The President of Malta

Search
Close this search box.

Diskors tal-għeluq mill-Eċċellenza Tiegħu George Vella waqt it-Tnedija tal-ktieb ‘50 Anniversary of Malta Federation of Organizations Persons with Disability’ (MFOPD), 23 ta’ Frar 2022

Onorevoli Agius,

Segretarju Permanenti,

Mauro,

Sinjura Mugliette,

Sinjuri,

L-ewwel nett, irrid nibda billi nirringrazzja lill-Malta Federation of Organizations Persons with Disability, biex kif għamel ħaddieħor qabli, anki nirringrazzjaha tax-xogħol li għamlet tul is-snin kollha sa mit-twaqqif tagħha ħamsin sena ilu.

Meta wieħed jirrifletti b’dan il-mod, diffiċli jmur lura ħamsin sena u jipprova jara x’kienu t-tragwardi importanti (milestones) għaliex wieħed irid imur dejjem imbagħad u jarahom fil-kuntest ta’ dak li kien jeżisti dak iż-żmien. Jiġifieri dawk l-affarijiet li llum ngħidu: “U iva, ħaġa żgħira kienet”, wieħed irid jgħid imma x’kienet il-mentalità dak iż-żmien u kemm kienet diffiċli biex wieħed jagħmel dik il-qabża.

Jiena ma ninsa qatt, u tibqa’ ġo moħħi, meta konna tfal, niftakar persuna b’diżabilità magħluqa f’kantina. U ta’ tfal li konna, konna mmorru nittawlu minn ġol-isprall u minn ġot-tieqa żgħira li kien hemm biex naraw lil dan miskin li kellu din id-diżabilità. U kienet aċċettata. Kulħadd kien jaf li dik il-familja kellha dak il-bniedem hemmhekk. Iktar tard, anki meta ggradwajt, sirt tabib, wieħed mix-xokkijiet ta’ ħajti kien meta din l-omm qaltli: “Ħa nurik jien x’għandi”, u daħħlitni f’kamra, gallinar magħluq bil-wajer u dan it-tifel qiegħed hemm granfat.

Skużawni qed inġib dawn il-figuri, imma biex nifhmu minn fejn tlaqna. Li dawn kienu xi ħaġa li l-familji kienu jġorru, kienu jġorru ħafna drabi mingħajr għajnuna dak iż-żmien, u allura meta bdiet imbagħad ir-realizzazzjoni li dawn wara kollox huma nies bħalna u li dawn għandhom id-drittijiet tagħhom, bdiet, bħalma jiġri dejjem, taqleb dik il-mentalità, tieħu dik il-qabża, u minn hemm l-affarijiet isiru ħafna iktar faċli.

Qed ngħid dan għaliex il-qasam tad-diżabilità, kif diġà semmejna, evolva b’mod konsiderevoli minn dak iż-żmien li qed insemmi jien sal-lum. Fil-passat, is-soċjetà kienet taħbi jew titħassar lill-persuna b’diżabilità u tieqaf hemm. Il-konsegwenza ta’ dan kienet li, anke jekk mhux b’mod intenzjonat, saret ħafna tbatija u kien hemm ħafna stigma.

Din is-sitwazzjoni, bħalma wieħed jista’ jimmaġina, kienet ta’ frustrazzjoni għal kulħadd u tista’ tgħid weġgħa kbira kemm għall-persuni b’diżabilità, jekk kienu f’pożizzjoni li jirrealizzaw minn xiex għaddejjin, kif ukoll, u bl-iktar mod, għall-familjari tagħhom. Huwa kawża t’hekk li s-soċjetà ċivili rat opportunità ta’ bidla, imma bħalma għidt, mhux lakemm wieħed ivara ċerti bidliet. Għadd ta’ għaqdiet bdew jiffurmaw u joffru servizzi differenti f’dan il-qasam. Bħalma jiġri dejjem, din issir ġeometrika. Iktar ma jkollok, iktar ifaqqsu oħrajn li jġiegħlu lil ħaddieħor u jħeġġu lil ħaddieħor ħalli n-numri jikbru biex ikun hemm il-pressjoni għall-bidla.

