The President of Malta

Diskors tal-ET George Vella, President ta’ Malta waqt il-Konferenza Nazzjonali dwar is- Saħħa Mentali

Kummissarju is-Sur John Cachia Għaqdiet varji

Sinjuri

Kif għidt fid-diskors tal-ħatra tiegħi u bħalma tkellimt diversi drabi oħra minn April ‘l hawn, xtaqt li s-saħħa mentali tingħata priorità fuq l-aġenda Presidenzjali tiegħi. Qed insejjaħ din il- konferenza nazzjonali biex l-ewwel u qabel kollox nisħaq dwar il-bżonn ta’ djalogu aktar miftuħ fuq dan is-suġġett. Dan naraħ bħala pass konkret sabiex inkissru l-istigma marbuta mas- saħħa mentali li teżisti fil-mentalità tas-soċjeta’ tagħna. Nemmen li għal ħafna żmien inqasna milli nagħtu l-attenzjoni li jixirqilha is-saħħa mentali u d-dinjità lil min ikun għaddej minn xi problema ta’ din in-natura. Nemmen li meta tkellimna, aktar tkellimna fuq il-mard psikjatriku jew id-diżordni mentali minflok fuq il-ħtieġa ta’ saħħa mentali aħjar fil-ħajja ta’ kuljum tac- ċittadini tagħna biex nevitaw li jiżviluppa mard mentali.

Jien konxju li diġà jeżistu inizjattivi biex joħolqu kuxjenza u jiddiskutu dan is-suġġett. Dawn kollha inizjattivi tajba. Li kien jonqos huwa qafas li fiħ tinġabar u tiġi kkordinata kull inizjattiva, u li permezz tiegħu jiġu marbuta waħda mal-oħra biex ikollna politika ħolistika dwar is-saħħa mentali.

Huwa għalhekk li f’dan l-isfond huwa bżonn li nsawru aġenda differenti għal saħħa mentali aħjar. Il-punt tat-tluq irid ikun l-iStrateġija dwar is-Saħħa Mentali għal Malta 2020-2030, li għadha kif ġiet ippublikata f’Lulju, fejn huwa ċar li hemm qbil minn kulħadd dwar id- direzzjoni li għandna nieħdu biex inwettqu din l-istrateġija.

Ħsara lis-saħħa mentali tistà sseħħ f’kull età, f’kull settur tas-soċjetà u f’kull mestier u professjoni. Minn bullying u imbuttar żejjed fl-iskejjel, għal stress fuq il-post tax-xogħol, tensjonijiet minn relazzjonijiet personali, inkwiet ta’ problemi finanzjarji u soċjali, mard kroniku, u dwejjaq tas-solitudni, speċjalment fl-anzjani, huma ftit eżempji.

Irridu nifhmu li saħħa mentali aħjar teħtieġ is-sehem sħiħ tas-soċjeta kollha. It-tmexxija politika – gvern u oppożizzjoni – iridu b’għemilhom ikunu xiehda ħajja ta’ ħidma u kollaborazzjoni bejn setturi differenti. Illum ser naraw fil-prattika kif jintrabtu flimkien il- politika tas-saħħa, dik tal-edukazzjoni u tax-xogħol u l-politika u l-ħarsien soċjali. Se nġibu flimkien l-aspett uman, dak ekonomiku u dak soċjali għal saħħa mentali aħjar. It-tfal, iż- żgħażagħ u l-anzjani jistennew minn għandna ħidma iffukata fuq għarfien bikri u fuq interventi f’waqthom biex nevitaw li l-mard jigrava u jsir aktar serju. Ix-xogħol jagħmel ġieħ u jagħti dinjita’ lill-bniedem, iżda pressjoni żejda, stress mhux floku u kundizzjonijiet inumani jistgħu jbiddlu l-qasam tax-xogħol fi sfida serja għas-saħħa mentali tal-ħaddiema u tal-familji tagħhom.

