The President of Malta

Diskors tal-ET George Vella President ta’ Malta fil-Konferenza Nazzjonali dwar il-Futur tax- Xogħol

Ministru Helena Dalli, Onor. Adrian Delia, Sinjuri

Merħba għal din il-konferenza nazzjonali dwar il-futur tax-xogħol.

Din hija sena speċjali għal pajjiżna. Fil-fatt dalwaqt niċċelebraw il-100 sena mill-irvellijiet tas- Sette Giugno, u l-250 sena minn meta ġiet imwaqqfa l-Università ta’ Malta. Ma’ dawn l- anniversarji, issa ser nżidu anniversarju ieħor importanti: l-ewwel ċentenarju mit-twaqqif tal- ILO.

Ninsab kuntent li permezz tal-Uffiċċju tiegħi u l-Ministeru għall-Affarijiet Ewropej u l- Ugwaljanza, Malta qed tieħu parti f’inizjattiva li tkompli tagħti prominenza u importanza lill- obbligu li gvernijiet joħolqu suq ta’ xogħol li huwa mibni fuq is-sigurtà ekonomika, opportunitajiet indaqs u l-ġustizzja soċjali. Minbarra dan, il-konferenza tal-lum ser tkun qiegħda wkoll tagħti vuċi b’saħħitha lill-ħaddiema Maltin li aktar ma jmur aktar qed jaħdmu f’ambjent ta’ xogħol li qiegħed dejjem jinbidel, kemm f’dak li huwa ambjent tax-xogħol, l- għodod użati u l-isfidi li jridu jintegħlbu.

Id-dinja li qed ngħixu fiha llum, hija ferm differenti minn dik li kienu jgħixu fiha l-ġenituri tagħna, jew insomma persuni tal-ġenerazzjoni tiegħi!

L-għodod u r-ritmu ta’ ħafna xogħlijiet inbidel maż-żmien u f’ħafna mis-setturi daħal aktar l- użu tal-kompjuters u teknoloġija avvanzata.

Nitkellem mill-esperjenza tiegħi bħala tabib u t-tibdil li rajt iseħħ f’din il-professjoni. Għalkemm il-prinċipju li ssalva l-ħajja jibqa’ l-fulkrum tal-professjoni medika, dawn l-aħħar 30 sena t-teknoloġija bidlet b’mod drastiku kif tabib u professjonisti mediċi jagħmlu xogħolhom.

L-għodda użati llum ma vvintawhomx it-tobba. Kienu ‘spin off’ ta’ riċerka aktar wiesgħa, u dawk is-sejbiet xjentifiċi ġew applikati fl-użu tal-medicina. Hekk ġara fl-iżvilupp ta’ ħafna għodda oħra.

Dawn il-bidliet huma neċessarji u jikkumplimentaw l-avvanzi fix-xjenza, madankollu jistgħu joħolqu diffikultà jew barriera għal ċertu ħaddiema. Dawn tal-aħħar, ħafna drabi, ikunu sabu diffikultà biex jadattaw u jitgħallmu proċeduri ġodda.

Id-dinja tal-lum mhix id-dinja tal-bieraħ. Bl-istess mod, id-dinja tal-lum mhix ser tkun id-dinja ta’ għada. Għalhekk, l-industrija u l-opportunitajiet ta’ xogħol jinsabu dejjem fi tranżizzjoni u tajjeb li nifhmu fejn ninsabu illum. Il-ħaddiem, bid-differenza mill-ħaddiem tal-bieraħ irid iżomm ruħu aġġornat u mħarreġ matul il-karriera tax-xogħol tiegħu.

F’dawn l-aħħar mitt sena, l-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol kienet organizzazzjoni strumentali biex id-drittijiet tal-ħaddiem ikomplu dejjem jingħataw prominenza u attenzjoni kbira. Id-dokument ‘Work For A Brighter Future’ huwa għodda importanti biex il-gvernijiet ikunu konxji tat-tibdil fid-dinja tax-xogħol u jintroduċu liġijiet u strutturi li jissalvagwardjaw lill-ħaddiem mingħajr ma joħolqu xkiel għall-industrija. Dan id-dokument, huwa wkoll ċavetta important għas-soċjetà ċivili u organizzazzjonijiet oħra li jaħdmu fil-qrib mal-ħaddiema. Il-

parteċipazzjoni ta’ għaqdiet li jiffukaw fuq is-sostenibilità u l-ugwaljanza bejn is-sessi jkomplu

jagħtu ħarsa aktar ħolistika lejn id-dinja tax-xogħol u l-isfidi ta’ quddiemna.