Inħass għalhekk il-bżonn ta’ aktar għaqda, li dan is-settur jitkellem b’vuċi waħda u li jaħdem b’għan wieħed, li hu dak li jitħarsu d-drittijiet ta’ dawn il-persuni minn kull aspett. Il-Malta Federation of Organizations Persons with Disability issawret proprju biex taqdi dawn l-għanijiet. L-ewwel nett, li tgħallem dwar il-qasam tad-diżabilità u li bil-mod il-mod tbiddel il-kultura tal-‘jaħasra’ għal waħda tassew inklussiva f’kull aspett tal-ħajja.

Illum l-MFOPD hija magħmula minn erbgħa u tletin għaqda. Jiġifieri mhux sempliċiment għaqda waħda imma hemm numru kbir minnhom. Hija wkoll membru ta’ bosta għaqdiet internazzjonali inkluż fuq livell Ewropew u tal-Commonwealth. U jien konvint li fid-diskussjonijiet li jkollhom f’dawn il-laqgħat matul is-snin, irrealizzaw li pajjiżi oħra kienu bħalna wkoll, u għad hemm oħrajn li għadhom lanqas waslu fejn wasalna aħna. Mhux biex wieħed jiġġustifika li għad fadlilna x’nagħmlu, imma li wieħed jifhem li aħna ma konniex minn tal-aħħar, però lanqas konna minn tal-ewwel illi għamilna dawn il-bidliet. Dawn l-organizzazzjonijiet jaħdmu kollha fil-qasam tad-diżabilità. U kif kelli l-okkażjoni li nispjega fid-daħla tal-ktieb – illi nirringrazzja lill-Organizzazzjoni li stednitni anki biex nagħmel dik id-daħla, fejn hemm anki esprimejt ċerti ħsibijiet tiegħi dwar xi tfisser diżabilità, min hu diżabbli, sa fejn tasal u minn fejn tibda d-diżabilità – wieħed jara li minn dak iż-żmien illi wieħed beda jirrealizza xi jrid jagħmel, beda jitwessa’ u jevolva ruħu l-kunċett ta’ kif wieħed jittratta ma’ dawn il-persuni, ta’ kif wieħed jaħdem magħhom, il-bżonnijiet li għandhom u fejn nistgħu ngħinuhom u fejn irridu nerġgħu nagħtuhom lura d-drittijiet li konna nċaħħdulhom dak iż-żmien kollu. U dan kien allura permezz ta’, apparti l-edukazzjoni li semmejt, anki tixrid ta’ informazzjoni u anki ta’ metodi li kienu qed jiġu użati, biċċiet minnhom ġodda, oħrajn mhux daqstant ġodda, f’pajjiżi oħra.

Il-pubblikazzjoni li tnediet illum tixhed dan kollu. Il-kontribuzzjonijiet kollha li fih il-ktieb jirrakkontaw stejjer ta’ diżabilità minn aspetti differenti. Dan juri wkoll l-iżviluppi ġodda fil-qasam kemm fejn tidħol riċerka kif ukoll teknoloġija ġdida. U dan ovvjament huwa wieħed mir-raġunijiet għaliex l-affarijiet imxew daqshekk ’il quddiem għax fejn qabel ma kellna xejn f’idejna, anki, biex ngħid hekk, is-settur mediku ma kellux biżżejjed għodda, illum il-ġurnata wieħed jifhem iktar u jista’ jagħmel ħafna iktar spjegazzjonijiet dettaljati ta’ x’inhi l-kawża ta’ ċerti diżabilitajiet, speċjalment fejn tidħol diżabilità mentali, però anki diżabilitajiet fiżiċi, fejn hemm ċertu mard, hemm ċerti kundizzjonijiet li llum, u mas-snin li għaddew, bil-mezzi ġodda ta’ investigazzjoni li għandna, wieħed jista’ jkun jaf iktar eżatt minn fejn ġejjin ċerti diffikultajiet. Biżżejjed insemmi li hemm ċertu mard li ħafna minnu tista’ tinduna bih fl-ewwel ġranet wara t-twelid, u jekk wieħed ma jindunax, għaliex ma jafx il-kawża, isib li tiżviluppa d-diżabilità li inti tkun ħati tagħha jekk inti ma indunajtx biha. Ovvjament hemm kundizzjonijiet magħrufa li jsiru screening regolari fit-tfal li jitwieldu ħalli nevitaw li jkun hemm dawn l-affarijiet, fosthom insemmu l-kundizzjonijiet tat-thyroid, li jekk wieħed ma jindunax jista’ jkollok ħsara, anki mentali, as you go along. Jiena dan qed ngħidu, għax hemm ħafna xi tgħid u ma tistax tidħol fid-dettall, imma qed ngħidu anki ħalli wieħed jagħmel enfasi fuq il-firxa enormi ta’ xi jfisser li tkun diżabbli, qed insemmi mentali, qed insemmi fiżiku, hemm ħafna affarijiet.