Jeħtieġ li nirriflettu fuq sfidi għas-saħħa mentali f’setturi speċifiċi bħalma huma l-abbuż u d- dipendenza mid-droga. L-immigranti u r-rifuġjati li ħarbu minn sitwazzjonijiet terribbli f’pajjiżhom u fittxew il-kenn u l-faraġ hawnhekk iġorru f’moħħhom it-trawma u dak kollu li għaddew minnu. Il-barranin li qed jaħdmu fostna, u l-bosta realtajiet oħra li jgħixu fihom iċ- ċittadini fil-komunitajiet u l-lokalitajiet tagħna li qegħdin jesperjenzaw tkabbir u taħlit ta’ popli differenti, huma wkoll sfidi għas-saħħa mentali. Hemm il-ħtieġa ta’ azzjonijiet konkreti dwar inklużjoni soċjali u ugwaljanza vera. L-isfida ambjentali, kif ukoll l-iżvilupp tal-bliet, l-irħula u t-toroq tagħna, iridu jagħtu l-attenzjoni għal bżonn ta’ aktar spazji miftuħa għal attivitajiet bħal eżercizzju u sport, rikreazzjoni u divertiment f’ambjent f’arja nadifa.

Nara tliet oqsma li jeħtieġu aktar koordinazzjoni bejn diversi għaqdiet u servizzi: L-ewwel il- prevenzjoni tad-dipendenza fuq sustanzi psikotropiċi, il-logħob tal-azzard u fuq l-internet: it- tieni il-prevenzjoni tas-self-harm u s-suwiċidju: u t-tielet l-prevenzjoni ta’ kull tip ta’ vjolenza u abbuż. Hemm bżonn ukoll ta’ riflessjoni fil-fond fuq is-saħħa mentali fis-sistemi tal-ġustizzja kriminali u fil-ħabs. Għandna nagħrfu u nsostnu il-valur miżjud posittiv għal saħħa mentali aħjar minn sehem attiv f’attivitajiet kulturali u popolari, mill-kreattivita’, mill-arti u mid- drama, kemm bħala użu tajjeb tal-ħin ħieles kif ukoll bħala terapija għal min għaddej minn sfidi għas-saħħa mentali.

Din mhijiex sfida żgħira. Bil-pass li biħ miexja s-soċjetà u bil-mod kif il-ħajja qiegħda ssir aktar ikkomplikata u mgħaġġla, iċ-ċans huwa li ħafna aktar nies se jsibu ruħhom f’diffikultajiet fejn tidħol is-saħħa mentali. Irridu nieħdu azzjoni mill-aktar fis possibli.

Sinjuri,

Illum u fis-snin li ġejjin, din il-Presidenza u jien personalment ser inkun qed nisħaq li kulħadd għandu postu, u li kulħadd għandu doveri x’jaqdi: poltiċi, dipartimenti u entitajiet pubbliċi u privati, professjonisti, korpi kostitwiti, għaqdiet tal-pazjenti u l-familjari, għaqdiet mhux governattivi, il-media organizzata u ċ-ċittadini kollha. Jeħtieġ iżda li nirrispettaw lil kull min għandu sehem x’jagħti, li nkunu koordinati, li ma nidduplikawx sforzi u servizzi, li naħdmu bil-għaqal, li nibnu fuq il-ħiliet ta’ xulxin u niżviluppaw ħiliet ġodda, li nagħtu ċans lil kulħadd, f’kelma waħda – Flimkien Għal Saħħa Mentali Aħjar.

Jien irrid nagħlaq billi nirringrazzja lil kull min ħadem biex norganiżżaw din il-konferenza u lilkom li qegħdin hawn.

Nirringrazzja b’mod partikolari lill-Kummissarju tas-Saħħa Mentali Dr John Cachia u l- Ministri preżenti.

-Tmiem-

Skip to content