Ċentru Sportiv tal-Kottonera
Nibda billi nsellem lil kulħadd, l-ewwel nett, u nirringrazzja lil kull min tkellem qabli u ningħaqad mija fil-mija ma’ dak kollu li ntqal.
Politika importanti ħafna li qed nipprova li nħalliha biex tiddeskrivi l-Presidenza hija x-xewqa tal-għaqda nazzjonali. Ix-xewqa li ningħaqdu flimkien u li nnaqqsu kemm nistgħu d-differenzi li hemm bejnietna. Ma jistax ikollna okkażjoni aħjar minn din fejn wieħed iħossu kkonfortat illi jara illi hemm qbil u hemm anki wegħda ta’ koperazzjoni fuq issues bħal dawn.
U dan qegħdin ngħiduh għaliex, kif tafu intom, iktar ma noqorbu lejn is-26 ta’ Diċembru, il-famuża l-Istrina, iktar jibdew l-attivitajiet jirrankaw, jiżdiedu, fejn fihom is-sens komunitarju u s-sens ta’ unità u ta’ għaqda bejnietna, jispikka.
Ktibt xi mkien riċenti fejn għidt li meta ddur għall-poplu Malti u titolbu jgħin, tkun xi tkun il-kawża – umanitarja, soċjali, whatever – insibuh fuq quddiem. Imbagħad ovvjament għandu d-difetti tiegħu meta niġu biex nirrelataw wieħed mal-ieħor – meta naraw is-social media, x’ngħidu fiha, x’inweġġgħu biha – u tgħid dan l-istess poplu? Ħalli ma niddevjax però.
Jiena rrid ngħid biss li okkażjoni bħal din, kif għidt diġà, ħa tgħaqqadna u ħa tagħtina messaġġ qawwi ħafna.
Jiena biss kelli l-okkażjoni li nattendi Fun Run waħda kemm ili fil-Presidenza. Anzi biex ngħid hekk pruvajna nagħmluha, kien il-maltemp u kellna nipposponuha. Imma anyway, dik hija xi ħaġa oħra.
Din id-darba, kif intqal diġà, ma qgħadniex idejna fuq żaqqna u għidna “Isma’, ma nistgħux nagħmluha, m’hemmx x’tagħmel. Il-kundizzjonijiet huma dawk li huma u jkollna naċċettaw li ma nagħmluhiex”.
Apparti l-fatt li kien hemm ħafna nies li l-ħin kollu kienu jgħidulna “M’intomx se tagħmluha? X’se tagħmlu? Kif se tagħmlu?” U hawnhekk irrid nirringrazzja lil Stephen, b’mod partikolari, u anki lil kull min ħadem miegħu u anki lil Mario rigward l-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali, illi ħarġu b’din l-idea innovattiva illi flok ma nagħmlu xejn, nippruvaw naraw kif nisfidaw in-normi u l-kundizzjonijiet li qed timponi fuqna l-COVID.
L-idea li wieħed jiddeċentralizza, li minflok nagħmlu l-event qawwi li kien isir qabel, u wieħed jiltaqa’ kulħadd f’daqqa – li ma nistgħux nagħmluha minħabba r-regolamenti ta’ kontra l-COVID – ġegħlitna naħsbu mod ieħor, kif jgħidu l-Ingliżi “out of the box”. U ħarġet l-idea li nagħmlu ġirjiet żgħar – lanqas huma ġirjiet, mixjiet eżattament – fil-lokalitajiet kollha biex wieħed jiddeċentralizza.
Kif qal Mario, l-idea nħatfet mill-Kunsilli Lokali kollha, l-informazzjoni li għandi jien kienet li kien hemm appoġġ totali għal din l-idea, u rrid ngħid li jekk aħna jirnexxielna nagħmlu li qegħdin inwettqu, ċertissimu li se jkun suċċess.
Meta qed ngħidu li rridu mill-inqas 100 ruħ f’kull lokal, jien naħseb li ħa jkollna sorpriżi għaliex konvint illi fil-lokalitajiet ħa jkun hemm ħafna iktar minn 100 ruħ f’kull lokal. U dan ma jippreżentax problemi għaliex kif qegħdin ngħidu wieħed jista’ jagħmilhom bubbles ta’ mija mija u allura nkunu nistgħu nimxu ’l quddiem.
