The President of Malta

Search
Close this search box.

Diskors tal-għeluq mill-Eċċellenza Tiegħu George Vella waqt ir-round table “Il-Vuċi tal-Persuni b’Diżabilità” organizzat mill-Malta Federation of Organisations Persons with Disability (MFOPD)

Bonġu lil kulħadd.

L-ewwel nett, insellem lil:

Onorevoli Julia Farrugia Portelli Onorevoli David Agius,

The Representative of the European Disability Forum, Kummissarju għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità Sinjura Mugliette, President tal-MFOPD

Kelliema l-oħra kollha,

L-ewwel nett irrid nibda billi nirringrazzja lill-Malta Federation of Organisations Persons with Disability għal din l-attività. Nemmen li fiċ-ċirkustanzi li qed ngħixu fihom bħalissa dan is-suġġett kien f’waqtu ħafna li jiġi diskuss.

Nibda bil-punt, li ssemma ħafna, il-bżonn ta’ għaqda u anqas sparpaljar f’dawk li huma organizzazzjonijiet li jifformaw il-Federation. Ovvjament kulħadd għandu d-dritt għat-turf tiegħu, però ma ninsewx li, u anke ġie repetut, il-messaġġ illi l- vuċi tissaħħaħ aktar meta inti għandek lil kulħadd jaħdem flimkien. Irrid ngħid illi ħadt gost ħafna nisma’ interventi li kienu ċari, kien hemm pariri prattiċi, u kienu ffukati ħafna fuq is-suġġett li għandna quddiemna.

Però rridu nirriflettu wkoll illi dan qed isir fil-background ta’ pandemija tal- COVID-19 u qed juri ċar li din ma rnexxilhiex tnessina minn temi ta’ importanza

soċjali, bħal dan li qed niddiskutu llum, u li l-ewwel u qabel kollox, niżguraw ħajja xierqa lil kull persuna li għandha xi forma ta’ diżabilità.

Wieħed irid jirrealizza li fiċ-ċirkostanzi preżenti, ilkoll kemm aħna ġejna esposti għal ostakoli ġodda u miżjuda, minħabba restrizzjonijiet, u minħabba limitazzjonijiet li jxekkluna mhux ftit mill-ħidma u n-normalità tagħna. U dan norbtu mal-argument li sar ħafna fuq il-mental health illi kulħadd qed jammetti illi dan it-tul ta’ espożizzjoni għall-pandemija, ir-rata u n-numru ta’ nies bil- mental health problems qiegħed jiżdied, sfortunatament.

Jien tul il-karriera tiegħi bħala tabib tal-familja, iltqajt ma’ ħafna każijiet varji ta’ diżabilitajiet differenti. U hawnhekk jiena norbot ma’ li qal is-Sur James Calleja, meta qal illi r-range ta’ dak li nsejħulu diżabilità huwa enormi. U mhux il-każ u m’għandix il-ħin hawnhekk, ovvjament, li nidħlu fid-definizzjonijiet kliniċi u legali ta’ fejn tibda d-diżabilità u sa fejn tasal id-diżabilità. Hemm diżabilitajiet intellettwali u fiżiċi, li huma ovvji, li jarahom kulħadd, li kulħadd jaf bihom. Però mbagħad hemm oħrajn li mhux daqshekk faċli tinduna bihom u b’mod partikolari qed nirreferi għal dawk id-diżabilitajiet li tfaċċaw f’dawn l-aħħar snin. U għandi f’moħħi b’mod partikolari l-kwistjoni tal-awtiżmu, li din ma kinitx teżisti ħamsin, sittin sena ilu, għall-inqas ma konniex nitkellmu fuqha jew ma konniex nagħrfuha. Barra hekk ukoll, imbagħad, għandek dawk li huma diżabbli, fl- opinjoni tiegħi, minħabba dipendenza fuq id-droga. Dak hu wkoll forma ta’ diżabilità illi sfortunatament żdied fostna.