Sinjuri,

Naqbel perfettament mal-importanza li jkun hemm rieda u investiment akbar fit-taħriġ kontinwu tal-ħaddiema. B’taħriġ ma nifhmix biss dawk is-suġġetti strettament relatati max- xogħol preżenti, iżda anka opportunità li l-ħaddiem jitħarreġ f’setturi u industriji oħra li għandna diġà ħjiel li jistgħu jkunu magħna fil-futur qarib.

Nemmen li t-tagħlim tul il-ħajja u l-inkoraġġiment minn min iħaddem biex persuna tespandi l-orrizzonti tagħha, imorru pari passu mal-kapaċità li din tadatta għal sitwazzjonijiet u sfidi ġodda. Minnbarra dan, tagħlim kontinwu jservi biex il-persuna ż-żomm ruħha attiva u ma tħallix ir-rutina tniżżilha l-isfel f’fondoq statiku u mudlam.

Nifhem u napprezza wkoll l-importanza li istitutzzjonijiet bħal l-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol ikomplu jaħdmu u jipprovdu pjattaforma ħolistika għall-ġid tal-ħaddiema. Nilqa’ għalhekk bi pjaċir il-proposta li tiġi introdotta Universal Labour Guarantee, fejn il-ħaddiema kollha jkollhom drittijiet fundamentali u Living Wage adegwata. Importanti wkoll li tingħata attenzjoni għall-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħin liberu u b’hekk tiġi żgurata kwalità ta’ ħajja aħjar.

Fattur li ridt nisħaq fuqu huwa dak li fil-professjoni tiegħi konna nirreferu għaliha bħala l- psikoloġija tax-xogħol. Dan l-aktar fis-snin li kont tabib ta’ ’l fuq minn 5000 ruħ fit-Tarzna għal seba’ snin sħaħ, u snin twal li għamilt bħala tabib industrijali ma’ kumpanija tat-tessuti u l- ġlud.

Ma rridux ninsew li l-ħaddiem huwa persuna u li ż-żmien ta’ produzzjoni sfrenata ta’ oġġetti, ibbażata fuq numri minn dawk li sfortunatament kienu jqisu l-ħaddiem u l-magna bħala man- machine unit, għadda żmienu.

Is-saħħa mentali tal-ħaddiema kif affettwata minn livelli ta’ produzzjoni mhux realistiċi, ħinijiet ta’ xogħol u shifts li ma jirrispettawx r-ritmu bioloġiku tal-ħaddiem, u tensjonijiet bla bżonn, jagħmlu ħafna ħsara lill-ħaddiem. Ir-riżultat ikun ovju: nuqqas fl-effiċjenza, korrimenti fuq il-post tax-xogħol, fallimenti, sick leave ‘ta’ parsi’, u relazzjonijiet trejdjunjonistiċi diffiċli. Veru li n-natura tax-xogħol inġenerali llum tbidlet, imma jekk dan japplika għax-xogħol fl- uffiċini ma ninsewx dawk il-ħaddiema li għandna fl-industrija tal-kostruzzjoni, fit-toroq u fuq proġetti infrastrutturali. Ma ninsewx ukoll, li l-bdiewa u s-sajjieda huma wkoll ħaddiema.

Dan kollu ma jista’ qatt isir jekk ma niżgurawx li noffru xogħol diċenti, b’paga kompetittiva u li jagħti dinjità lill-persuna. Aktar minn hekk, irridu niżguraw li kull deċiżjoni jew miżura introdotta tqiegħed l-interessi kemm tal-but kif ukoll tas-saħħa tal-ħaddiem fuq quddiem nett u ma taċċettax kompromessi fuq is-saħħa u s-sigurtà.

Mens Sana in Corpore Sano kienu jgħidu l-Latini. Naħseb dan il-ħsieb joqgħod tajjeb ħafna għall-iskop tal-konferenza tal-lum.

Nagħlaq billi nisħaq fuq l-importanza li ma ninsew qatt li l-akbar riżorsa, speċjalment fil-każ ta’ Malta, huma l-ħaddiema. Investiment fil-kapaċitajiet tal-ħaddiema jgħaddi messaġġ b’saħħtu favur suq tax-xogħol li jaf iżomm il-pass mal-bidla u pajjiż li jġib il-ġid u s-saħħa taċ- ċittadini tiegħu qabel l-interessi kummerċjali.

Skip to content