni pubblika. Minbarra dan, kienet l-ewwel darba li l-liġi għaddiet, l-għażla u l-ħatra ta’ uffiċjal pubbliku għoli f’idejn il-Parlament, u li dan isir b’ maġġoranza ta’ żewġ terzi tad-Deputati.
Il-Kamra tad-Deputati mhux biss osservat dak li titlob il-liġi imma, fi spirtu ta’ rieda tajba qawwija sal-lum, appoġġat unanimament il-ħatra ta’ kull Ombudsman li ġie maħtur.
Il-mudell irnexxa: il-fiduċja għolja li jgawdi l-Ombudsman fost in-nies u d-Deputati ispirat riformi istituzzjonali oħra ta’ din ix-xorta, fosthom l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika fis-sena 1997 u l-Kummissarju dwar Standards fil-Ħajja Pubblika fis-sena 2018.
Matul dawn l-aħħar ħamsa u għoxrin sena, l-Ombudsman stħarreġ l-ilmenti ta’ għexieren ta’ eluf ta’ nies. Jissejjaħ ‘tarka għaċ-ċittadin’, ‘il-kuxjenza tal- amministrazzjoni pubblika’ u l-‘għassies tal-istat tad-dritt’.
Kull metafora tindika aspetti differenti tal-missjoni afdata f’idejn l- Uffiċċju.
Il-missjoni ewlenija tindirizzah lejn in-nies u n-nisġa ta’ relazzjonijiet li hemm bejniethom u l-amministrazzjoni pubblika. Tajjeb li niftakru li f’pajjiżna llum jgħixu għexieren ta’ nies li mhumiex ċittadini Maltin. Għalkemm dawn ukoll igawdu d-drittijiet u l-libertajiet fundamentali garantiti mill-Kostituzzjoni,
proporzjon minnhom mhux żgħir ibatu minn emarġinażżjoni soċjali, kulturali u, kultant, sfruttament ekonomiku.
L-Ombudsman għandu jkun ukoll it-tarka ta’ dawn in-nies.
Bħala ‘kuxjenza tal-amministrazzjoni pubblika’, l-Ombudsman jaqdi ukoll lis-servizz pubbliku, l-intrapriżi statali, l-awtoritajiet regolatorji, l-aġenziji u bosta kummissjonijiet u bordijiet li jipprovdu Servizz lill-pubbliku, lill-intrapriżi kummerċjali u lill-għaqdiet mhux governattivi ta’ Malta.
L-istħarriġ u l-pariri tal-Ombudsman la huma sentenzi ta’ qorti u lanqas huwa skrutinju ta’ awditur.
L-Uffiċċju m’għandux awtorità eżekuttiva biex jinforza r- rakkomandazzjonijiet li joffri. Il-Parlament bħal ma għamlu pajjiżi oħra demokratiċi qabilna, waqqaf istituzzjoni li taħdem bil-kelma t-tajba, b’sens qawwi ta’ ġustizzja u fair play, f’atmosfera ta’ fiduċja reċiproka u b’ rieda tajba, sewwa sew kif taħdem suppost il-kuxjenza tagħna.
B’hekk, l-Ombudsman jafferma l-awtonomija, il-ħila u r-rieda tajba ta’ amministrazzjoni pubblika, filwaqt li jgħinha ttejjeb is-servizzi u s-sistemi tagħha, u jirrikonċiljaha ma’ min iħossu offiż jew żvantaġġjat.
Rapporti uffiċċjali jgħidulna b’soddisfazzjon li ftit li xejn huma l-każijiet ta’ nuqqas ta’ qbil bejn l-Uffiċċju tal-Ombudsman u l-entitajiet li huma soġġetti għall-ġurisdizzjoni tiegħu. Madankollu, intenni s-sejħa li għamilt ħmistax ilu meta żort l-Uffiċċju, li r-rakkomandazzjonijiet tal-Ombudsman, fejn huwa possibbli, għandhom jintlaqgħu u jitwettqu.
Bħala għassies tal-istat tad-dritt, l-Ombudsman jaqdi l-Parlament fil- missjoni li nikkwota ‘jagħmel liġijiet għall-paċi, ordni u gvernar tajjeb ta’ Malta b’mod konformi ma’ rispett sħiħ għad-drittijiet tal-bniedem, il-prinċipji ġeneralment aċċettati tad-dritt internazzjonali u l-obbligi internazzjonali u reġjonali ta’ Malta. Dan joħroġ mill-Kostituzzjoni ta’ Malta, art. 65(1).
Ir-Rapport ta’ kull sena li l-Ombudsman jippreżenta lill-Kamra tad- Deputati jikkumenta dwar żviluppi li jistgħu jheddu l-istat tad-dritt, kif imfisser fil-Kostituzzjoni.