Però mbagħad ukoll meta nkun qed nitkellem hekk jiena nġib quddiem għajnejja l-attitudni tas-soċjetà, kif tbiddlet minn żmieni, jiena l-ixjaħ wieħed li qed nindirizzakom, kif tbiddlet minn żmieni meta li tgħid li għandek lil xi ħadd diżabbli kien diżunur. U eventwalment, bil-mod il-mod, bħalma ssemma, bdew deħlin imbagħad ir-regolamenti biex il-kumpaniji jimpjegaw 2% ta’ nies li huma b’diżabilità, skejjel bdew jiftħu bħalma qal is-Sinjur, biex wieħed jipprova jagħtihom ċans lil dawn in-nies, però, kif qed nitkellmu, ir-range kienet dejjem wiesgħa ħafna.

F’ħafna każi, speċjalment fejn id-diżabilità ma tkunx ta’ natura intellettwali, il- persuna tieħu sehem attiv ħafna fis-soċjetà, ħafna minnhom ikollhom kważi imbuttatura biex jieħdu sehem fis-soċjetà, jew billi jaħdmu, billi joħorġu, jistudjaw, u jagħmlu attivitajiet li bihom iħossuhom inklużi fil-komunità tagħna. U dan ħafna drabi jkun ħafna iktar milli aħna, li ngħidu li m’għandniex diżabilità, nippretendu li naraw minn dawn in-nies. U din hija xi ħaġa illi m’għandna bl- ebda mod, mhux ma nfixkluhiex, imma għandna ngħinuha ħafna ħalli lill-persuna li għandha problemi ta’ diżabilità nagħtuha l-faċilitajiet kollha li għandha bżonn ħalli tagħmel dak kollu li lilha jissodisfaha u jagħtiha fulfilment.

Dan ma jfissirx li ma jkunx hemm elementi ta’ tbatija jew ta’ diffikultà, biss dak li jkun jitgħallem jadatta għaċ-ċirkostanzi tiegħu. U għandna ħafna eżempji madwarna fejn naraw li nies, minkejja d-diżabilità tagħhom, għamlu suċċess fil-

ħajja, imxew ’il quddiem, u nispiċċaw narawhom f’għajnejna bħallikieku dawn kienu bla ebda diżabilità whatsoever.

Fejn id-diżabilità tkun intellettwali jew fiżikament severa, naraw li sfortunatament din ikollha effett mhux biss fuq il-ħajja tal-individwu iżda wkoll fuq dik tal-familjari tiegħu u l-persuni ta’ qribu li b’xi mod ikunu qed joffru l- kura, trattamenti diversi u għajnuna. Nafu li ħafna drabi jkun hemm ċertu eżawriment, ikun hemm ċertu għeja fil-carers, fil-familja, li jkunu qegħdin jitfaċċaw kuljum problemi ta’ diżabilità li tkun severa.

Waqt attività bħal din insiru konxji, u ħa nirrepeti dak li għidt diġà, kemm it- terminu “diżabilità” huwa vast, kemm huwa wiesa’. Għaldaqstant, ix-xogħol tal- Federazzjoni, filwaqt li mhux wieħed faċli, huwa importanti għax joffri vuċi lill- għaqdiet kollha li jaħdmu f’dan il-qasam. Is-saħħa fl-għaqda huwa prinċipju li jaħdem kull fejn jiġi applikat. Xejn anqas fejn jidħlu l-għaqdiet għall-persuni b’diżabilità, biex dawn kemm jista’ jkun, jiġbdu ħabel wieħed. Is-Sinjura Mugliette semmiet li hemm 33 assoċjazzjoni fil-Federation u nerġa’ nagħmel l- appell li għidt fil-bidu, iktar ma wieħed ikun jista’ jingħaqad flimkien u jaħdem flimkien, iktar ikun aħjar.

