The President of Malta

Search
Close this search box.

Diskors tal-ET George Vella, President ta’ Malta waqt il-Konferenza ‘‘Id-Droga u s-Saħħa Mentali’’ mtella’ mill-Fondazzjoni Oasi

Mistidnin distinti Sinjuri

Nixtieq nibda dan id-diskors billi nsellem u nagħmel kuraġġ lil dawk il-persuni kollha li bħalissa għaddejjin minn problemi relatati mal-abbuż mid-droga u/jew problemi ta’ saħħa mentali. Nifhem li qed tgħixu battalja interna kuljum u l-bżulija u l-impenn tagħkom biex timxu lejn ħajja aktar b’saħħitha huwa ġest nobbli, ta’ min ifaħħru u ta’ min jagħtih importanza. Nemmen li bħal kull ħaġa oħra fil-ħajja, l-użu tad-droga u s-saħħa mentali ma jibdewx u ma jiqfux f’daqqa jew f’iżolament, iżda huma mixja kontinwa bit-tlajja u l-inżul tagħha.

Meta nħarsu lejn l-impatt fuq is-saħħa mentali, important li nifhmu li l-kompożizzjoni kimika ta’ sustanza mhuwiex l-element uniku li jiddetermina użu problematiku. Minbarra dan, importanti li nisħqu li l-preżenza ta’ waħda, iġifieri l-użu tad-droga mhux neċessarjament jwassal għal problemi ta’ saħħa mentali u bl-istess mod, problemi ta’ saħħa mentali mhux neċessarjament iwasslu biex persuna tagħmel użu eċċessiv ta’ droga. Fil-fatt huma bosta l- fatturi li jwasslu biex persuna tabbuża mid-droga u/jew tiżviluppa problem ta’ saħħa mentali.

Kif diġà tkellimt fid-diskors tal-ħatra tiegħi, is-saħħa mentali ser tkun priorità fuq l-aġenda Presidenzjali tiegħi u bħalissa għaddejjin diskussjonijiet biex flimkien mal-Kummissarju tas-

Saħħa Mentali tittella’ konferenza nazzjonali. L-għan ta’ din il-konferenza ser ikun primarjament il-bżonn li nkissru l-istigma assoċjata mas-saħħa mentali u nibdew djalogu aktar

miftuħ fuq dan is-suġġett. Nemmen li għal ħafna żmien inqasna milli nagħtu lis-saħħa mentali

l-attenzjoni li jixraqilha u dinjità lil min ikun għaddej minn xi problema ta’ din in-natura.

Ilkoll naspiraw li jkollna ħajja tajba u ta’ sodisfazzjon. Anka min jidher li qed jieħu d-droga b’mod kompulsiv u mingħajr attenzjoni għas-saħħa, ukoll qed jipprova joħloq kuntentizza personali. Nemmen għalhekk li huwa żball li nħarsu lejn nies bi problemi ta’ droga jew saħħa mentali bħala esseri differenti jew inferjuri mill-kumplament tas-soċjetà.

Aħna llkol umani u nibqgħu umani minkejja l-istat psikoloġiku jew ir-riperkussjonijiet legali minħabba l-użu tad-droga.

Nieħu l-opportunità biex insellem u nirringrazzja lill-familjari ta’ persuni li għaddejjin minn dawn l-isfidi u l-ħaddiema kollha, speċjalment dawk fuq bażi volontarja, li jaħdmu bla heda favur il-ħajja u l-benesseri tal-bniedem. Il-problemi relatati mad-dipendenza mid-droga u kif ukoll problemi ta’ saħħa mentali huma sfidi diffiċli, iżda ninsab ċert li l-volontiera li jaħdmu mal-OASI u ma’ gruppi oħrajn jemmnu bis-sħiħ li permezz ta’: (i) għajnuna professjonali, (ii) edukazzjoni ħolistika u (iii) sostenn u mħabba, l-individwu jista’ jgħix ħajja aħjar u jerġa’ jibda jkun parteċipi fiċ-ċrieki soċjali u l-komunità.