Dan ir-Rapport joffri idejat u pariri dwar mistoqsijiet kostituzzjonali, b’mod partikolari dwar ħwejjeġ li jmissu d-drittijiet fundamentali tal-bniedem u l-kwalità tal-governanza. Huma pariri studjati, prudenti, maħsubin u bbażati fuq għarfien intimu u wiesgħa tal-operat tal-istituzzjonijiet ta’ pajjiżna u fuq kollox fuq sens qawwi ta’ ġustizzja.
Għalkemm jiena ċert li d-Deputati individwali jixtarru dak li jkun hemm fir-rapport annwali, ikun tajjeb li l-Kamra tad-Deputati tiddibatti ir-riflessjonijiet u s-suġġerimenti tal-Ombudsman b’mod aktar regolari, kif, wara kollox, jitlob l- artikolu 29(1) tal-Att dwar l-Ombudsman u kif anke ġie ssuġġerit mill- Kummissjoni Venezja fl-aħħar Rapport tagħha.
Fl-aħħarnett, l-anniversarju li qegħdin infakkru u niċċelebraw jaħbat ma’ żmien ta’ tiġdid kostituzzjonali li hu mingħajr preċedent fl-istorja ta’ pajjiżna.
Għall-ewwel darba, wara li snin ilu bdiet tiġi diskussa l-bżonn ta’ riforma fil-Kostituzzjoni tagħna mill-Presidenti ta’ qabli, jien għamilt konsultazzjoni pubblika wiesgħa dwar x’ riformi kostituzzjonali iċ-ċittadini riedu jaraw fil- Kostituzzjoni tagħna.
Dan l-eżercizzju ngħalaq, u ser iservi bħala bażi għad-diskussjonijiet li mistennija jkollna fil-Konvenzjoni Kostituzzjonali, li tibda’ taħdem meta tippermettielna l-Pandemija.
L-esperjenza tal-iżvilupp tal-Uffiċċju tal-Ombudsman toffri tagħlimiet u preċedenti importanti li jistgħu jkunu ta’ għajnuna fit-tfassil ta’ bidliet kostituzzjonali oħra. Jispikkaw tliet prinċipji:
- L-ewwel, il-prinċipji ta’ gradwalità;
- It-tieni, il-prinċipju ta’ checks and balances maħsubin bir-reqqa; u
- It-tielet, il-prinċipju li għandu jinbena consensus fi ħdan il-Parlament u lil hinn minnu dwar il-missjoni u t-tifsila ta’ kull istituzzjoni.
Jien naf li l-ktieb jittratta fuq dawn il-mistoqsijiet, u nirrakkomandah bħala kontribuzzjoni oħra mill-Uffiċċju tal-Ombudsman b’riżq il-ħarsien tad-drittijiet taċ-ċittadin, l-integrità tal-amministrazzjoni pubblika, u l-kwalità tal-governanza tar-Repubblika ta’ Malta.
Fil-kuntest tal-konsultazzjonijiet dwar il-Kostutuzzjoni, ippermettuli nirreferi għar-Rapport tal-Kummissjoni Venezja tal-Kunsill tal-Ewropa ta’ Ottubru 2020 għadda li jagħti importanza kbira lill-Uffiċċju tal-Ombudsman.
B’mod iktar ġenerali inħeġġeġ lil dawk kollha involuti u interessati biex dan ir-Rapport jiġi dibattut b’mod kalm u kwiet sabiex jiġi deċiż bħala pajjiż x’għandna nadottaw minnu aktar minn dak li diġà ġie adottat, dejjem fil- parametri taċ-ċirkostanzi politiċi, legali, u kostituzzjonali ta’ pajjiżna.
Sinjuri,
Qabel nagħlaq nixtieq insellem lil kull min qeda’ d-dmirijiet ta’ Ombudsman jew ta’ Kummissarju fi ħdan l-Uffiċċju tiegħu – is-Sur Sammut, l- Imħallef Said Pullicino, u s-Sur Mifsud.
Magħħom insellem ukoll lill-Kumissarji, is-Sur Messina u l-Perit Saliba u ma nistax nonqos milli nsellem il-memorja tas-Sur Caruana Carabez.
Lilkom ilkoll inroddilkom ħajr għall-mod dinjituż li bih qdejtu u qegħdin taqdu l-missjoni afdata f’idejkom mill-Parlament.
Inrodd ħajr ukoll lil kull min jaħdem jew kien jaħdem fl-Uffiċċju tal- Ombudsman: hija ħaġa tabilħaqq tajba li wieħed jaqdi lil pajjiżu u lil niesu.
Bi pjaċir kbir, inniedi dan il-ktieb, Serving People and Parliament, u nirrakkomandah għal kull min għandu għal qalbu t-tmexxija xierqa ta’ pajjiżna.
Grazzi.