The President of Malta

Search
Close this search box.

Diskors tal-E.T George Vella, President ta’ Malta waqt żjara fid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili

Ministru Farrugia Direttur Psaila

Uffiċjali tal-Protezzjoni Ċivili

Ninsab ferm kuntent li qiegħed hawn magħkom u qed ikolli l-opportunità nifhem aħjar in-natura tax- xogħol fi ħdan id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili. F’isem il-poplu Malti nirringrazzjakom tal-ħidma tagħkom u nifirħilkom talli għażiltu professjoni li toffri servizz u li ġġib l-ewwel u qabel kollox is-saħħa u s-sigurtà ta’ min isib ruħu f’diffikultà u jkollu bżonn l-għajnuna. Ta’ dan grazzi!

Nieħu l-opportunità biex nirringrazzja wkoll lill-familjari tagħkom tas-sapport li tawkom u qed ikomplu jagħtukom matul is-snin. Nifhem li min jaħdem fi professjoni li tinvolvi l-kuntatt uman u sitwazzjonijiet stressanti, b’ħinijiet ta’ xogħol irregolari, b’xi mod jew ieħor, jassorbi dawn it-traġedji u xi ftit jew wisq iġorrhom miegħu d-dar. Huwa għalhekk importanti li nsellem ukoll lill-familjari tagħkom.

B’dispjaċir nosserva li, għajr għal meta jkun hemm xi traġedja jew inkella jinxtara apparat ġdid, ħafna drabi d-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili ma tantx jingħata prominenza. Nemmen li l-ħidma tagħkom għandha tingħata aktar attenzjoni u ġieħ u għalhekk nappella biex ikun hawn aktar attvitajiet li jedukaw u jnisslu interess fix-xogħol tal-Protezzjoni Ċivili. Minbarra dan, nieħu l-opportunità biex nisħaq fuq il-bżonn li jkun hemm kumpens aktar adegwat u li jieħu inkonsiderazzjoni l-livell għoli ta’ riskji li inthom tħabbtu wiċċkom magħhom kuljum.

Dan biex ma nsemmux il-livell ta’ preparazzjoni meħtieġ u li jista’ jintlaħaq u jinżamm biss b’taħriġ

kontinwu u dixxiplinat.

Bħal ma dejjem sħaqt, l-edukazzjoni u t-tagħlim tul il-ħajja huma ċ-ċavetta biex individwu jkompli jkabbar l-għarfien u jsaħħaħ il-kapaċitajiet tiegħu. Minnbarra dan, it-tagħlim tul il-ħajja jipprovdi lill- persuna b’opportunità li żżomm ruħha aġġornata u titgħallem strutturi u teknoloġiji ġodda. F’kull qasam l-avvanzi fit-teknoloġija huma bżonnjużi u ta’ benefiċċju, iżda dawn iġibu magħhom il-bżonn li l-ħaddiem ma jieqaf qatt jitgħallem u jaġġorna ruħu. Nemmen li dan qed jiġri wkoll fil-każ tagħkom.

Nagħlaq billi nappella li dejjem tkunu kburin bix-xogħol tagħkom. Nixtieq li aktar tfal u żgħażagħ jagħrfu kemm hu ta’ sodisfazzjon tkun ta’ servizz għal ħaddieħor u jaspiraw li ’l quddiem jibdew karriera mad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili.

Ħudu ħsieb saħħitkom u osservaw l-għaqal u l-kawtela fid-deċiżjonijiet li tieħdu waqt ix-xogħol tagħkom.

Grazzi

Skip to content