The President of Malta

Diskors tal-ET George Vella, President ta’ Malta waqt l-għoti ta’ Premju Nazzareno Vassallo, 14 ta’ Ottubru 2021.

Sur Vassallo,

Dott. Gonzi,

Natalie,

Membri tal-Kumitat,

Nominati,

Nibda billi ngħidilkom grazzi.

Is-Sur Vassallo dalgħodu rringrazzjani għaliex ospitajniekom hawn ġew. Dan huwa palazz ta’ kulħadd, dan mhux tal-President. Però meta mbagħad iġġibu attività bħal din hawnhekk tkunu qegħdin tarrikkixxu l-post għaliex okkażjoni bħal din ta’ dalgħodu tkompli tikkonvinċini li nkompli naħdem għall-għaqda nazzjonali għaliex nemmen li hemm ħafna ħafna affarijiet li jagħqduna. U din hija eżempju ta’ kemm wieħed jista’ jagħti lil ħaddieħor.

Hawnhekk għandna nies li qegħdin fis-servizz tal-kura tas-saħħa. U, ma rridx ninstema’ b’xi disprezz, però dawn mhumiex ħaddiema li jgħoddu kemm għamlu jeans, jew kemm għamlu swiċċijiet jew kemm għamlu dbielet – dawk ukoll għandhom il-valur tagħhom, insellmulhom minn hawnhekk u nirrispettaw ix-xogħol tagħhom. Però meta l-ħaddiema qegħdin fis-servizz tal-ħarsien tas-saħħa jagħtu iktar minn dak li wieħed jistenna mingħandhom, speċjalment f’ċirkustanzi, bħalma tkellimtu fuqhom diġà, li għaddejna minnhom tal-pandemija, fejn rajna lil min imur ’il bogħod minn dak li kien mistenni minnu, ’il bogħod mill-ħinijiet u l-ammont ta’ xogħol li wieħed qed jistenna li għandu jagħti, u rajna lil min mar oltre minn hekk. Semmejna wkoll minn anki kien iddeċieda li jiċċaħħad mill-familja tiegħu, jingħalaq ma’ min qed jieħu ħsiebu u jagħtu eżempju lill-pajjiż kollu ta’ x’jiġifieri tkun kommess li tagħmel servizz mill-aħjar.

U għalhekk jiena nesprimi l-apprezzament tiegħi għall-għoti ta’ dan il-premju u d-determinazzjoni ta’ Vassallo Group, permezz ta’ CareMalta, li jkompli joffri servizzi li jqiegħdu fuq quddiem nett is-saħħa u d-dinjità tal-anzjani tagħna. Nifraħ għalhekk lis-Sinjura Briffa wkoll għal ħidma tagħha f’dan il-qasam u għall-impenn tal-ħaddiema kollha li b’xi mod jew ieħor jaħdmu fil-qasam tas-saħħa u l-kura tal-anzjani fi ħdan CareMalta.  

Kif għidt diġà, jiena dan jimlieli qalbi b’saħħa għaliex dan huwa aspett tal-komunità Maltija, tal-poplu Malti, li rridu nippromwovuh u rridu nitkellmu fuqu. Dan jagħmel kuntrast enormi mal-idea li wieħed jieħu meta jara l-midja soċjali tagħna li dal-aħħar snin spiċċaw post fejn wieħed jitgħajjar u jinsulenta u li jista’ jagħti idea żbaljata ħafna ta’ x’inhi l-komunità Maltija. Il-komunità Maltija hija din li tkellimtu fuqha dalgħodu u s-servizzi li tkellimtu fuqhom ta’ dawk kollha li ġejtu nominati.

Jiena kemm ili fil-Presidenza, tkellimt kemm-il darba fuq l-importanza li bħala soċjetà nħarsu lejn l-anzjani tagħna. U rridu nħarsu lejhom b’rispett kbir li jixirqilhom, u fost affarijiet oħra ngħożżuhom bħala minjiera ta’ informazzjoni u talent. Ħafna drabi hemm min jinsa li l-ġid li qed ingawdu llum, l-iżvilupp tal-pajjiż, u l-pajjiż li qed ngħixu fih, huma frott tal-ħidma u s-sagrifiċċju ta’ dawn il-Maltin li taw il-ħidma tagħhom kollha u dak kollu li setgħu jagħmlu matul ħajjithom. Huwa tajjeb li nibqgħu grati għall-kontribut tagħhom filwaqt li niżguraw ukoll li s-servizzi preżenti, mhux biss dawk relatati mas-saħħa primarja, iżda anki servizzi li jippromwovu l-anzjanità attiva u parteċipazzjoni aktar sħiħa fil-ħajja soċjali, ikunu aċċessibbli għal kull anzjan f’Malta u f’Għawdex.