L-iskop, fl-aħħar mill-aħħar, x’inhu? L-iskop huwa s-solidarjetà. L-iskop huwa li l-messaġġ hemm barra joħroġ lin-nazzjon u anki lil min iħares lejna illi dan huwa nazzjon li fejn tidħol is-solidarjetà, jingħaqad.
U għalhekk jiena nemmen li għandna nikkultivaw dawn l-okkażjonijiet għaliex fihom nuru kemm hemm affarijiet li jgħaqqduna. Dejjem nitkellmu fuq x’jaqsamna u x’jagħmilna separati fuq naħat differenti. Però kif għidt ħafna drabi wkoll, ejjew nibdew billi nivvalutaw dak kollu li hu pożittiv u li jgħaqqadna. U hemm ħafna minn dan, hemm ħafna.
L-affarijiet l-oħra, minn fuq dik il-pjattaforma mbagħad, nistgħu ngħaddu għalihom, ħalli nkunu nistgħu nitkellmu fuqhom b’mod ċivilizzat, b’mod rispettuż, ħalli nkunu nistgħu mbagħad anki, jekk hemm bżonn, u possibbilment, innaqqsu d-differenzi li jkun hemm bejnietna.
Jiġifieri jiena kulma rrid inżid ma’ dan kollu huwa li rridu nagħtu l-messaġġ li dil-pandemija li fortunatament bħalissa tidher li forsi ħa tbatti, però ma niġrux għaliex nafu u naraw x’qed niġri barra minn pajjiżna. Jiġifieri ma rridux inkunu kunfidenti żżejjed. Nimxu mar-regolamenti, imma xorta rridu nwasslu l-messaġġ li mhux se nħallu l-pandemija twaqqafna.
Kif intqal diġà, u kif sfortunatament kulħadd jaf, il-pandemija ma tfissirx li waqfu t-talbiet u l-bżonnijiet li għandhom il-Community Chest Fund, if anything, żdiedu. Community Chest Fund, ħalli ma ngħidx il-bieb tagħha, jiena ngħid lanqas hemm bieb, kulħadd min ikollu bżonn ġej, u jien ma noħlomx li nara ġurnata fejn ngħidu ħa jkollna nnaqqsu l-benefiċċji għaliex m’għandniex minn fejn. Dik hija xi ħaġa li ma nistax nikkonċepiha u ma naċċetta qatt li naslu għal dik il-kwistjoni.
U minn hawn, minn qalbi, nagħmel l-appell lill-poplu Malti kollu, illi ma niftakrux biss li l-mard u l-bżonnijiet jiġu fis-26 ta’ Diċembru biss, imma qegħdin hemmhekk is-sena kollha.
Sfortunatament, min intmiss fil-familja u fil-ħbieb u fil-qraba b’mard u jaf x’jiġifieri, jaf x’jien ngħid. Ma kienx hemm xhur meta tmur jew ma tmurx, ma kienx hemm ġranet partikolari. Meta jinqala’ l-bżonn, min kellu bżonn ġie u s’issa, għall-grazzja t’Alla, irnexxielna nippruvaw nieqfu ma’ kulħadd.
Huwa veru li t-talbiet żdiedu, u dan huwa ta’ għafsa ta’ qalb għaliex dan ifisser li hemm iktar nies li qegħdin ibatu u jgħaddu minn din l-esperjenza negattiva ta’ mard u ta’ kanċer, però immaġinaw is-sitwazzjoni jekk wieħed ikun f’dik id-disperazzjoni u ma jsibx l-appoġġ tiegħu.
Jiena nsellem lil min kien beda dan il-Fond għaliex kien hemm viżjoni fih, illum il-ġurnata veru kiber ħafna iktar milli wieħed kien jistenna, imma dawn huma l-isfidi li rridu naffaċċjaw. U jiena qiegħed hawnhekk magħkom biex din l-isfida nieqfu għaliha u nagħmlu l-aħjar li nistgħu.
Mezz minnhom se jkun dan, li kif intqal diġà, niltaqgħu fil-21 ta’ Novembru, nagħmlu l-mixja tagħna b’appoġġ għall-Community Chest Fund u fl-aħħar tal-ġurnata nkunu kuntenti li għall-inqas għamilna dik ix-xi ħaġa.
Wara dan irrid infakkar ukoll li jiena nistieden lis-sindki kollha mbagħad biex jingħaqdu magħna Sant’Anton ħalli ngħidulhom grazzi.
Nirringrazzjakom, u grazzi tal-appoġġ u talli organizzajtu dan kollu.
Grazzi ħafna.