The President of Malta

Diskors tal-E.T. George Vella, President ta’ Malta, waqt il-gradwazzjoni ta’ residenti ġewwa l-Komunità Santa Marija (KSM), FSWS, 17 ta’ Ġunju 2022.

Ma nistax nibda dawn il-kelmtejn mingħajr ma nsellem personalment lil sħabna li għadna kemm tajniehom iċ-ċertifikat: Joel, Geoffrey, Brian, Therese, u Christopher. U ngħidilhom, kif diġà qalu l-kelliema ta’ qabli, li dan mhux l-għeluq, imma dan hu l-bidu ta’ ħajja oħra. Ċelebrazzjoni ta’ bidu ġdid. Fuq kollox, u skużawni li forsi se nirrepeti diskors li diġà ntqal, din hija ċelebrazzjoni ta’ kuraġġ u saħħa li jiena konvint li bix-xogħol li għamlu fuqkom u magħkom il-konsulenti, matul dawn l-aħħar xhur, ksibtu din ir-rieda u din it-tenaċità. U għalhekk nixtieq ngħidilkom grazzi.

Intom għażiltu li tkunu favur il-ħajja, li tissieltu għall-ħajja.

Intom għażiltu li terġgħu tkunu fuq in-naħa tat-tmun. Li tmexxu ’l ħajjitkom u mhux tħallu lil ħaddieħor imexxilkom ’il ħajjitkom jew affarijiet oħra jmexxu ’l ħajjitkom.

Kif intqal, il-baħar mhux kalm. Il-baħar huwa mqalleb ħafna, iżda llum għandkom l-istruzzjonijiet, għandkom kumpass, għandkom qlugħ u għandkom ankri b’saħħithom u dawn tridu tużawhom fi triqitkom ’il quddiem.

Jien naqsam magħkom frażi li qal il-psikologu Gabor Mate. Huwa jgħid li meta nitkellmu fuq id-dipendenza, għandna nistaqsu: ‘‘Not why the addiction but why the pain.”

Aħna lkoll naqblu li d-dipendenza mhix kapriċċ ta’ persuna xxellerata mitlufa f’ħajja bla rażan. Skużawni nuża dawn l-espressjonijiet, imma sfortunatament huma espressjonijiet li wieħed jista’ jismagħhom barra. Lanqas hija sforz ħajja ta’ xi ħadd għażżien jew inkella ta’ xi ħadd ma jimpurtah minn xejn. Id-dipendenza, tgħallmuni intom, tiżviluppa minħabba numru ta’ fatturi fosthom trawmi passati, tal-imgħoddi, abbużi preżenti u forsi anki sens ta’ iżolament li dejjem aktar jimbotta lill-persuna lil hinn min-nukleu familjari u n-nukleu tal-ħbieb li jkollu fis-soċjetà. Dan il-mod kif inħarsu lejn id-dipendenza jagħti sinifikat ġdid mhux biss għall-isfidi li ġġarrab persuna li qed tħabbat wiċċha mal-problema tad-dipendenza, iżda huwa wkoll riflessjoni ta’ realtà soċjali kumplessa. Il-ħajja llum hija ħafna aktar diffiċli u kkumplikata milli kienet tkun qabel. L-ambjent ta’ madwarna, l-opportunitajiet jew in-nuqqas ta’ opportunitajiet ta’ xogħol u s-sens ta’ appartenenza f’komunità jew grupp huma għodod ta’ reżiljenza, għodod li jġegħluna nikkumbattu, iżda li, u hawnhekk irridu ngħiduha, u li diġà għamlu aċċenn għaliha l-kelliema ta’ qabli, mhux aċċessibbli għal kulħadd.

Sinjuri,

Proprju ftit tal-ġimgħat ilu kien hemm konferenza mtellgħa mill-Fondazzjoni OASI li attendejt jien personalment fejn ġiet ittrattata t-tema tad-dipendenza, is-sustanzi u x-xogħol. Bosta kelliema tkellmu fuq l-importanza li t-taħriġ edukattiv u x-xogħol dinjituż għandhom jingħataw prijorità mill-bidu nett. Fil-fatt, dawn huma għodod importanti biex il-persuna tiżviluppa u tkun tista’ tgħix ħajja indipendenti. U hawnhekk norbot ma’ li qal is-Sur Grixti rigward il-formazzjoni, jekk hemm bżonn, ta’ kooperattivi.

Fid-diskors tiegħi sħaqt dakinhar li l-persuni li jkunu għaddejjin minn problemi ta’ dipendenza, l-ewwel u qabel kollox, jibqgħu PERSUNI u mhux isiru numri. U dan huwa importanti ħafna. Bħala soċjetà għandna nuru empatija, għandna nuru mogħdrija, għandna nuru li qegħdin nifhmu – u jekk ma nkunux qegħdin nifhmu, l-inqas li nistgħu nagħmlu huwa li ma nikkundannawx. Iżda anki rridu niżguraw li s-sistemi preżenti jagħtu l-għodod u l-opportunitajiet xierqa biex il-persuna tiżviluppa l-ħiliet tagħha filwaqt li terġa’ tiskopri t-talenti personali u l-imħabba lejn ħajja serena u produttiva.