Kif intqal diġà, matul din is-sena Malta kompliet tħabbat wiċċha mal-effetti ħżiena tal-pandemija tal-Covid-19. Nerġa’ nirrepeti, l-isfidi għall-anzjani kienu ħafna aktar milli kienu dawk għall-bqija tal-popolazzjoni, speċjalment dawk li jinsabu rikoverati jew fl-isptar jew inkella residenti ġewwa d-djar tal-anzjani. Dawn affaċċjaw mhux biss sfidi, imma wkoll, apparti l-biża’ li kien hemm li huma jistgħu jintlaqtu mill-pandemija, u kienu qed jaraw madwarhom, sfortunatament, min qed jitlef ħajtu, kien hemm ukoll l-ansjetà minħabba n-nuqqas ta’ kuntatt li kellhom mal-familji tagħhom. L-għeluq ġewwa d-djar kien xi ħaġa psikoloġikament negattiva ħafna fuq dawn il-ħaddiema. Jiena nista’ nitkellem għax ħafna nies li kont nara meta kont nipprattika, ħafna minnhom illum qegħdin fi djar tal-anzjani u niftakar ħafna qraba jċempluli u jistaqsuni “X’se jiġri? Kif? X’fatta?” għax sabu diġà min hu bil-Covid u kif se jagħlquhom u għax mhux se jaraw il-ġenituri. Dan intom tgħallmuhuli għax għaddejtu minnu kuljum matul dawn il-ġimgħat.

Kif qed ngħid, kien tassew ta’ qsim il-qalb tara nanniet mifruda min-neputijiet għal xhur sħaħ. Mhux biss hekk, iżda n-nuqqas ta’ żjarat u l-possibilità li persuna toħroġ tagħmel pass mar-raħal, jew inkella toħroġ mal-familja, kienet xi ħaġa li konna qed nittamaw li wieħed jerġa’ jmur lura għaliha wara dawk il-ġimgħat kollha.

Din kienet xi ħaġa li qatt m’għaddejna minnha. Kulħadd kien jgħid li din hija sitwazzjoni li l-aħħar li wieħed għadda minnha kien fi żmien it-Tieni Gwerra Dinjija. Ċertament nitolbu lil Alla biex ma nerġgħux ngħaddu minn dan li għaddejna minnu u li nisperaw li din it-trajettorja li ħadna issa, li qed nirranġaw bit-tilqim u b’kollox, tibqa’ twassalna biex nibqgħu bil-figuri baxxi u ma jerġax ikollna relapse ta’ dak li għaddejna minnu.

Huwa għalhekk wisq ħafna aktar importanti li l-ħaddiema u l-organizzazzjonijiet li jaħdmu fil-qasam tal-kura tal-anzjani joħolqu mezzi differenti u innovattivi biex jibqgħu jkunu ta’ sostenn għal dawn l-anzjani u joħolqu ambjent aħjar għal dawn il-qraba tagħna. Ħadd mhu ser jinsa, kif diġà għidt u nerġa’ nirrepetih, is-sagrifiċċju li għamlu l-istaff kollu mal-anzjani tagħna fil-homes matul il-pandemija. U hawnhekk qed niġbor mhux biss lil dawk li huma impjegati mal-Vassallo Group, qed nitkellem fuq in-nurses kollha u l-carers kollha li spikkaw matul il-pandemija bħala l-eroj ta’ pajjiżna.

Jiena nemmen għalhekk li l-Premju Nazzareno Vassallo huwa apprezzament ġust u li jirrikonoxxi l-ħidma ta’ professjonisti varji. Bil-ħidma tagħhom, anki permezz tal-volontarjat, huma kienu bħal dawl li b’mod jew ieħor kien qed juri t-triq ’il quddiem, u taffew xi ftit id-diffikultajiet li ġabet magħha din il-pandemija. Għalhekk nifraħ u nirringrazzja lil dawk kollha nominati għall-premju Nazzareno Vassallo, speċjalment lir-rebbieħ is-Sur Debono f’isem sħabu l-kittieba l-oħra li għadna kemm ippreżentajna l-memento biex infakkruh f’dan ir-rikonoxximent.

Nieħu l-opportunità biex anki nirringrazzja wkoll lill-artist li ħadem fuq il-premju, is-Sur Noel Galea Bason, u li b’mod tajjeb ħafna żewweġ is-simboliżmu taż-żmien ma’ dak tan-natura.

Nagħlaq billi mill-ġdid nesprimi l-apprezzament tiegħi għall-impenn ta’ kull ħaddiem fil-qasam tal-kura u s-saħħa tal-anzjani, filwaqt li nisħaq mill-ġdid fuq l-importanza li l-anzjani tagħna jkomplu jingħataw l-għodda u l-opportunitajiet biex ikunu parteċipi attivi fis-soċjetà tagħna, kif ukoll sors ta’ ispirazzjoni għaż-żgħażagħ tagħna.

Kelma tal-aħħar. Grazzi lill-Onorevoli Gonzi għall-kumitat li mexxejt. M’għandix dubju mill-integrità tad-deċiżjonijiet li ħadtu. Grazzi wkoll lil kull min kien qed jaħdem miegħek fil-kumitat u, fl-aħħar u mhux l-inqas, grazzi Sur Vassallo għal kif żviluppajt dan il-kunċett fin-negozju tal-familja u llum il-ġurnata qed tara l-frott tiegħu. Nirringrazzjak.

-Tmiem-

Skip to content