L-iżviluppi ġodda fil-qasam tar-riċerka, fil-qasam mediku ovvjament, taw għodda b’saħħitha ħafna u għodda ta’ min joqgħod fuqha ħalli wieħed ikun iktar konxju u jkun jista’ jinduna iktar malajr bil-kundizzjonijiet. Ovvjament imbagħad għandek ukoll l-istatistika li r-rwol tagħha huwa importanti biex tagħti stampa ċara tal-ħtiġijiet tal-pajjiż u meta wieħed iqabbel l-istatistika ta’ sena ma’ oħra, wieħed jista’ jara d-differenza u, nittama, anki l-progress.

Naraw ukoll bidla fin-nies b’diżabilità nfushom. Fejn qabel kellhom sens baxx ħafna ta’ self-esteem għaliex ovvjament ħadd ma kien jagħtihom ir-rispett li jixirqilhom, illum il-ġurnata iktar ma ġew apprezzati, aktar ma ġew inkoraġġuti biex jieħdu parti iktar sħiħa fil-ħajja ta’ kuljum, iktar bdew huma stess jipparteċipaw b’mod attiv fil-ħajja pubblika, sa fejn setgħu, u jaraw li l-bidliet kulturali u leġiżattivi jiġu xprunati, biex ngħid hekk, minnhom stess. Biċċiet minnhom illum il-ġurnata, bħalma nafu, u anki dawn l-aħħar snin, kienu huma involuti biex anki jwasslu l-messaġġ ġenwin, li m’hawnx aħjar minnu, għax meta inti għandek il-persuna li għandha diżabilità, li għandha nuqqas ta’ fakultajiet jew għandha ċerti restrizzjonijiet li hija stess qed tgħidlek x’tixtieq li jkollha u tispjegalek minn xiex jgħaddu u x’taħseb li tkun l-aħjar triq biex ngħinuhom, jien naħseb li hemmhekk ikollok expertise li huwa diffiċli biex iġġibha minn xi konsulent li mhuwiex il-persuna b’diżabilità nnifisha.