Hekk kif is-sena l-oħra l-MFOPD iċċelebrat il-ħamsin anniversarju mit-twaqqif tagħha, nemmen li għad hemm skop u opportunità li twassal għand l-awtoritajiet varji tal-Gvern, proposti u ideat, diġà ssemmew uħud minnhom matul din il-

laqgħa ta’ dalgħodu, ta’ kif il-ħajja ta’ persuni b’abilitajiet differenti tista’ tiġi mtejba.

Matul l-aħħar snin, diġà sar ħafna. Irridu nammettu li sar ħafna progress, imma ovvjament, dejjem jibqa’ fejn wieħed jirranġa speċjalment f’oqsma fejn ikun hemm riżultati pożittivi minn riċerka u studji, li bħalma tafu għaddejjin il-ħin kollu u qed nirreferi għal diżabilitajiet differenti illi dejjem ħiereġ il-ġdid fuqhom.

Jiena nemmen ukoll li kemm jista’ jkun, il-persuni kkonċernati għandhom ikunu rrappreżentati meta jittieħdu deċiżjonijiet. U għalhekk ningħaqad ma’ dawk li qalu illi kien ikun ħafna u ħafna iktar sabiħ dalgħodu kieku kellna nies li ġejjin mill-qasam tad-diżabilità, li jkunu jistgħu jgħidulna anki r-reazzjonijiet tagħhom għal dak li qiegħed jintqal proprju dalgħodu. Dan ngħidu għax napprezza kemm ħafna drabi jittieħdu deċiżjonijiet li, minkejja li jkunu b’intenzjoni tajba, ma jkunux ġew ikkonsultati dawk li jkunu direttament milquta bil-miżuri li jkunu se jittieħdu.

Hija x-xewqa tiegħi li nara li f’Malta jkollna soċjetà li tkun tassew ekwa u inklussiva. Dan kulħadd jirrepetih, kulħadd jgħidu. Hu dover tagħna, kemm fil- qasam politiku, fil-qasam soċjali u fil-qasam trejdjunjonistiku li naraw li dawn mhux biss nitkellmu fuqhom imma li jiġu implimentati. Li tkun kapaċi tagħraf l- abilità flok id-diżabilità. Dan intqal diġà. U l-persuna, mingħalija r-rettur semma kull persuna, wieħed jara dak li għandu x’joffri u mhux dak li għandu nieqes.

Linji gwida għandna bosta. Imma ħa nerġa’ nirrepeti wkoll dak li ntqal minn kelliema fil-forum, l-importanti huwa li napplikawhom u nsegwuhom. Inutli jkollna ħafna manuals u ħafna trattati xjentifiċi jekk aħna ma nimplimentawx dak li għandna fihom.

Importanti wkoll, bħalma diġà ntqal, li f’dan il-qasam inżommu ’l bogħod minn kull ħjiel ta’ politika partiġjana. U ħadt gost nisma’ illi hemm bżonn li f’oqsma bħal dawn, inpoġġu rasna flimkien, u hawnhekk qed nirreferi għar-rappreżentanti tal-poplu, inpoġġu rasna flimkien, inneħħu l-politika partiġjana għaliex fin-nofs hemm is-saħħa ta’ wliedna u ta’ kull min nafu, ħbiebna, min jiġi magħna. U hekk biss nirbħu r-rispett tal-poplu lil dawk li aħna nsejħulhom Onorevoli. Hemm bżonn, u apprezzajt ħafna dak li qal l-Onorevoli David Agius, li f’dawn l-oqsma rridu naħdmu flimkien għaliex aħna suppost, u nemmen, li għandna għan wieħed biss: il-ġid tas-soċjetà.