Sinjuri,

Kif forsi qed tindunaw, qed nieħu deċiżjoni important u nagħżel li ma nużax kliem u timbri bħal drugat, clean, junkie, miġnun, imtekktek u oħrajn li ta’ spiss nisimgħu. Fl-opinjoni tiegħi dan il-lingwaġġ ma jagħmel l-ebda ġid, la lill-individwu u wisq anqas lis-soċjetà. Dawn it-timbri jagħtu l-impressjoni li hemm xi marka morali jew bioloġika li tifred lin-nies bejn dawk ‘normali’ għal dawk ‘differenti jew mhux normali’. Nemmen li dan it-tip ta’ lingwaġġ jagħmel ħafna ħsara u jfixkilna mill-għanijiet prinċipali ta’ għala niddiskutu d-droga u s-saħħa mentali, iġifieri: l-għarfien aħjar tar-realtajiet ta’ madwarna, il-promozzjoni tas-saħħa pubblika, u l-iżvilupp ta’ mezzi kif titnaqqas il-ħsara lill-individwu.

Nixtieq nagħmel punt importanti ieħor li sfortunatament ftit li xejn jissemma’. Meta nitkellmu fuq id-droga, ħafna drabi naqgħu fin-nassa li ma nagħmlux distinzjoni bejn sustanza u oħra. Hemm differenza kbira bejn l-effetti fiżiċi, psikoloġiċi u soċjali tal-alkoħol, il-kokaina, il- kannabis, it-tabakk, l-eroina etċ. L-effetti immedjati u dawk fit-tul ivarjaw kemm fl-intensità kif ukoll kemm persuna ddum biex tkun tista’ toħroġ minnhom. Din it-tip ta’ informazzjoni hija kruċjali u tagħti għodda importanti kemm lil min qed jagħmel użu minn dawn is-sustanzi u kemm għal min jaħdem f’ċentri ta’ rijabilitazzjoni jew tas-saħħa.

Ir-rapport annwali tal-European Monitoring Centre for Drugs and Drug Addiction (EMCDDA) tal-2019, jagħti stampa interessanti tas-sitwazzjoni f’Malta u jindika li l-livelli ta’ konsum u problemi relatati mad-droga jirriflettu dawk Ewropej. Huwa ċar, li l-aktar sustanzi popolari f’Malta huma l-alkoħol, il-kannabis, il-kokaina u l-eroina.

Punt interessanti ieħor li joħroġ mir-rapport, huwa l-fatt li żewġ terzi tal-każijiet ta’ overdose mhux fatali huma kkawżati minn droga ta’ preskrizzjoni jew kif nafuhom aħjar bħala l- ‘mediċina’ bir-riċetta. Bħala tabib nesprimi t-tħassib tiegħi għal dan il-fatt u nara l-bżonn li din l-informazzjoni tittieħed aktar b’serjetà meta wieħed jiddiskuti d-droga u s-saħħa mentali.

Wara l-alkoħol, il-kannabis hija l-aktar sustanza li tintuża f’Malta. Issa li f’pajjiżna daħlet l-użu tal-kannabis mediċinali u ninsabu fi klima ta’ diskussjoni fuq l-użu tal-kannabis għal raġunijiet personali, nemmen li għandna nagħtu aktar attenzjoni għar-riċerka u nħarsu lejn informazzjoni li ġejja minn pajjiżi li qed jimplimentaw sistemi differenti bl-għan li jippromwovu s-saħħa tal-individwu u tas-soċjetà. Interessanti wkoll li bosta Universitajiet qed jiftħu r- riċerka fuq drogi psikadeliċi, bħal psilocybin (mushrooms) u janalizzaw l-effetti pożittivi li dawn qed ikollhom biex persuna tegħleb id-dipendenza minn sustanzi oħra jew f’każijiet ta’ trawmi psikoloġiċi jew abbuż.

Bħala tabib u missier, għandi r-riżervi kbar tiegħi dwar kemm huwa għaqli li wieħed jippermenti u jestendi l-użu legali ta’ kannabis minbarra għar-raġunijiet ta’ kura. Jien ngħid li għandna noqgħodu fuq il-pariri ta’ esperiti dwar jekk dan jiftaħx jew le il-bieb għall-użu ta’ droga aktar qawwija jew għall-iżvilupp ta’ dipendenza patoloġika fuq l-istess kannabis.

Nagħlaq billi nappella mill-ġdid fuq l-importanza li ma nieqfu qatt nisħqu li kull bniedem għandu d-dinjità tiegħu u jistħoqqlu kull rispett u għajnuna. Anka jekk il-persuna ma tkunx lesta li tieqaf mid-droga jew kompliet issib il-ħitan biex toħroġ minn problemi mentali, xorta għandha ssib soċjetà li ma tiġġudikax, soċjetà li lesta tisma’, li lesta tagħder u fuq kollox, soċjetà li ma tieqafx twitti mogħdijiet u tiftaħ bibien ġodda għal ħajja aħjar, b’saħħitha u fil- paċi.

Grazzi

Skip to content