Fuq dawn il-prinċipji tinbena soċjetà inklussiva li l-ewwel u qabel kollox, kif diġà għidt, tħares id-drittijiet ta’ kull persuna. Minn hemm irridu nibdew. Li ma nistgħux inħarsu lejn il-persuna b’diżabilità bħallikieku din il-persuna għandha xi ħaġa nieqsa iktar minn ħaddieħor. Għandhom drittijiet indaqs, ugwali, daqs kull persuna oħra. U fuq hekk tinbena soċjetà li tegħleb il-mod kif inħarsu lejn id-diżabilitajiet, u li l-alternattiva tagħha, u b’din l-attività, tgħin biex toħroġ l-abbiltajiet ta’ kulħadd, anki ta’ dawk li konna naħsbu li għandhom diżabilità li ma tippermettilhomx li jew jikkontribwixxu lejn is-soċjetà jew inkella li ma tippermettilhomx li jirrealizzaw il-kontribut tagħhom u l-potenzjal tagħhom fis-soċjetà. L-għan aħħari ta’ kull min hu attiv f’dan il-qasam, u intom tgħallmuni għax ħafna minnkom, kif diġà ssemma, ilkom is-snin taħdmu ma’ dawn il-persuni, hu li l-persuni b’diżabilità jgħixu ħajja indipendenti, kemm jista’ jkun, u li jkollhom id-dritt jagħżlu x’jagħmlu b’ħajjithom. “X’jagħmlu b’ħajjithom” m’iniex qed nifhem jekk ineħħuhiex jew le, ħalli ma tifhmunix ħażin. Kif imexxu ħajjithom u x’jaħsbu li jkun l-aħjar għalihom infushom. Il-messaġġ huwa li mhux kull diżabilità tagħmlek dipendenti. Nafu u naraw madwarna ċerti persuni, ħafna persuni b’diżabilitajiet li tammirahom u tirringrazzja ’l Alla kif dawn ikunu kapaċi li jagħmlu dak li qegħdin jagħmlu. Meta tipprova tirrealizza int tgħid: “Imma kieku kont jien, kont inkun kapaċi nagħmilha?” U ma tasalx biex tifhem, għax la ma tkunx int f’dak iż-żarbun, ma tasalx. Però meta tara b’għajnejk x’qed jagħmlu ċerti nies b’diżabilità, tirringrazzja ’l Alla.

F’dinja li qed tiżviluppa – tiżviluppa l-mediċina, it-teknoloġija – il-ħin kollu, ma nistgħu qatt ngħidu li wasalna. Dejjem hemm xi jsir jew x’jittejjeb. Jiena nemmen li l-implimentazzjoni tal-Istrateġija Nazzjonali dwar id-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità se tgħin sabiex fit-tmien snin li ġejjin, il-persuni b’abbiltajiet differenti jħossuhom li jagħmlu parti sħiħa mis-soċjetà. Sabiex dan iseħħ, hemm bżonn sinerġija fil-ħidma tal-Gvern flimkien mal-Kummissjoni għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità u l-Malta Federation of Organizations Persons with Disability.

Bis-saħħa ta’ dan, bħala pajjiż, inkunu nistgħu nilħqu l-Għanijiet tal-Iżvilupp Sostenibbli (Sustainable Development Goals), li huma parti essenzjali mill-Aġenda 2030 tan-Nazzjonijiet Magħquda kif ukoll tal-Konvenzjoni tad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità.

Nifraħ mill-ġdid lill-Malta Federation of Organizations Persons with Disability ta’ dan l-anniversarju. U nawguralkom, bħalma għamel ħaddieħor, li tħarsu ’l quddiem lejn, mhux il-50 sena, imma l-100 sena jekk hemm bżonn, li ġejjin li tispiraw lil ta’ warajkom, lil min ħa jiġi biex jieħu over, bl-enerġija tagħkom, bl-entużjażmu tagħkom, bl-impenn tagħkom, ħalli jieħu over bl-istess impenn ħalli jara li nibqgħu ntejbu kemm jista’ jkun il-kundizzjonijiet tal-ħajja tal-persuni b’diżabilità. Jiena nirringrazzjakom u l-għaqdiet li jiffurmaw il-Federazzjoni, tal-ħidma tagħkom sabiex tingħata d-dinjità, ir-rispett u d-drittjiet kollha lill-persuni ta’ abbiltajiet differenti.

Dan huwa d-dritt tagħhom, u aħna ma nkunu qed nagħmlu xejn barra minn loku jekk forsi xi ħadd ifettillu jiftaħar li qed nagħtuhom id-drittijiet. Dawn huma id-drittijiet li misshom dejjem baqgħu għandhom, bl-injoranza tagħna ma konniex qed nagħtuhomlhom, però għall-grazzja t’Alla llum nispera li għajnejna nfetħu, nafu x’inhuma d-drittijiet tagħhom u naraw li dak li kien tagħhom nagħtuhulhom mill-aktar fis possibbli.

Grazzi ħafna.

Skip to content