Insemmi fost oħrajn anki l-Konvenzjoni tad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità, tal-Għanijiet tal-Iżvilupp Sostenibbli (Sustainable Development Goals), li huma parti essenzjali mill-Aġenda 2030 tal-Ġnus Magħquda. U 2030 mhumiex xi mitt sena oħra, disa’ snin oħra mil-lum. Issemmiet ukoll l-Istrateġija Ewropea tad- Diżabilità 2020 – 2030, kif ukoll il-Politika Nazzjonali għad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità. Qed insemmi dawn biex nuri li m’għandniex nuqqas ta’ direttivi, m’għandniex nuqqas ta’ gwidi ta’ x’għandna nagħmlu u ma nagħmlux. L-

importanti li nistudjawhom, naraw x’nistgħu nagħmlu minnhom, u nimplimentawhom mill-iktar fis possibbli.

Jiena konvint ukoll li, fuq kollox, l-esperjenza diretta, hija l-akbar gwida għal soluzzjonijiet prattiċi li jtejbu l-ħajja ta’ kuljum. U nemmen li kull pajjiż għandu s-sitwazzjonijiet speċifiċi tiegħu. Veru tajjeb li nitgħallmu minn pajjiżi oħra, però ħafna drabi dak li japplika għal pajjiżi oħra mhux bilfors japplika lock, stock and barrel għal pajjiżna. U allura rridu nkunu intelliġenti biżżejjed biex nippikkjaw it-tajjeb u ovvjament niskartaw dak illi ma japplikax għalina. Importanti għalhekk li l-MFOPD flimkien mas-CRPD u l-Gvern jaħdmu mill-qrib sabiex kull entità tkun tista’ tagħmel il-parti tagħha għal dan il-għan.

Qabel nagħlaq xtaqt nagħmel enfasi fuq xi ħaġa partikolari. Dan huwa li ninkoraġġixxu kemm nistgħu l-użu tal-mezzi tat-teknoloġija moderna minn persuni b’diżabilità fejn hu possibbli, speċjalment f’dawn iż-żminijiet ta’ pandemija. U dan qed ngħidu għaliex jiena ċert li l-mezzi tat-teknoloġija moderna jgħinu bil-kbir biex ikabbru tassew l-inklussività għal kulħadd f’kull qasam tal- ħajja. Jiena rrid ngħid li personalment rajt każi ta’ diżabilità fiżika severa li bl- użu tat-teknoloġija, imlew vojt kbir f’ħajjithom dal-pazjenti, u ħolqu għanijiet biex jagħmlu ħajjithom interessanti u ppreżentaw lilhom infushom sfidi x’jegħlbu. Flok qagħdu jikkommiżeraw lilhom infushom u jibku u jnewħu u jgħidu: “Jiena ħajti spiċċat”, illum bil-mezzi tat-teknoloġija, bil-kompjuters, bl- internet u dawn l-affarijiet kollha, taw sfog ġdid, taw għan ġdid għal ħajjithom.

U hawnhekk irrid ukoll, qabel nagħlaq, insellem lil dawk l-istituzzjonijiet kollha ta’ pajjiżna li qegħdin jagħtu servizz speċjali lill-persuni b’diżabilità, b’tant dedikazzjoni u professjonalità! Żort uħud minnhom sakemm il-pandemija ppermettietna, kont impressjonat bil-mod kif jittrattaw, kif jagħtu l-attenzjoni tagħhom lil dawn il-pazjenti li ħafna minnhom lanqas kapaċi jirrealizzaw x’qed isir magħhom imsieken, imma xorta, min qed jagħtihom is-servizz, għandu s- sodisfazzjon morali li dan qed jagħmel xi ħaġa biex jara tikka differenza f’dal- pazjenti. Dawn għalija huma ta’ eżempju ħaj ta’ kif u kemm wieħed jista’ jagħti lil ħutna b’diżabilità.

Nirringrazzjakom, u nagħlaq billi mill-ġdid nawgura lill-MFOPD u lill-għaqdiet li tirrappreżenta, ħidma sfiqa għall-ġid tal-membri u l-familjari tagħhom kollha.

Nirringrazzjakom mill-ġdid.

Skip to content