U jien nista’ nassigurakom, anki mill-esperjenza tiegħi bħala tabib għal snin twal, li ħadd ma jrid li jispiċċa f’dawn is-sitwazzjonijiet. Kulħadd ikun jixtieq li jgħix kuntent, li jgħix komdu, li jgħix fis-serenità u li ma jiffaċċjax dawn il-problemi, ħa ngħidu hekk, bla bżonn. Jiġifieri min jidħol fihom, ħafna drabi, żgur ma nistgħux ngħidu “Dan mhux hekk ried?” Dan mhu veru xejn. Nemmen għalhekk li dan kollu ma jista’ qatt isir biss bl-impenn waħdieni tal-persuna li tkun waqgħet fil-vizzju tad-dipendenzi.

Dan irid ikun impenn kollettiv.

Huwa minnu li, grazzi għad-dedikazzjoni tal-ħaddiema u l-professjonisti fi ħdan il-Komunità ta’ Santa Marija hawnhekk, l-ewwel pedament sod jibda jitwitta meta mbagħad wieħed jibda anki jaħdem biex it-triq, li hi twila u diffiċli, tgħiduli intom, twassal għal ġurnata speċjali bħal tal-lum. Iżda fil-verità, hija s-soċjetà u kif kull wieħed u waħda minna jittratta persuni li kellhom problema li jwasslu għal ġid fit-tul. Inutli nagħmlu programmi, inutli nagħmlu l-konsultazzjonijiet kontinwi mal-konsulenti, tieħdu t-tagħlim kollu u mbagħad, bħalma qalu, kif toħroġ minn hawn ’il barra, issib soċjetà li mhix lesta biex tagħtik dak li hu tiegħek. Jekk mhux se ssibu hemm barra min ikompli jagħti r-rispett lilkom, malli toħorġu minn hawnhekk, ħafna drabi, jiddispjaċini ngħid, l-espressjoni Maltija, dak li jkun sar hawnhekk jiswa suf.

Faċli wieħed iwaħħal tabella ma’ persuna u jibqa’ jidentifikaha b’dak il-mod: “Dak kien drogat”, “dak kellu dipendenza”, “dak kien jixrob”, “dak kien jagħmel hekk”. Din hija xi ħaġa li sfortunatament mhux biss hemm bżonn ix-xogħol li jsir fuqkom hawn ġew, imma anki l-edukazzjoni barra. Sfortunatament kliem dispreġġattiv u li jweġġa’ jibqa’ jiġi ripetut. Din hija l-verità, imma kif qed ngħid, hemm bżonn l-edukazzjoni u edukazzjoni qawwija f’dawn l-affarijiet.

U ntenni li intom pedina importanti fis-soċjetà tagħna u ma għandkom tħallu lil ħadd ikasbar lilkom jew dak li ksibtu f’dawn l-aħħar xhur. U hawnhekk nirrepeti l-istess messaġġ: intom huma dawk li tridu turu s-suċċess tat-trattament li tieħdu hawn ġew. Intom tridu turu li intom illum il-ġurnata nies differenti. Intom se taffaċċjaw il-ħajja b’wiċċkom ’il quddiem, bl-ebda mistħija, għaliex wara kollox kulħadd għandu d-difetti tiegħu, u kull min ikollu marda jew ikollu xi ħaġa, imur għall-kura u għall-grazzja t’Alla hemm ċans kbir li jfiq.

Jien nieħu l-opportunità biex insellem lill-membri tal-familja tagħkom u dawk il-ħbieb li minkejja l-isfidi, baqgħu jgħożżukom bi mħabba kbira u jimbuttawkom lejn futur aħjar. Dawk huma l-veru ħbieb. Bħal kwiekeb f’lejl imdallam, dawn komplew inemmnu biex jagħtukom it-tama u anki jurukom it-triq.

Nagħlaq dan id-diskors billi nesprimi l-apprezzament tiegħi lill-ħaddiema kollha li jaħdmu f’dan il-qasam u nirringrazzjahom talli għażlu professjoni nobbli u bil-għan li jkunu ta’ ġid għas-soċjetà u jaraw dawn ir-riżultati fuq il-pazjenti tagħhom.

Nagħlaq billi nerġa’ nsellem lilkom għeżież Joel, Geoffrey, Brian, Therese, u Christopher u nagħmlilkom kuraġġ.

F’isem il-poplu Malti nistedinkom tkunu parteċipi u attivi fil-ħajja soċjali u filantropika.  

Kunu intom issa, li turu t-triq ’il quddiem għal ħaddieħor.

Nirringrazzjakom u nawguralkom.

Skip to content