Verament pjaċir għalija li nkun magħkom hawn illum, kemm bħala President tar-Repubblika, iżda wisq aktar bħala ċittadin Malti. Qed ngħid dan għax inħoss li l-isfidi li għadda minnhom pajjiżna minħabba l-imxija tal-COVID kienu diffiċli – kif diġà ntqal u ġie deskritt –, ħolqu bosta traġedji umani u b’xi mod laqtuna lkoll mill-qrib.
Jiena nieħu l-opportunità biex bħalkom u magħkom insellem il-memorja ta’ dawk li ħallewna u nesprimi l-kondoljanzi tagħna lill-familjari tagħhom. Ma nistax ma nsellimx ukoll il-ħidma imprezzabbli tat-tim mediku u tal-professjonisti l-oħra kollha li għal xhur sħaħ għexu taħt assedju kontinwu, iżda madankollu komplew jissieltu kontra għadu inviżibbli. Grazzi talli kontu hemm, għadkom hemm u tibqgħu l-fus fuqiex inserrħu s-saħħa tal-poplu Malti tagħna.
Nieħu wkoll għalhekk l-opportunità biex nirringrazzja lill-Maltese Association of Gerontology and Geriatrics ta’ din l-inizjattiva u tax-xogħol tagħhom mal-anzjani tagħna. Sfortunatament l-imxija tal-COVID ġabet restrizzjonijiet u iżolament għal bosta anzjani. Dan kien mifrux fuq bosta xhur u għalkemm it-teknoloġija tal-lum tagħmilha aktar faċli li wieħed iżomm xi forma ta’ kuntatt, dan it-tip ta’ komunikazzjoni mhux kapaċi jnissel l-emozzjonijiet daqs il-kuntatt fiżiku u uman. Fi żmien meta kien diffiċli nilqgħu għall-pandemija, il-laqgħat bejn il-membri tal-familja u dawk il-mawriet għand in-nanniet, kif għadu kemm ġie spjegat, sfaxxaw fix-xejn. Is-sitwazzjoni kienet aktar kiefra għal dawk l-anzjani li kienu jinsabu f’xi residenza jew rikoverati l-isptar. Minkejja l-kura u l-għożża li jħaddnu biha lill-anzjani l-ħaddiema f’dawn l-istituzzjonijiet, il-firda u n-nuqqas ta’ kuntatt fiżiku xorta jibqgħu esperjenzi diffiċli ħafna biex wieħed jiddeskrivihom.
Nappella għalhekk biex bħala soċjetà nsibu mezz ta’ kif insaħħu l-preżenza tagħna fil-ħajja ta’ dawn in-nies. Nemmen li flimkien mal-professjonalità tal-MAGG, kull wieħed u waħda minna jista’ jagħti sehmu biex il-kwalità tal-ħajja tal-anzjani tagħna tmur dejjem għall-aħjar. Anke ġest sempliċi bħal li wieħed jagħmel kumpanija lil min jinsab waħdu, ikellem lil xi ħadd, imur jakkumpanjah idoqqu xi mużika, jagħmillu xi qadja; affarijiet żgħar li jistgħu jfissru ħafna għall-anzjani tagħna.
Jeżistu ovvjament opportunitajiet oħra, basta wieħed jemmen fl-irwol ċentrali tal-anzjani fis-soċjetà tagħna. Ma ninsewx li l-minjiera ta’ informazzjoni u s-senduq ta’ esperjenzi li sawru ħajjet dawn in-nies, jagħtu stampa ċkejkna ta’ kemm bħala soċjetà għandna nkunu grati għall-ħidma tagħhom fil-passat u kemm għandna nħarsu lejn dan il-grupp b’rispett, bi mħabba u b’għożża. Forsi jkun hawn min jaħseb li qed nitkellem hekk għax anke jien nannu. Iżda nħoss li r-rispett lejn l-anzjani tagħna u s-soċjetà inklussiva jmorru lil hinn mill-konfini tal-età.
Fil-fatt, bi pjaċir nosserva li l-artisti li ħadmu fuq dan il-proġett ħasbu sew billi siltu l-monument permezz ta’ żewġ figuri, dik ta’ persuna anzjana u dik ta’ tfajla. It-tnejn iżommu distanza bejn xulxin, iżda permezz tas-swaba’ xorta jixtiequ li jagħmlu kuntatt. B’mod figurattiv, wieħed jista’ wkoll jinterpreta dan il-ġest bħala sors ta’ djalogu bejn il-ġenerazzjonijiet u li jkompli jkattar l-għarfien bejn il-ġenerazzjoni anzjana u dik aktar żagħżugħa.
Nifraħ għalhekk lill-artist is-Sur Wallace Falzon u lill-arkitett is-Sur David Zahra li flimkien mal-MAGG nisġu din l-idea sabiħa. Illum, li fis-snin li ġejjin ser inkunu nistgħu nkomplu ngawdu dan il-monument, iżda anke nirriflettu fuq dak li bħala nazzjon għaddejjin minnu, huwa jum speċjali. L-għażla tal-post hija wkoll waħda importanti għax tagħti prominenza lill-karattru reżiljenti tal-anzjani tagħna. Flimkien mal-ispirtu żagħżugħ, il-ġid tal-anzjani tagħna huwa teżor li għandna bżonn nindukraw aktar, speċjalment meta tinqala’ xi sfida nazzjonali, bħalma kienet dik tal-COVID.
Sinjuri,
Nagħlaq dan id-diskors b’messaġġ pożittiv favur l-għaqda bejn il-poplu Malti u Għawdxi, u l-ħtieġa ta’ politika inklussiva u attiva għall-anzjani tagħna. Din għandha tkun aċċessibbli għal kull anzjan, kemm dawk rikoverati f’xi dar tal-anzjani jew dawk li jgħixu ħajja indipendenti fid-dar tagħhom. Grazzi.