The President of Malta

Diskors tal-E.T. il-President ta’ Malta waqt il-ftuħ mill-ġdid tal-Palazz tal-Gran Mastru, il-Belt Valletta.

On. Prim Ministru,

On. Deputat Prim Ministru,

On. Ministri,

Chairman, Heritage Malta,

Kap Eżekuttiv, Heritage Malta,

Mistednin Distinti,

Hu ċertament ta’ sodisfazzjon kbir għalija li lejn tmiem il-Presidenza tiegħi ser nara dan il-proġett tar-restawr tal-Palazz tal-Gran Mastru kważi mitmum.

Kif jgħid tant tajjeb il-qawl Malti – kull mibdi mitmum… f’dan il-każ ngħid ‘kważi mitmum’ għaliex proġett daqshekk kbir fuq ġojjell arkitettoniku u storiku bħalma huwa dan il-palazz, ma jispiċċa qatt u bir-raġun jibqa’ għaddej, bla waqfien biex jagħmel tajjeb għall-ħsarat kontinwi li jagħmel iż-żmien.

Matul dawn il-ħames snin tal-Presidenza tiegħi, żort kemm-il darba l-lantijiet tar-restawr. Kelli l-okkażjoni nifhem ferm u ferm aktar il-kumplessitajiet ta’ proġett enormi bħal dan.

Aktar milli ngħid li kif jgħid il-Malti, kull mibdi mitmum, nista’ nżid li tal-anqas fil-każ ta’ dan il-proġett, kull mibdi spiss kien iwassal għal xi bidu ieħor, kultant aktar minn wieħed, u flok it-tmiem kien spiss ikun il-bidu ta’ bżonnijiet oħra, bdil ta’ pjanijiet u ħtieġa ta’ azzjoni ħafna drabi pjuttost mgħaġġla u mhux mistennija.

Mill-bidu tal-Presidenza tiegħi kelli mmexxi l-Uffiċċju tiegħi, bl-impjegati kollha, u dak kollu li jmur magħhom, lejn il-Palazz ta’ Sant’Anton. Ħloqna l-ispazju fejn noqogħdu b’diffikultajiet mhux żgħar. Xejn minn dan ma kien previst, u ngħid għalija din kienet aħbar xejn sabiħa.

Għamilna l-impossibbli u b’xi mod sibna postna fl-ispazju u l-limitazzjonijiet li joffri Sant’Anton.

Meta nħares lura ma jiddispjaċini xejn għas-sagrifiċċju li jien u l-istaff tiegħi kellna nagħmlu, għaliex maż-żmien għaraft l-urġenza li kien hemm għar-restawr ta’ dan il-ġojjell li kellu ħsarat mhux żgħar.

Kien pjaċir tiegħi li perjodikament inżur ix-xogħlijiet, nitgħallem dwar l-aħħar skoperti, niddiskuti l-kwistjonijiet u l-isfidi li nqalgħu ma’ kull skoperta jew għarfien ġdid. Saqsejt biex nifhem it-triq ’il quddiem, il-mod kif l-interventi jiġu eżegwiti, il-materjali użati u s-soluzzjonijiet magħżula.

Matul dawn il-ħames snin, sirt konxju ta’ kemm ir-restawr ta’ sit storiku kumpless bħal dan, bis-saffi kollha tiegħu ta’ użu, storja u kultura, mhuwiex faċli.

Lanqas xejn.

L-approċċ multidixxiplinarju, li l-Uffiċċju tiegħi wkoll ħass li kien parteċipi fih bis-sħiħ, ġab flimkien tant ħiliet u kompetenzi, tant sfidi u opportunitajiet ta’ għarfien ġdid. Dan kollu għexnieh ma’ dawk kollha li ħadmu hawn fuq dan il-proġett.

Irrid hawnhekk nirringrazzja u nsellem lil dawk kollha, mill-kbir saż-żgħir, li taw sehemhom, biex dan il-proġett hekk kbir u kkumplikat seta’ jitwettaq. Ma nsemmi lil ħadd partikolari imma rrid ninkludi lil min ippjana x-xogħol, min wettaq ix-xogħol, min ħadem b’moħħu, min bil-forza ta’ dirgħajh, biex flimkien illum tawna dan il-ġojjell, restawrat biex ikompli jitgawda mill-Maltin u mill-barranin li jiġu jżuruna.

Kienet responsabbiltà mhux żgħira. Proset lill-ħaddiema kollha. Irnexxielkom. F’isem il-poplu Malti u Għawdxi, nirringrazzjakom.

Dak li xi darba kien il-Palazz tal-Gran Mastru, u aktar tard il-Palazz tal-Gvernatur, illum hu l-Palazz tal-President. Dan hu sit storiku ewlieni ta’ pajjiżna u waħda mill-aktar attrazzjonijiet turistiċi importanti li għadna ngawdu sal-lum. Iżda dan huwa wkoll palazz funzjonali li jaqdi l-funzjoni u l-ħtiġijiet tal-ogħla Uffiċċju tal-Istat – dik tas-sede uffiċjali tal-President tar-Repubblika. Din it-taħlita unika ta’ funzjoni u skop, użu u esperjenza issa għandha l-kumdità ta’ bini storiku restawrat, magħruf u studjat aħjar.

Jien diġà bdejt nagħmel użu limitat mis-swali u l-kurituri li ġew restawrati. Bil-mod il-mod, hekk kif ikompli jsir ix-xogħol li jonqos isir fil-parti fejn ser jinfetaħ mill-ġdid l-Uffiċċju tal-President, isir it-trasferiment tal-uffiċċji tal-istaff, u d-dokumenti neċessarji għall-funzjonament tal-Uffiċċju.

Dan il-proġett ta’ restawr jurina biċ-ċar kif nistgħu nagħtu futur lill-passat tagħna. Iżda jinħtieġ li nħarsu wkoll lejn kif dan il-wirt kulturali jkun ukoll passat denju tal-futur tagħna.

X’tip u kwalità ta’ passat ser inħallu lill-ġenerazzjonijiet futuri tagħna jiddependi minna.

Jiddependi minn kif ser nagħmlu użu minn dan is-sit storiku li mhux biss huwa attrazzjoni turistika, iżda sit li għandu funzjoni statali importanti x’jaqdi.

Jiddependi minn kemm ser namministraw dan il-wirt kulturali b’mod sostenibbli billi niggarantixxu l-aċċess u l-użu tiegħu filwaqt li nibqgħu nħarsuh u nindokrawh.

Dan jiddependi biss minna.

Aħna l-antenati tal-ġenerazzjonijiet li għad iridu jgawdu dan il-wirt kulturali u jagħmlu użu minnu. Nawgura li dak li qegħdin niċċelebraw illum hu kapitlu ieħor sabiex, biex norbot ma’ dak li bdejt bih, il-mitmum ikun bidu ġdid.

Jalla jkun il-bidu ta’ triq li matulha jiġġeddu l-għarfien u s-sostenibbiltà tal-wirt kulturali Malti li dan il-palazz, il-Palazz tal-President, hu parti tant importanti minnu.

Nagħlaq billi ntenni r-ringrazzjamenti tiegħi lill-istaff tal-Uffiċċju tiegħi, li f’dawn l-aħħar erba’ snin u nofs għamlu sagrifiċċji biex flimkien ħdimna u wettaqna d-doveri tagħna fil-limitazzjonijiet ta’ ftit kmamar li adattajna ġewwa l-Palazz ta’ Sant’Anton.

Sodisfatt li dan is-sagrifiċċju ma għamilniehx għalxejn.

Grazzi.

Skip to content