The President of Malta

Diskors tal-ET George Vella President ta’ Malta, fl-okkażjoni tal-Festa ta’ San Publju

Eċċellenza Monsinjur Arċisqof

President tas-soċjetá Sinjuri

Huwa ta’ pjaċir għalija u għal marti Miriam li ninsabu hawn illum biex flimkien magħkom niċċelebraw il-festa ta’ San Publju. Nifhem u b’dispjaċir naqsam magħkom swied il-qalb għat-telfa tal-arkata storika. Din hija telfa kbira mhux biss għalikom, imma għas-soċjetà Maltija kollha. Madankollu, ninsab ċert li din l-esperjenza, għalkemm kerha, ser isservi biex iġġib il-komunità eqreb ta’ xulxin u tkompli ssaħħaħ il-festa ta’ San Publju.

B’sodisfazzjon nosserva li għal darb’oħra, il-membri fi ħdan is-Soċjetà komplew juru impenn u dedikazzjoni kbira għal dan il-qaddis u għat-tradizzjonijiet Maltin. Huwa grazzi għalikom li dan is-settur tal-kultura Maltija jkompli jiġġedded u jitjieb magħtul iż-żmien. Grazzi tal-ħin, ir-riżorsi, u l-ħidma tagħkom.

L-istorja twila ta’ din is-soċjetà hija xhieda ta’ komunità li sa mill-bidu tagħha għarfet l-irwol tal-mużika bħala għodda edukattiva u kulturali. Permezz ta’ banda attiva, ferħet bosta ġenerazzjonijiet ta’ Furjaniżi. Nosserva bi pjaċir li s-Soċjetà kienet, u għadha, mutur ċiviku importanti għall-komunità Furjaniża. Minn nofs is-seklu l-ieħor sa issa, il-każin tas-Soċjetà kien pjattaforma importanti għax serva bħala ċentru edukattiv u hub ċiviku għal numru ta’ organizzazzjonijiet u entitajiet nazzjonali.

Huwa ta’ sodisfazzjon nara li huma bosta ż-żgħażagħ li jersqu lejn is-soċjetà u jipparteċipaw b’mod attiv. Nemmen li ż-żgħażagħ huma ċ-ċavetta għall-innovazzjoni u li organizzazzjonijiet bħal tagħkom ikunu qed jikkultivaw teżor nazzjonali meta jinvestu fiż-żagħżagħ u jresqquhom eqreb lejn it- tradizzjonijiet u l-kultura Maltija. Minnbarra dan, iservu wkoll biex inisslu fihom sens akbar ta’ identità mal-patrimonju Furjaniż. Nifhem li dan qed isir dejjem aktar importanti għal bosta lokalitajiet ġewwa Malta li qed jesperjenzaw tibdil demografiku u infrastrutturali b’rata mgħaġġla.

Dan ma jnaqqas xejn mir-realtà multikulturali li qed ngħixu fiha illum. Nemmen li bħal ma’ San Publiju u missirijietna kienu lesti jilqgħu u jisimgħu nies b’ideat u twemmin differenti, aħna wkoll nistgħu nkunu poplu miftuħ u inklussiv.

Il-merħba li biha missirijietna laqgħu lill-immigranti f’diffikultà, fosthom San Pawl u San Luqa, hija prova ċara ta’ valuri sodi u b’saħħithom favur l-umanità u l-għajnuna umanitarja. Fid-dinja instabbli u mħawda tal-lum, nemmen li l-valuri morali li għaddielna San Publju huma importanti u jistgħu jiggwidawna fil-ħsieb u l-għemil tagħna. Nistedinkom biex f’dan il-jum u anka fil-ġranet li ġejjin, tkomplu tħaddnu dawn il-valuri u żżommu f’qalbkom tagħlim b’saħħtu favur il-ħajja, favur l-inklużjoni u favur l-għaqda.

Nagħlaq billi nawgura lill-membri u l-parteċipanti kollha l-isbaħ awgurju għal festa ta’ San Publju u suċċess fil-ħidma tagħkom għas-snin li ġejjin.

Skip to content