The President of Malta

Search
Close this search box.

Diskors tal-E.T. il-President Vella għaż-Żjara fl-Uffiċċju tal-Awditur Ġenerali

Awditur Ġenerali, Sur Deguara

Deputat Awditur Ġenerali, Sur Camilleri Sinjuri

Nibda’ billi nirringrazzjakom ta’ din l-istedina u tal-laqgħa li tajtuni fostkom.

Kienet intenzjoni tiegħi inżurkom xhur ilu, iżda kellna nipposponu minħabba dak li għaddejna minnu dawn l-aħħar ġimgħat.

Allura, bi pjaċir qed inżur l-Uffiċċju tagħkom bħala waħda mill-ewwel żjarat uffiċċjali tiegħi issa li qed niġu lura għan-normal.

Din mhux koinċidenza.

Qiegħed hawn illum biex inwassal messaġġ ċar fuq l-importanza li nagħti lix-xogħol siewi li tagħmlu, f’ġieħ il-governanza tajba u l-kontabilita’.

Dawn huma valuri kruċjali li fuqhom tissawwar soċjeta’ b’saħħitha. Il-funzjoni li jaqdi dan l-Uffiċċju f’dan ir-rigward huwa imprezzabbli.

L-indipendenza sħiħa, li kif inhu xieraq igawdi minnha dan l-Uffiċċju, hija garanzija li x-xogħol isir mingħajr ebda indħil jew xkiel.

M’għandu jkun hemm ebda eċċezzjoni għall-din il-garanzija.

Jien mhux xi wieħed li nkejjel ix-xogħol bil-kejl u l-ammonti tal-karti.

Kif tafu bħali, il-kwalita’ hija ferm iktar importanti mill-kwantita’. Fil-każ tagħkom pero’, l-ammonti, il-frekwenza u l-varjazjoni fir-rapporti li toħorġu b‘mod regolari huma tassew impressjonanti.

Qrajt b’interess kbir dwar ir-Rapporti li ħejjejtu dwar il-ħarsien tal-anzjani, it-trasport pubbliku, it-teknologija tal-informatika u l-Kunsilli Lokali, l-Abbuż fuq it-tfal, u l-Proġett ta’ Mater Dei fost bosta oħrajn.

Apparti dawn ir-rapporti, innutajt ukoll li tagħmlu ‘Audits’ differenti ħafna fin-natura tagħhom u li bla dubju jkomplu jgħabbu mat-toqol ta’ xogħol li twettqu.

Huwa ta’ sodisfazzjon kbir għalija nara kif l-Uffiċċju jgawdi mir-rispett mhux biss tal-Awtoritajiet, iżda wkoll tal-pubbliku b’mod iktar mifrux.

Bl-istess sodisfazzjon ninnota kif intom ukoll preżenti, u rispettati wkoll barra minn Malta hekk kif intom tirrapreżentaw lil Malta f’ bosta gruppi internazzjonali, primarjament dawk Ewropej. Intom b’hekk tiftħu tieqa importanti ħafna għal pajjiżna, fejn tistgħu twasslu messaġġ f’waqtu u f’loku fuq kif l-istituzzjonijiet ta’ Malta jaħdmu, u jaħdmu sew.

Fl-istess nifs, tkun ukoll qed tisimgħu u tintegraw dawk l-imsejħa ‘best practices’ li jsegwu pajjiżi oħra u forsi jistgħu jkunu applikabbli għal-każ tagħna wkoll.

Bħal kull entita’ jew awtorita’ oħra, dan l-Uffiċċju irid dejjem ikompli jiġġedded.

Hekk biss jista’ jibqa’ dinamiku u rilevanti.

Il-Pjan Strateġiku li ġie mfassal jieħu ħsieb l-istrutturi jiġu modernizzati sabiex tiżdied l-effiċċjenza fix-xogħol, iżda wkoll jizdied il-kuntatt ma’ entitajiet oħra, u l-pubbliku b’mod ġenerali.

Dan mhux qed isir biss fuq il-karta.

Naf li per eżempju, permezz tal-Pjan ta’ Azzjoni tiegħu, dan l-Offiċċju qed iħares lejn kif jikseb l-aqwa riżultati mill-iStrateġija li tħejjiet, billi jidentifika liema huma dawk l-Audits l-aktar rilevanti u jissaħħu l-kuntatti u l-iskambji ma’ entitajiet differenti kif ukoll ma’ min qed jiġi awditjat innifsu.

Ħadt gost nara kif l-Uffiċċju dawwar il-pandemija tal-Covid, f’ opportunita’. Ix-xogħol baqa’ għaddej, ir-rapporti xorta saru, u ingħatat il-faċilita’ lill-uffiċċjali li jagħmlu użu mit-Telework.

Dan huwa għalija, eżempju ċar ta’ effiċċjenza u reżiljenza li ta’ min wieħed ifaħħar u jsarraf ukoll f’entitajiet u istituzzjonijiet oħra.

Ippermettuli fl-aħħar nagħmel xi kummenti dwar proġett nazzjonali li qed immexxi jiena, jiġifieri ir-Riforma tal-Kostituzzjoni.

Filwaqt li dan l-Uffiċċju diġa jgawdi minn bażi soda Kostituzzjonali u Leġislattiva, jista’ jkun li wasal iż-żmien li l-Artikli rilevanti fil-Kostituzzjoni u l-Atti tal-liġi kkonċernati jiġu riveduti.

L-għan ewlieni ta’ dawn l-emendi, għandu jkun dak li tkompli tissaħħaħ din l-istittuzzjoni, fid-dawl ta’ sfidi ġodda li qed tħaqqaq wiccha magħhom is-soċjeta’. Uħud mis-suġġerimenti li wasluli jipproponu li l-awditjar isir ukoll fuq individwi u entitajiet li jirċievu fondu pubbliċi, anki dawk li ma jaqgħux eżatt taħt ir-responsabbilta’ tal-Gvern.

Ser inkun qed insegwi b’interess kbir, il-proposti li ser ikunu qed jitwasslu.

Jekk inħarsu lejn il-ġejjieni, naħseb taqblu miegħi jekk ngħid li l-isfidi mhux ħa jonqsu, iżda jiżdiedu. Nibda’ bl-ovvju u nsemmi l-effetti li l-kriżi tal-COVID ser ikollha mhux biss fuq Malta iżda wkoll fuq il-komunita’ internazzjonali li tagħha aħna parti attiva. Ma’ din inżid it-talba kontinwa għal-‘audits’ speċjali imsejħa mill-Kumitat tal-Kontijiet Pubbliċi, il-kontabilita’ fl-użu ta’ fondi mill-Unjoni Ewropea kif ukoll it-talba dejjem mill-pubbliku għall-aċċess ta’ informazzjoni u iktar trasparenza.

F’dan l-isfond, nixtieq nisħaq li l-Uffiċċju tagħkom għandu l-appoġġ kollu tiegħi għall-ħidma sfiqa u bżonnjuża li twettqu.

Ninsab konvint li taħt it-tmexxija tas-Sur Deguara, bl-assistenza tas-Sur Camilleri, u d-dedikazzjoni tagħkom ilkoll, ser jingħelbu dawn l-isfidi, u kull ostaklu ieħor li jaf jinqala’ maż-żmien.

Nirringrazzjakom f’isem il-Poplu Malti kollu, għas-servizz li qegħdin tagħtu lill-pajjiżna.

Skip to content